Konklużjoni
‘Imitaw lil dawk li bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.’—EBREJ 6:12.
1, 2. Għala hu vitali li nibnu l-fidi issa? Agħti eżempju.
IL-FIDI. Hija kelma sabiħa li tirrappreżenta kwalità mixtieqa ferm. Madankollu, meta niltaqgħu maʼ din il-kelma, nagħmlu tajjeb jekk naħsbu f’kelma oħra: “Urġenti!” Dan għaliex jekk ma jkollniex il-fidi, jeħtieġ li niksbuha b’mod urġenti. U jekk għandna l-fidi, jeħtieġ li nipproteġuha u nżommuha ħajja b’mod urġenti. Għala?
2 Immaġina li tinsab għaddej minn deżert vast. Tħossok mejjet bl-għatx u għandek bżonn l-ilma. Meta ssib ftit ilma, trid tipproteġih mix-xemx. Imbagħad ikollok bżonn tara minn fejn se terġaʼ ssib l-ilma ħalli jservik sa ma tasal fid-destinazzjoni tiegħek. Illum, ilkoll qed ngħixu f’deżert spiritwali, dinja fejn il-fidi ġenwina—bħal dak l-ilma—hija rari u għandha tendenza li tevapora f’ħakka t’għajn jekk ma tkunx protetta, u ma terġax tinkiseb. Il-bżonn tagħna hu urġenti; f’sens fiżiku ma nistgħux ngħixu mingħajr ilma, u, b’mod simili, f’sens spiritwali ma nistgħux ngħixu mingħajr fidi.—Rum. 1:17.
3. Ġeħova xi pprovdielna biex jgħinna nibnu l-fidi tagħna, u liema żewġ affarijiet jeħtieġ inżommu f’moħħna biex nagħmlu?
3 Ġeħova jaf kemm hu urġenti l-bżonn li jkollna l-fidi, u jaf kemm hu diffiċli li nibnu u nżommu l-fidi llum il-ġurnata. Bla dubju, huwa għalhekk li pprovdielna eżempji biex nimitawhom. Ġeħova nebbaħ lill-appostlu Pawlu biex jikteb: ‘Imitaw lil dawk li bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.’ (Ebr. 6:12) U huwa għalhekk li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tħeġġiġna biex naħdmu iebes ħalli nimitaw l-eżempji tal-irġiel u n-nisa li wrew il-fidi, bħalma huma dawk li kkunsidrajna f’dan il-ktieb. Iżda issa xi rridu nagħmlu? Ejja nżommu żewġ affarijiet f’moħħna: (1) Jeħtieġ nibqgħu nsaħħu l-fidi tagħna; (2) jeħtieġ inżommu t-tama tagħna ċara f’moħħna.
4. Satana kif ta prova li hu għadu tal-fidi, iżda għala m’għandniex nibżgħu?
4 Ibqaʼ saħħaħ il-fidi tiegħek. Il-fidi għandha għadu kbir—Satana. Il-ħakkiem tad-dinja dawwar din id-dinja f’post fejn hu diffiċli nżommu l-fidi tagħna. Huwa bil-wisq iktar b’saħħtu minna. Għandna nibżgħu li ma nkunux nistgħu niżviluppaw u nsaħħu l-fidi tagħna? Qatt! Ġeħova hu l-aqwa Ħabib taʼ dawk kollha li juru l-fidi ġenwina. Hu jiżgurana li bl-għajnuna Tiegħu nistgħu nopponu lix-Xitan u saħansitra nġegħluh jaħrab minna! (Ġak. 4:7) Nopponuh billi kuljum nieħdu l-ħin biex insaħħu l-fidi tagħna u nibnuha. Kif?
5. L-irġiel u n-nisa tal-Bibbja li wrew il-fidi kif kisbu l-fidi tagħhom? Spjega.
5 Bħalma rajna, l-irġiel u n-nisa tal-Bibbja li wrew il-fidi ma twildux bil-fidi; kellhom jiżviluppawha. Ħajjithom hi eżempju ħaj li l-fidi tiġi mill-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22, 23) Huma talbu għall-għajnuna, u minħabba f’hekk Ġeħova baqaʼ jsaħħilhom il-fidi. Ejja nagħmlu bħalhom u qatt ma ninsew li Ġeħova jagħti l-ispirtu tiegħu b’mod ġeneruż lil dawk li jitolbuhulu u jaħdmu fi qbil mat-talb tagħhom. (Lq. 11:13) Nistgħu nagħmlu iktar minn hekk?
6. Kif nistgħu nibbenefikaw l-iktar mill-istudju tagħna dwar ir-rakkonti tal-Bibbja?
6 F’dan il-ktieb, iddiskutejna biss ftit eżempji taʼ fidi li tispikka. Hemm bosta, bosta oħrajn! (Aqra Ebrej 11:32.) Kull wieħed—bil-mod tiegħu—joffri opportunità mill-aqwa biex nagħmlu studju minn qalbna u bit-talb. Jekk ir-rakkonti tal-Bibbja dwar nies taʼ fidi sempliċement naqrawhom taʼ kafkaf, m’aħniex se nsaħħu l-fidi tagħna stess. Sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-qari tagħna, jeħtieġ inqattgħu l-ħin inħaffru fil-kuntest u fl-isfond tar-rakkonti tal-Bibbja. Jekk dejjem niftakru li dawn l-irġiel u n-nisa imperfetti kellhom “sentimenti bħal tagħna,” l-eżempji tagħhom isiru iktar reali għalina. (Ġak. 5:17) Bl-empatija, nistgħu nimmaġinaw kif setgħu ħassewhom hekk kif iffaċċjaw sfidi u problemi simili għal tagħna.
