Tapprezzah Int Dak li Għamel Alla?
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħallih jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu jum wara jum u jsegwini kontinwament.”−LUQA 9:23.
1. Liema huma xi ftit mir-rigali tal-għaġeb li Alla pprovda?
AĦNA nafu l-ħajjiet tagħna lil Alla. Li kieku ma ħalaqx l-umanità, qatt ma konna nitwieldu. Imma Alla ħalaq iżjed mill-ħajja. Hu għamilha b’tali mod li nistgħu ngawdu ħafna affarijiet: it-togħma tal-ikel, is-sħana tad-dawl tax-xemx, il-ħoss tal-mużika, il-frisk taʼ jum tar-rebbiegħa, it-tenerezza tal-imħabba. Saħansitra iżjed, Alla tana moħħ u x-xewqa li nitgħallmu dwaru. Hu nebbaħ il-Bibbja, li tagħtina gwida soda, turina kif ingħixu ħajjiet iżjed henjin, u tipprovdi t-tama taʼ ħajja għal dejjem fid-dinja ġdida taʼ tjieba tiegħu. Alla jipprovdi wkoll l-ispirtu qaddis tiegħu, l-appoġġ taʼ kongregazzjoni lokali, u rġiel u nisa ixjeħ taʼ mħabba li jistgħu jgħinuna nibqgħu sodi fis-servizz tiegħu.—Ġenesi 1:1, 26-28; 2 Timotew 3:15-17; Ebrej 10:24, 25; Ġakbu 5:14, 15.
2. (a) Liema hi l-iktar ħaġa tal-għaġeb li Alla għamel għalina? (b) Nistgħu naqilgħu bi ħlas is-salvazzoni permezz tax-xogħlijiet?
2 Flimkien maʼ dak kollu, Alla bagħat lill-ewwel Iben imwieled tiegħu stess biex igħidilna iżjed dwar x’jistenna minna l-Missier u biex jipprovdi “ħelsien b’rahan” għal kull min jaċċettah. (Efesin 1:7; Rumani 5:18) Dak l-iben, Ġesù Kristu, qal: “Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta l-iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jemmen fih ma jgħibx, imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16, King James Version) Is-salvazzjoni li ntgħamlet possibbli b’dak ir-rahan hi taʼ valur tant superlattiv li m’hemm assolutament l-ebda mod li xi ħadd jistaʼ jagħmel xogħlijiet biex jaqlagħha bi ħlas, ċertament mhux xogħlijiet li kienu jsiru qabel taħt il-Liġi taʼ Mosè. B’hekk, Pawlu kiteb: “Bniedem hu ddikjarat twajjeb, mhux permezz taʼ xogħlijiet tal-Liġi, imma biss permezz taʼ fidi lejn Kristu Ġesù.”−Galatin 2:16; Rumani 3:20-24.
Fidi u Xogħlijiet
3. X’qal Ġakbu dwar fidi u xogħlijiet?
3 Is-salvazzjoni tiġi bil-fidi, imma fidi u apprezzament għal dak kollu li għamel Alla għandhom iqanqluna għall-azzjoni. Għandha tqanqalna biex nagħmlu affarijiet li juru l-fidi tagħna. Ġakbu ħu Ġesù mill-omm kiteb: “Fidi, jekk ma għandhiex xogħlijiet, hi mejta fiha nfisha.” Hu qal ukoll: “Urini l-fidi tiegħek mingħajr ix-xogħlijiet, u jien se nurik il-fidi tiegħi bix-xogħlijiet tiegħi.” Ġakbu wera ċar li saħansitra d-demonji “jemmnu u jirtogħdu,” imma ovvjament id-demonji ma jagħmlux xogħlijiet taʼ tjieba. Abraham, mill-banda l-oħra, kellu fidi kif ukoll xogħlijiet.” [I]l-fidi tiegħu ħadmet flimkien max-xogħlijiet tiegħu u bix-xogħlijiet tiegħu l-fidi kienet ipperfezzjonata.” Ġakbu rrepeta: “Fidi mingħajr xogħlijiet hi mejta.”−Ġakbu 2:17-26.
