Ir-Regola tad-Deheb—X’lnhi?
“ĦARES! Jien ma jimpurtanix mill-ġirien. Għalija, jistgħu jagħmlu li jridu. Imma, naturalment, jekk ikunu f’xi diffikultà, nagħmel ħilti kollha biex ingħinhom.” Hekk tirraġuna int? Meta jkun hemm xi diżastri, atti taʼ qalb tajba u nuqqas taʼ egoiżmu jistgħu jkunu ħafna, taʼ spiss b’sorpriża għal ħafna nies. Imma huwa dan biżżejjed?
Jekk inti ġenitur, bla dubju wissejt lil uliedek biex jevitaw li jinbxu lil ħbiebhom. Ħafna minna għad għandna l-marki taʼ meta konna żgħażagħ li juru li jekk ninjoraw il-gwida se jġib ritaljazzjoni. Iva, tgħallimna l-għerf tal-prinċipju taʼ gwida li ġie definit b’mod ċar mill-filosfu Orjentali Konfuċjus: “Dak li ma tridx li jagħmlu lilek, tagħmlux lil oħrajn.” Qed tirrealizza int, iżda, li din hi sempliċement verżjoni inferjuri u negattiva taʼ dik li hi magħrufa bħala r-Regola tad-Deheb?
Regola Pożittiva
Skond il-Webster’s New Collegiate Dictionary, “regola tad-deheb” hija definita bħala “regola taʼ kondotta etika li tirreferi għal [Mattew] 7:12 u [Luqa] 6:31 u li tistqarr li wieħed għandu jagħmel lil oħrajn dak li jrid li oħrajn jagħmlu lilu.” Ħares lejn il-kaxxa li hawn taħt f’din il-paġna u kkunsidra kif verżjonijiet differenti tal-Bibbja taʼ Mattew kapitlu 7 vers 12 iħallu s-sbuħija taʼ dan il-prinċipju taʼ gwida toħroġ b’dija qawwija.
Jekk jogħġbok innota li għalkemm il-kliem huwa differenti minn verżjoni għall-oħra, ir-regola hija pożittiva. Wara kollox, bħalma rraġuna Ġesù iktar kmieni fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Ibqgħu staqsu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu. ibqgħu ħabbtu u se jinfetħilhomx. Għax kulmin jistaqsi jirċievi, u kulmin ifittex isib, u lil kulmin iħabbat jinfetaħlu.” (Mattew 7:7, 8) Li tistaqsi, li tfittex, li tħabbat, huma kollha azzjonijiet pożittivi. “L-affarijiet kollha, mela,” jkompli Ġesù, “li tridu l-bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-istess mod lilhom.”−Mattew 7:12.
Il-Bibbja turi li d-dixxipli taʼ Ġesù appoġġawha lil din l-istess regola billi għexu fi qbil magħha. (Rumani 15:2; 1 Pietru 3:11; 3 Ġwann 11) B’dispjaċir, iżda, l-istat preżenti tar-reliġjonijiet umani jagħti xiehda li fil-biċċa l-kbira, in-nies, kemm jekk huma Kristjani tal-isem jew le, ma jimxux fuqha. Imma dan ma jfissirx li hi antikwata.
[Kaxxa f’paġna 3]
“Agħmlu lil bnedmin oħra dak kollu li tridu li jagħmlu lilkom.”—The Holy Bible, tradott minn R. A Knox.
“Itrattaw lin-nies oħrajn eżatt kif tridu li tiġu trattati minnhom.”—The New Testament in Modern English minn J.B. Phillips.
“Hu x’inhu li tixtiequ li oħrajn kieku jagħmlu magħkom u għalikom, saħansitra hekk agħmlu magħhom u għalihom.”−The Amplified New Testament.
“Agħlmu għal oħrajn kulma triduhom jagħmlu għalikom.”—The New Testament in the Language of Today minn W. F. Beck.
“Fi kwalunkwe ħaġa mela, trattaw maʼ sħabkom il-bnedmin kif kieku tixtiequ li huma jitrattaw magħkom.”—The Four Gospels, tradotti minn E. V. Rieu.
“Tridu tipprattikaw kif timxu maʼ oħrajn hekk kif tixtiequ li huma jimxu magħkom.”—The New Testament, minn C.B. Williams.