LEZZJONI 74
Ġesù jsir il-Messija
Ġwanni kien jipprietka: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni.’ Meta Ġesù kellu madwar 30 sena, hu ġie mill-Galilija għal ħdejn ix-Xmara Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed lin-nies. Ġesù ried li Ġwanni jgħammdu, imma Ġwanni qallu: ‘Mhux jien għandi ngħammed lilek imma int għandek tgħammed lili.’ Ġesù wieġbu: ‘Ġeħova jridek tgħammidni.’ Għalhekk, huma niżlu fix-Xmara Ġordan, u Ġwanni għammed lil Ġesù billi niżżlu kollu taħt l-ilma.
Wara li Ġesù ġie mgħammed, hu talab. Dak il-ħin, is-smewwiet infetħu, u l-ispirtu t’Alla niżel fuqu f’forma taʼ ħamiema. Imbagħad, Ġeħova tkellem mis-sema: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.”
Meta l-ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġesù, hu sar il-Kristu, jew il-Messija. Issa kien se jibda x-xogħol li Ġeħova kien bagħtu biex jagħmel fuq l-art.
Eżatt wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù mar fid-deżert fejn hemm qattaʼ 40 ġurnata. Meta mar lura, hu mar jara lil Ġwanni. Hekk kif kien riesaq lejh, Ġwanni qal: ‘Dan hu l-Ħaruf t’Alla li se jneħħi d-dnub tad-dinja.’ B’dan il-kliem, Ġwanni ried li n-nies ikunu jafu li Ġesù kien il-Messija. Trid tkun taf xi ġralu Ġesù meta kien fid-deżert? Ejja naraw.
“Ġie leħen mis-smewwiet: ‘Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.’”—Marku 1:11