4. X’qal Ġesù li għandhom jagħmlu dawk li jridu jsegwuh?
4 Ġesù wkoll wera l-importanza taʼ xogħlijiet sewwa, billi qal: “Ħallu d-dawl tagħkom jiddi quddiem il-bnedmin, biex huma jistgħu jaraw ix-xogħlijiet mill-aħjar tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħallih jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu jum wara jum u jsegwini kontinwament.”a Jekk ‘niċhdu’ lilna nfusna, aħna nċedu ħafna mill-preferenzi persunali tagħna. Nagħrfu li aħna nafu kollox lil Alla, u għalhekk nagħtu lilna nfusna lilu bħala rsiera tiegħu, billi nfittxu li nitgħallmu u nagħmlu r-rieda tiegħu, bħalma għamel Ġesù.—Mattew 5:16; Luqa 9:23; Ġwann 6:38.
Ħajjiet Huma Effettwati
5. (a) Pietru x’wera li għandu jeffettwa l-mod taʼ ħajja tagħna kollha kemm hi? (b) Liema xogħlijiet mill-aħjar irrikkmanda?
5 Pietru wera ċar li d-“demm prezzjuż” taʼ Kristu, mogħti għalina, hu taʼ valur tant eċċellenti li l-apprezzament tagħna għalih għandu jkun evidenti fil-mod taʼ ħajja tagħna kollha kemm hi. L-appostlu semmaʼ ħafna affarijiet li l-apprezzament tagħna għandu jqanqalna biex nagħmlu. Hu tana dawn il-pariri: “Neħħu kull ħażen.” “Ifformaw xenqa għall-ħalib mhux imħallat li jappartjeni lill-kelma.” “Iddikjaraw barra l-pajjiż l-affarijiet eċċellenti taʼ dak li sejħilkom ’il barra mid-dlam għal ġod-dawl tal-għaġeb tiegħu.” ‘Duru lil hinn minn dak li hu ħażin u agħmlu dak li hu tajjeb.’ “Agħmlu difiża quddiem kulmin jitlobkom raġuni għat-tama fikom.” ‘Għixu l-bqija taʼ żmienkom fil-laħam, mhux iktar għax-xewqat tal-bnedmin, imma għar-rieda t’Alla.’—1 Pietru 1:19; 2:1, 2, 9; 3:11, 15; 4:2.
6. (a) Il-Kristjani tal-ewwel seklu kif urew il-fidi tagħhom? (b) X’eżempju għandu dan jagħtina?
6 Il-Kristjani tal-ewwel seklu għexu l-fidi tagħhom. Hija biddlet il-ħarsa tagħhom u l-personalitajiet tagħhom, billi qanqlithom biex iġibu l-ħajjiet tagħhom fi qbil mar-rieda t’Alla. Huma batew eżilju, tħaġġir, swat, tfigħ il-ħabs, u saħansitra mewt biex ma jiksrux il-fidi tagħhom. (Atti 7:58-60; 8:1; 14:19; 16:22; 1 Korintin 6:9-11; Efesin 4:22-24; Kolossin 4:3; Filemon 9, 10) L-istoriku magħruf Ruman Taċitus, li twieled madwar is-sena 56 E.K., igħid li l-Krisjani “ġew ikkundannati għall-fjammi u maħruqin, biex jaqdu bħala dawl bil-lejl, meta d-dawl tal-jum kien ikun spiċċa.” Madankollu huma ma tħarrkux!—The Annals, Ktieb XV, paragrafu 44.