7-9. (a) Xi wħud mill-irġiel u n-nisa fi żminijiet Bibliċi li wrew il-fidi kif setgħu iħossuhom dwar li jaqdu lil Ġeħova bil-mod kif naqduh illum? (b) Għala għandna nsaħħu l-fidi tagħna bl-azzjonijiet?
7 Il-fidi tagħna nsaħħuha wkoll permezz tad-deċiżjonijiet u l-għemejjel tagħna. Wara kollox, “fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġak. 2:26) Immaġina ftit l-irġiel u n-nisa li tkellimna dwarhom kemm kienu jifirħu kieku ġew inkarigati jagħmlu x-xogħol li Ġeħova talabna nagħmlu llum!
8 Pereżempju, mur għidlu lil Abraham li wieħed jistaʼ ma jaqdix lil Ġeħova b’artali sempliċi tal-ġebel fix-xagħri imma jaqdih fost gruppi organizzati taʼ aduraturi oħrajn fi Swali tas-Saltna sbieħ u f’konvenzjonijiet kbar, fejn jiġu diskussi u spjegati b’dettalji mill-aqwa l-wegħdi li hu ra biss “mill-bogħod”! (Aqra Ebrej 11:13.) U mur għidlu lil Elija li x-xogħol tiegħu ma jinvolvix il-qtil tal-profeti mill-agħar taʼ Bagħal waqt li jipprova jaqdi lil Ġeħova taħt il-ħakma taʼ sultan mill-agħar apostata, imma jinvolvi li jżur lin-nies bil-paċi biex iwassal messaġġ taʼ faraġ u tama! Tabilħaqq, ma taħsibx li l-irġiel u n-nisa tal-Bibbja li wrew il-fidi kienu jaħtfu l-opportunità biex jaqdu lil Ġeħova kif nagħmlu llum?
9 Mela ejja nkomplu nsaħħu l-fidi tagħna bl-azzjonijiet. Hekk kif nagħmlu dan, inkunu qed napplikaw b’mod prattiku l-eżempji taʼ rġiel u nisa taʼ fidi li nsibu fil-Kelma ispirata t’Alla. Bħalma ssemma fl-Introduzzjoni, se nħossuna eqreb lejhom minn qatt qabel bħala ħbieb. Madankollu, dawn il-ħbiberiji dalwaqt ikunu bil-wisq iktar reali.
10. Lejn liema ħaġa sabiħa nħarsu ’l quddiem fil-Ġenna tal-art?
10 Żomm it-tama tiegħek ċara f’moħħok. L-irġiel u n-nisa taʼ fidi dejjem ġew imsaħħin bit-tama li jagħtihom Alla. Huwa l-istess fil-każ tiegħek? Pereżempju, immaġina l-ferħ li se tħoss xħin tiltaqaʼ maʼ qaddejja t’Alla li wrew il-fidi meta jiġu lura għall-ħajja matul l-“irxoxt . . . tan-nies sewwa.” (Aqra Atti 24:15.) X’inhuma xi mistoqsijiet li tixtieq tagħmlilhom?
11, 12. Fid-dinja l-ġdida, liema mistoqsijiet tistaʼ tagħmel lil (a) Abel? (b) Noè? (ċ) Abraham? (d) Rut? (e) Abigajl? (f) Ester?
11 Meta tiltaqaʼ m’Abel, se tkun ħerqan li tistaqsih kif kienu l-ġenituri tiegħu? Jew forsi tistaqsih: “Qatt kellimthom lil dawk il-kerubini li kienu jgħassu d-daħla tal-Għeden? Kienu jwiġbuk?” Xi ngħidu għal Noè? Forsi tistaqsih: “Qatt bżajt min-Nefilim? Kif ħadt ħsieb dawk l-annimali kollha matul dik is-sena fl-arka?” Jekk tiltaqaʼ m’Abraham, forsi tistaqsih: “Qatt iltqajt maʼ Sem? Min għallmek dwar Ġeħova? Kien diffiċli li titlaq minn Ur?”
12 Bl-istess mod, ikkunsidra xi mistoqsijiet li għandek mnejn tkun trid tistaqsi lin-nisa taʼ fidi li se jiġu rxoxtati. “Rut, xi kkonvinċiek issir aduratriċi taʼ Ġeħova?” “Abigajl, bżajt meta kellek tgħid lil Nabal dwar kif kont għent lil David?” “Ester, int u Mordekaj x’sar minnkom wara li ntemmet l-istorja fil-Bibbja?”
13. (a) Liema tip taʼ mistoqsijiet għandhom mnejn jagħmlulek l-uħud irxoxtati? (b) Kif tħossok dwar il-prospett li tiltaqaʼ mal-irġiel u n-nisa tal-qedem li wrew il-fidi?
13 M’għandniex xi ngħidu, dawn l-irġiel u n-nisa li wrew il-fidi jistaʼ jkollhom ħafna mistoqsijiet għalik ukoll. Kemm se jkun eċċitanti li tgħidilhom dwar iż-żminijiet kritiċi tal-aħħar u kif Ġeħova bierek lill-poplu tiegħu matul żminijiet ebsin! Bla dubju, se jħossuhom effettwati bil-kbir meta jsiru jafu kif Ġeħova wettaq il-wegħdi kollha tiegħu. F’dawk il-jiem li ġejjin mhux se jkollna iktar bżonn nimmaġinawhom lill-qaddejja leali t’Alla li jissemmew fil-Bibbja. Se jkunu magħna hemmhekk fil-Ġenna tal-art! Mela ibqaʼ agħmel kulma tistaʼ biex dawn l-uħud ikunu reali għalik. Ibqaʼ imita l-fidi tagħhom. Jalla tkompli taqdi lil Ġeħova bil-ferħ flimkien magħhom bħala l-ħbieb għeżież tiegħek għal dejjem!