LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 10/1 pp. 12-16
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Attitudni taʼ Ġesù Lejn in-​Nisa
  • Nisa li Mministraw lil Ġesù
  • Nisa Kristjani Leali Wara Pentekoste
  • L-​Attitudni taʼ Pawlu Lejn in-​Nisa
  • Nisa li Jaħdmu Iebes Illum
  • Nisa taʼ Indokraturi li Jivvjaġġaw
  • Nisa tal-​Anzjani
  • “Nisa Ixjeħ” Leali
  • Ħakkiema maʼ Kristu
  • Alla Jrid li n-Nisa Jiġu Rrispettati
    Artikli għall-Istudju minn “Torri tal-Għassa” bl-Ingliż tal-2012
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Nisa Kristjani Jixirqilhom Unur u Rispett
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Inkuraġġixxi lill-Aħwa Nisa fil-Kongregazzjoni Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 10/1 pp. 12-16

“Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-​Mulej”

“Selli għal Trifena u Trifoża, nisa li qed jaħdmu iebes ful-Mulej.”—RUMANI 16:12.

1. Il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art b’liema mod wera li kien taʼ barka għan-​nisa?

IL-​MINISTERU taʼ Ġesù fuq l-​art kien verament barka għal nisa Lhud. Ix-​xogħol li huwa beda kien se jġib faraġ, tama, u dinjità ġdida għal nisa taʼ kull razza. Hu ma tax kas tat-​tradizzjonijiet tal-​Ġudaiżmu li ‘jagħmlu l-​kelma t’Alla invalida.’ (Mattew 15:6) Ħafna minn dawk it-​tradizzjonijiet urew stmerrija lejn id-​drittijiet tan-​nisa mogħtijin minn Alla.

L-​Attitudni taʼ Ġesù Lejn in-​Nisa

2. Għala jistaʼ jingħad li l-​mod kif Ġesù kien jittratta lin-​nisa kien rivoluzzjonarju għal dak iż-​żmien?

2 Kemm kien jidher il-​kuntrast bejn l-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nisa u dik tal-​mexxejja reliġjużi Lhud! Biex nikkwotaw l-​Encyclopaedia Judaica, dawn taʼ l-​aħħar kienu jikkunsidraw lin-​nisa bħala “rgħiba, jħobbu jissemmgħu, għażżenin, u għajjurin.” Meta jkollok konverżazzjoni maʼ xi mara kulħadd kien iħarislek bl-​ikrah, u “kien diżunur għal wieħed studjuż li jitkellem maʼ mara fit-​triq.” (Jerusalem in the Time of Jesus, minn Joachim Jeremias; qabbel Ġwann 4:27.) Bil-​wisq iktar minn dan jistaʼ jingħad dwar l-​attitudni taʼ superjorità tal-​mexxejja tal-​Ġudaiżmu lejn in-​nisa. Imma dan taʼ hawn fuq huwa biżżejjed biex juri li l-​mod li bih Ġesù kien jittratta lin-​nisa kien verament rivoluzzjonarju għal dawk iż-​żminijiet.

3. Liema ġrajjiet matul il-​ministeru taʼ Ġesu juru li hu kien lest li jgħallem veritajiet spiritwali profondi lin-​nisa?

3 Ġesù jipprovdi l-​eżempju perfett taʼ kif l-​irġiel jistgħu jkollhom relazzjoni taʼ mħabba però pura man-​nisa. Mhux biss kien jitħaddet magħhom imma hu wkoll għallimhom veritajiet spiritwali fondi. Fil-​fatt, l-​ewwel persuna li lilha rrivela dwar li hu kien il-​Messija kienet mara, u fuq kollox mara Samaritana. (Ġwann 4:7, 25, 26) Barra minn hekk, il-​każ li kien jinvolvi lil Marija u lil Marta juri biċ-​ċar li kontra l-​mexxejja reliġjużi Lhud, Ġesù ma kienx iħoss li mara ma kellha ebda dritt li titlaq għal ftit ħin il-​borom u t-​twaġen sabiex iżżid il-​għarfien spiritwali tagħha. F’dik l-​okkażjoni, Marija “għażlet is-​sehem it-​tajjeb,” li tpoġġi affarijiet spiritwali l-​ewwel. (Luqa 10:38-42) Imma ftit xhur wara, wara li ħuhom kien miet, kienet Marta, mhux Marija, li wriet l-​akbar ħeġġa li tiltaqaʼ mas-​Sid. Kemm inħossuna mqanqlin saħansitra llum meta naqraw dik il-​konverzazzjoni spiritwali u profonda bejn Ġesù u Marta dwar it-​tama tal-​irxoxt! (Ġwann 11:20-27) Xi privileġġ kien dak għal Marta!