7. F’liema sitwazzjoni jistgħu xi nies isibu lilhom infushom?
7 F’xi kongregazzjonijiet issib nies li ilhom jattendu l-laqgħat għal snin sħaħ. Huma jħobbu l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, jaħsbu li n-nies tiegħu huma l-aqwa nies li qatt iltaqgħu magħhom, jagħmlu kummenti sbieħ dwar il-verità, u jiddefendu l-verità maʼ dawk taʼ barra. Imma xi ħaġa tieqaf quddiemhom, xi ħaġa żżommhom lura. Huma qatt ma ħadu l-pass sabiħ li ħadu t-3,000 ruħ f’jum Pentekoste, li l-Etjopjan li emmen staqsa dwaru, jew li Ananija ħeġġeġ lil Sawl biex jieħu hekk kif dak li qabel kien jippersegwita rrealizza li Ġesù kien verament il-Messija. (Atti 2:41; 8:36; 22:16) X’inhu nieqes f’uħud bħal dawn illum? Għala ma ħadux il-pass li l-Bibbja ssejjaħlu “it-talba magħmula ’l Alla għal kuxjenza tajba”? (1 Pietru 3:21) Jekk int issib lilek innifsek f’din is-sitwazzjoni—li taf il-verità imma qed taħsibha biex tagħmel xi ħaġa dwarha—qis dan l-artiklu bħala li ġie mħejji b’imħabba speċjali għalik.
Negħlbu l-Ostakli għall-Magħmudija
8. Jekk int qatt ma kont student tajjeb, xi tkun il-korsa għaqlija li għandek tieħu issa?
8 X’jistaʼ jżommok? L-artiklu taʼ qabel wera li xi wħud jistgħu jsibu l-istudju persunali taʼ problema. Alla tana mħuħ tal-għaġeb, u hu jistenna li aħna nużawhom biex naqduh. Xi nies li lanqas biss kienu jafu jaqraw applikaw lilhom infushom biex jitgħallmu jaqraw sabiex jitgħallmu iżjed dwar Alla u dwar il-għanijiet tiegħu. Xi ngħidu għalik? Jekk diġà taf taqra, tistudja verament, kif għamlu l-Berejani, “jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum” biex jaraw jekk dawn l-affarijiet kinux hekk? Tkixxift int “il-wisgħa u t-tul u l-għoli u l-fond” tal-verità? Ħaffirt int fil-fond biżżejjed ġewwa l-Kelma t’Alla? Skoprejt kemm hi verament eċċitanti? Żviluppajt xewqa vera biex issir taf ir-rieda t’Alla? Għandek int ġuħ ġenwin għall-verita?—Atti 17:10,11; Efesin 3:18.
9. X’inhi l-ħaġa xierqa li tagħmel jekk għandek xi problema maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni?
9 Xi drabi xi nies iżommu lura minħabba xi problema vera jew immaġinarja li huma kellhom maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni. Offendiek xi ħadd serjament? Mela segwi l-gwida indikata mill-kliem taʼ Ġesù: “Mur ikxef in-nuqqas tiegħu bejnek u bejnu waħedkom.” (Mattew 18:15) Forsi b’sorpriża ssib li l-persuna lanqas biss kienet taf li int kont offiż. Imma saħansitra jekk ikun jaf, int xorta tistaʼ ‘tikseb lil ħuk,’ kif qal Ġesù. Int tistaʼ wkoll tgħinu jevita li jfixkel lil xi ħadd ieħor. Barra minn dan, meta toqgħod tqis, int lil min qed taqdi—lil dik il-persuna jew lil Alla? Hija l-imħabba tiegħek għal Alla tant limitata li se tħalli kwalunkwe żball taʼ bniedem imperfett ifixkel l-imħabba tiegħek għaliH?
10, 11. X’għandek tagħmel jekk xi dnub sigriet kien qed iżommok lura?
10 Xi dnub sigriet jistaʼ jżomm lil persuna lura mill-magħmudija. Dan jistaʼ jkun xi ħaġa li ġrat fil-passat, jew jistaʼ jkun xi korsa taʼ ħażen kontinwa. Jekk din hija problema għalik, ma wasalx iż-żmien biex tikkorreġi din il-haġa? (1 Korintin 7:29-31) Ħafna min-nies taʼ Jehovah kellhom jagħmlu bidliet fil-ħajjiet tagħhom. Il-Bibbja tgħid: “Indmu, għalhekk, u duru biex ikollkom dnubietkom imħassrin, biex staġuni taʼ serħan jistgħu jiġu mill-persuna taʼ Jehovah.”−Atti 3:19.
