MISTOQSIJA 4
Kif nistaʼ nirranġa l-iżbalji tiegħi?
INT KIEKU X’TAGĦMEL?
Immaġina din ix-xena: Waqt li kien qed jilgħab maʼ sħabu, Tim iwaddab il-ballun u jkisser il-windskrin taʼ karozza tal-ġar tiegħu.
Li kieku kont Tim, int kieku x’tagħmel?
IEQAF U AĦSEB!
GĦANDEK TLIET GĦAŻLIET:
Titlaq tiġri.
Twaħħal f’ħaddieħor.
Tgħid lill-ġar tiegħek x’ġara, u toffri li tħallas l-ispejjeż.
Jistaʼ jkun li titħajjar tagħżel A. Imma dejjem hemm raġunijiet tajba għala għandek tammetti l-iżbalji tiegħek—kemm jekk jinvolvi ħġieġa mkissra u kemm jekk xi ħaġa oħra.
TLIET RAĠUNIJIET GĦALA GĦANDEK TAMMETTI L-IŻBALJI TIEGĦEK
Għax hekk hu xieraq li tagħmel.
Il-Bibbja tgħid: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.
Għax in-nies huma iktar lesti li jaħfru lil dawk li jammettu l-iżbalji tagħhom.
Il-Bibbja tgħid: “Min jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.”—Proverbji 28:13.
L-iktar importanti, għax tkun qed togħġob lil Alla.
Il-Bibbja tgħid: “Il-qarrieq huwa mistkerrah minn Ġeħova, imma Hu għandu relazzjoni intima mar-retti.”—Proverbji 3:32.
Karina, li għandha 20 sena, ipprovat taħbi ċitazzjoni minn missierha. Imma ma setgħetx iżżommha moħbija għal dejjem. Karina tgħid: “Madwar sena wara, missieri induna li kien hemm ċitazzjoni fuq ismi. Tgħidx kemm ġejt f’inkwiet!”
X’tgħallmet? Karina tgħid: “Jekk tipprova taħbi xi żball tkun biss qed tiggrava s-sitwazzjoni. Xorta jkollok tpatti għalih iktar ’il quddiem!”
KIF TISTAʼ TITGĦALLEM MILL-IŻBALJI TIEGĦEK
Il-Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu [jew, nagħmlu żbalji] ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) U bħalma rajna, li tammetti l-iżbalji tiegħek—u mill-ewwel—hu sinjal taʼ umiltà u maturità.
Il-pass li jmiss hu li titgħallem mill-iżbalji tiegħek. Tfajla jisimha Vera tgħid: “Jien nipprova nqis kull żball bħala esperjenza li nitgħallem minnha u nħalliha tgħinni nkun persuna aħjar. Ukoll nitgħallem biex darb’oħra nittratta s-sitwazzjoni b’mod differenti.” Ejja naraw kif int tistaʼ tagħmel dan.
Tieħu r-rota taʼ missierek u tagħmlilha l-ħsara. X’tagħmel wara?
Ma tgħid xejn u tittama li missierek ma jindunax.
Tgħid lil missierek x’ġara eżatt.
Tgħid lil missierek x’ġara imma twaħħal f’xi ħadd ieħor.
Ma tgħaddix minn eżami għax ma tkunx studjajt għalih. X’tagħmel wara?
Twaħħal fl-eżami.
Tieħu r-responsabbiltà għala ma ġibtx marki tajbin.
Tgħid li l-għalliem għandu xi ħaġa kontrik.
Jekk toqgħod thewden fuq l-iżbalji li għamilt fil-passat ikun bħallikieku qed issuq karozza u fl-istess ħin qed tħares fil-mera biex tara wara
Issa erġaʼ aħseb dwar ix-xeni li għadna kif semmejna, u pprova immaġina li int (1) missierek u (2) l-għalliem tiegħek. Missierek u l-għalliem tiegħek x’se jaħsbu dwarek jekk mill-ewwel tammetti l-iżbalji tiegħek? X’se jaħsbu dwarek jekk tipprova tgħatti l-iżbalji tiegħek?
Issa aħseb dwar żball li għamilt matul is-sena l-oħra u wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin.
X’kien l-iżball? X’għamilt wara?
Ipprovajt ngħattih.
Waħħalt f’xi ħadd ieħor.
Ammettejt mill-ewwel.
Jekk m’ammettejtx l-iżball tiegħek, kif ħassejtek wara?
Tajjeb—għaddejtha lixxa!
Ħati—Missni għedt il-verità.
Kif stajt tittratta s-sitwazzjoni aħjar?
X’tgħallimt mill-iżball tiegħek?
INT X’TAĦSEB?
Xi nies għala jżommu lura milli jammettu l-iżbalji tagħhom?
In-nies x’se jaħsbu dwarek jekk dejjem tipprova tgħatti l-iżbalji tiegħek, imma x’se jaħsbu dwarek jekk tammetti l-iżbalji tiegħek?—Luqa 16:10.