11 Hu x’inhu li stajt għamilt fil-passat, int tistaʼ tindem, titbiddel, u titlob ’l Alla għall-maħfra. “Mewtu, għalhekk, lill-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art rigward iż-żina, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li tweġġaʼ . . . Inżgħu l-personalità l-qadima, bil-prattiċi tagħha, u tlibbsu bil-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt tiġġedded skond ix-xbiha taʼ Dak li ħalaqha.” Int tistaʼ ġġib ħajtek fi qbil mal-mogħdijiet tiegħu, tgawdi kuxjenza nadifa, u jkollok it-tama taʼ ħajja eterna fid-dinja ġdida tiegħu taʼ tjieba. Ma jiswiex dak kwalunkwe sforz li tistaʼ tagħmel?—Kolossin 3:5-10; Isaija 1:16, 18; 1 Korintin 6:9-11; Ebrej 9:14.
12. X’għandek tagħmel jekk it-tabakk abbuż tal-alkoħol, jew drogi jinsabu bejnek u bejn kuxjenza nadifa?
12 Huwa l-użu tat-tabakk, l-abbuż tal-alkoħol, jew il-jasar għad-drogi li jinsab bejnek u bejn kuxjenza nadifa? Ma jurux dawn il-vizzjijiet li jheddu l-ħajja nuqqas taʼ rispett lejn ir-rigal meraviljuż t’Alla tal-ħajja? Jekk vizzjijiet bħal dawn qed iżommuk, ċertament li wasal iż-żmien biex tikkorreġihom. Huma dawn il-vizzjijiet taʼ valur daqs ħajtek? Pawlu qal: “Ejjew innaddfu lilna nfusna minn kull tniġġis tal-laħam u tal-ispirtu, billi nipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla.” Tapprezza int il-mogħdijiet indaf u taʼ tjieba t’Alla biżżejjed biex tagħmel dan?b—2 Korintin 7:1.
Affarijiet Materjali
13, 14. (a) Xi tgħid l-Iskrittura dwar miri materjali? (b) Għala huwa importanti li tpoġġi l-ewwel affarijiet tas-sema?
13 Illum id-dinja tpoġġi s-suċċess u “li wieħed jiffanfra bil-mezzi tal-ħajja” qabel kważi kwalunkwe ħaġa oħra. Imma Ġesù xebbah “l-anzjetajiet taʼ din is-sistema taʼ affarijiet u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi” maʼ “xewk” li joħnoq il-kelma t’Alla. Hu staqsa wkoll: “X’se jiswa għal bniedem li jikseb id-dinja kollha imma jitlef ruħu?”—1 Ġwann 2:16; Mark 4:2-8, 18, 19; Mattew 16:26.
14 Ġesù ġibed għall-attenzjoni tagħna l-fatt li Alla rranġa għall-agħsafar biex isibu l-ikel u għall-ġilji biex jiftħu bi ġmiel kbir. Imbagħad staqsa: “Kemm tiswew iktar intom mill-agħsafar? . . . Kemm iktar se jlibbes [Alla] lilkom!” B’mod għaqli, Ġesù qalilna biex ‘nieqfu milli nkunu anzjużi’ dwar affarijiet materjali. Hu qal: “Fittxu kontinwament is-saltna [t’Alla], u dawn l-affarijiet se jiżdidulkom.” Hu wriena ċar li aħna għandna npoġġu affarijiet tas-sema l-ewwel għaliex ‘fejn qiegħed it-teżor tagħna, hemm qalbna se tkun ukoll.’—Luqa 12:22-31; Mattew 6:20, 21.
Servizz taʼ Tjieba bil-Għajnuna t’Alla
15. X’inkuraġġiment mill-aħjar jagħtina l-eżempju tal-Kristjani tal-ewwel seklu?
15 Jippreżenta xi problema għalik li tagħti xiehda lill-oħrajn? Il-mistħija ġġagħlek iżżomm lura? Jekk iva, huwa importanti li tiftakar li l-Kristjani tal-ewwel seklu kienu jħossu bl-istess mod bħalna llum. Alla ma għażilx ħafna wħud għorrief u setgħanin, imma hu għażel “l-affarijiet dgħajfin tad-dinja, biex ikun jistaʼ jġib affarijiet b’saħħithom għal mistħija.” (1 Korintin 1:26-29) Mexxejja reliġjużi taʼ setgħa opponew lil dawn in-nies “ordinarji” u ordnawlhom biex jieqfu milli jippridkaw. X’għamlu l-Kristjani? Huma talbu. Talbu lil Alla għall-qlubija, u hu tahielhom. Bħala riżultat, il-messaġġ tagħhom mela lil Ġerusalemm u iktar tard heżheż lid-dinja kollha!—Atti 4:1-4, 13, 17, 23, 24, 29-31; 5:28, 29; Kolossin 1:23.
16. X’nitgħallmu mis-‘sħaba kbira taʼ xhieda’ deskritta f’Ebrej kapitlu 11?
16 B’hekk, il-biżaʼ mill-bnedmin qatt m’għandu jiġi bejna u bejn is-servizz t’Alla. Ebrej kapitlu 11 isemmi ‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li beżgħu, mhux mill-bnedmin, imma minn Alla. Aħna għandna nuru fidi simili. L-appostlu kiteb: “Għaliex għandna sħaba hekk kbira taʼ xhieda jdawruna, ejjew aħna wkoll inneħħu kull piż u d-dnub li faċilment iħarbatna, u ejjew niġru bis-sabar it-tiġrija li hi mqiegħda quddiemna.”—Ebrej 12:1.
17. X’inkuraġġiment ta Alla permezz taʼ Isaija?
17 Alla jistaʼ jipprovdi lill-qaddejja tiegħu għajnuna tremenda. Il-Ħallieq tal-univers qal lil Isaija: “Dawk li qed jittamaw f’Jehovah se jiksbu l-qawwa mill-ġdid. Se jgħolew bi ġwienaħ bħal ajkli. Se jiġru u ma jiddgħajfux; se jimxu u ma jgħajjewx.”−Isaija 40:31.
18. Kif tistaʼ tegħleb il-mistħija sabiex tieħu sehem fl-ippridkar tas-Saltna?
18 Ix-Xhieda kuraġġużi u hienja li int tara fil-kongregazzjoni lokali huma biss parti żgħira minn iktar minn tliet miljuni u nofs qaddejja żelużi mal-art kollha. Huma jifirħu li għandhom sehem fix-xogħol li Ġesù Kristu nnifsu bassar f’dawn il-kelmiet: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata mal-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Jekk li tipparteċipa fl-ippridkar tas-Saltna jippreżenta xi problema għalik avolja int tikkwalifika biex tagħmlu, għax ma tistaqsix lil xi Xhud li sejjer tajjeb fil-ministeru biex iħallik tmur miegħu jew magħha biex tieħu sehem fix-xogħol tal-ippridkar? Alla verament li jipprovdi “qawwa iktar min-normal,” u forsi b’sorpriża għalik tiskopri x’għaxqa verament hu dan is-servizz taʼ tjieba.—Mattew 24:14; 2 Korintin 4:7; ara wkoll Salm 56:11; Mattew 5:11, 12; Filippin 4:13.
19. Ġesù liema xogħol taʼ tagħlim ikkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu?
19 Ġesù jistenna li dawk li japprezzaw il-messaġġ tas-Saltna jaġixxu fuqu. Hu qal: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.”−Mattew 28:19, 20.
20. Jekk int miexi ’l quddiem spiritwalment x’mistoqsija tistaʼ dalwaqt tkun xierqa?
20 Iqanqlek għall-azzjoni l-apprezzament tiegħek għall-barkiet t’Alla, għad-“demm prezzjuż“ taʼ Ġesù, u għat-tama meraviljuza taʼ ħajja eterna? (1 Pietru 1:19) Ġibt ħajtek fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ tjieba t’Alla? Tieħu sehem b’mod regulari f’li tagħmel dixxipli? Ċħadt lilek innifsek u ddedikajt ħajtek lil Alla? Jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha hi iva ċerta, jistaʼ jkun li wasal iż-żmien biex tistaqsi lil xi wieħed mill-anzjani fil-kongregazzjoni li tattendi l-istess mistoqsija li l-Etjopjan li emmen staqsa lil Filippu: “X’iżommni milli nitgħammed?”−Atti 8:36.
[Noti taʼ taħt]
a The Jerusalem Bible tittraduċi dan “jirrinunzja lilu nnifsu.” Il-verżjoni minn J. B. Phillips tgħid “iċedi kull dritt għalih innifsu.” The New English Bible tgħid iħalli lilu nnifsu wara.”
b Għal informazzjoni biex taqtaʼ dawn il-vizzjijiet, ara The Watchtower, tal-1 taʼ Frar, 1981, paġni 3-12; 1 taʼ Ġunju, 1973 paġni 336-43. u Awake!, tat-8 taʼ Lulju, 1982, paġni 3-12; it-22 taʼ Mejju, 1981, paġni 3-11. Dawn tistaʼ ssibhom fil-librerija fil-Kingdom Hall lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Tiftakar?
◻ X’raġunijiet speċjali għanda biex inkunu grati lejn Alla?
◻ Il-fidi u l-appprezzament x’għandhom iqanqluna biex nagħmlu?
◻ Xi problemi jistgħu jqumu bejna u bejn l-ubbidjenza tagħna lejn Alla, u x’nistgħu nagħmlu dwarhom?
◻ X’mistoqsijiet jistgħu jistaqsu lilihom infushom persuni li għadhom m’humiex imgħammdin?
[Kaxxa f’paġna 14]
‘X’tip taʼ “ħamrija” jien?’
Ġesù ta tixbieha dwar raġel li ħareġ jizraʼ ż-żerriegħa. Xi żerriegħa waqgħet mal-ġenb tat-triq u ttieklet mill-agħsafar. Oħrajn waqgħu f’postijiet bil-blat mingħajr ħafna ħamrija. Dawn nibtu, imma meta telgħet ix-xemx, tbielu u mietu. Jerġa żerriegħa oħra waqgħet qalb ix- xewk u nħonqot. Ġesù qal dawn it-tliet gruppi kienu jirrappreżentaw: l-ewwel, lil dak li “jismaʼ l-kelma tas-saltna imma ma jiħux is-sens tagħha”; it-tieni, wieħed li jaċċetta l-kelma imma jitgerrex bis-sħana tat-“tribulazzjoni jew persekuzzjoni”; u t-tielet, dak li għalih “l-anzjetà taʼ din is-sistema t’affarijiet u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi joħonqu l-kelma.”
Imma Ġesù tkellem ukoll dwar żerriegħa oħra li waqgħet fuq ħamrija mill-aħjar. Hu qal: “Dan hu dak li qed jismaʼ l-kelma u jieħu s-sens tagħha, li tassew jagħti l-frott.”−Mattew 13:3-8, 8-23.
Jistaʼ jkun tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘X’tip taʼ “ħamrija” jien?’
[Kaxxa f’paġna 15]
Huma mietu għall-fidi tagħhom
Taf lil xi ħadd li jagħżel li jmut iktar milli jikser il-fidi tiegħu? Eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah għamlu hekk. F‘The Nazi State and the New Religions: Five Case Studies in Non-Conformity, Dr. Christine E. King kitbet: “Wieħed minn kull żewġ Xhieda Ġermaniżi ġew mitfugħin il-ħabs, wieħed f’kull erbgħa tilfu ħajjithom.”
Meta l-kruha orribbli tal-kampijiet fl-aħħar intemmet fl-1945, “il-għadd tax-Xhieda kien żdied u ma kienu saru ebda kompromessi.” F’The Nazi Persecution of the Churches, J. S. Conway kiteb dwar ix-Xhieda: “L-ebda setta oħra ma wriet l-istess determinazzjoni quddiem il-forza sħiħa tat-terroriżmu tal-Gestapo.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma ġewx ippersegwitati minħabba l-politika jew ir-razza. Minflok, huma batew esklussivament minħabba mħabbithom għal Alla u għax irrifjutaw li jmorru kontra l-kuxjenzi tagħhom imħarrġin fuq il-Bibbja.