Nisa li Mministraw lil Ġesù

4, 5. Minbarra l-​appostli, min segwa lil Ġesu matul il-​ministeru Galilew tiegħu, u huma kif imministrawlu?

4 Ġesù aċċetta wkoll imministrar minn nisa hekk kif ivvjaġġa maʼ dik l-​art. Fir-​rakkont tal-​Vanġelu tiegħu, Mark isemmi “nisa . . . li kienu jakkumpanjawh [lil Ġesù] u jimministrawlu meta hu kien fil-​Galilija.” (Mark 15:40, 41) Min kienu dawn in-​nisa, u kif kienu jaqduh lil Ġesù? Ma nafux l-​ismijiet taʼ kollha kemm huma, imma Luqa jidentifika lil xi wħud u jispjega b’liema mod imministraw lil Ġesù.

5 Luqa jikteb: “Ftit wara dan hu mar jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jiddikjara l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla. U t-​tnax kienu miegħu, u ċerti nisa li kienu ġew imfejqin minn spirti mill-​agħar u minn mard, Marija l-​hekk imsejħa Madalena, li minnha kienu ħarġu sebaʼ demonji, u Ġovanna l-​mara taʼ Ċuża, il-​prokuratur taʼ Erodi, u Sużanna u ħafna nisa oħra, li kienu qed jimministrawlhom minn dak li kellhom.” (Luqa 8:1-3) Ġesu kien lest li jħalli lil dawn in-​nisa jsegwuh u jużaw ħwejjiġhom biex jimministraw għall-​ħtiġijiet materjali tiegħu u dawk tal-​appostli tiegħu.

6. (a) Min akkumpanjah lil Ġesu matul l-​aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm? (b) Min baqaʼ maʼ Ġesu eżatt sa mewtu, u kif ġew ippremjati xi wħud minnhom? (c) Meta wieħed iqis it-​tradizzjonijiet tal-​Ġudaiżmu, x’inhu rimarkabbli dwar ir-​rakkont fi Ġwann 20:11-18?

6 Meta Ġesù ġie maqtul, “ħafna nisa kienu hemm iħarsu mill-​bogħod, li kienu akkumpanjaw lil Ġesù minn Galilija biex jimministrawlu; fosthom kien hemm Marija Madalena, ukoll Marija omm Ġakbu u Ġożè.” (Mattew 27:55, 56) B’hekk, ħafna nisa leali waqfu maʼ Ġesù waqt mewtu. Huwa wkoll taʼ min jinnotah li kienu nisa l-​ewwel xhieda tal-​irxoxt tiegħu. (Mattew 28:1-10) Dan fih innifsu kien taʼ daqqa taʼ ħarta għat-​tradizzjonijiet Lhud għax fil-​Ġudaiżmu n-​nisa kienu kkunsidrati bħala li ma jixirqilhomx li jkunu xhieda legali. B’dan f’moħħok, aqra Ġwann 20:11-18, u ipprova immaġina l-​emozzjoni intensa li żgur li ħasset Marija Madalena meta s-​Sid irxoxtat dehrilha, sejħilha b’isimha, u użaha bħala xhud biex tinforma lid-​dixxipli tiegħu li hu kien verament ħaj!

Nisa Kristjani Leali Wara Pentekoste

7, 8. (a) Kif nafu li nisa kienu preżenti meta l-​ispirtu ġie mferraʼ f’Pentekoste? (b) Nisa Kristjani kif ħadu sehem fl-​espansjoni bikrija tal-​Kristjanità?

7 Wara t-​tlugħ taʼ Ġesù fis-​sema, nisa qaddisin kienu preżenti mal-​appostli leali fil-​kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:12-14) Li kien hemm in-​nisa fost dawk li fuqhom ġie mferraʼl-ispirtu qaddis huwa evidenti. Għala? Għaliex meta Pietru spjega x’kien ġara, hu kkwota Ġojeli 2:28-30, li b’mod speċifiku jsemmi “bniet” u “qaddejja nisa,” jew ‘irsiera nisa.’ (Atti 2:1, 4, 14-18) Mela, nisa Kristjani mnisslin mill-​ispirtu u midlukin kienu parti mill-​kongregazzjoni Kristjana eżatt fil-​fondazzjoni tagħha.

8 In-​nisa kellhom irwol importanti, għalkemm mhux dominanti, fit-​tixrid tal-​Kristjanità. Marija, omm Mark u zit Barnabas, poġġiet id-​dar tagħha li milli kien jidher kienet kbira ħafna għad-​dispożizzjoni tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. (Atti 12:12) U kienet lesta li tagħmel dan fi żmien meta kien hemm mewġa ġdida taʼ persekuzzjoni kontra l-​Kristjani. (Atti 12:1-5) L-​erbaʼ bniet tal-​evanġelizzatur Filippu kienu pprivileġġati li jkunu profetessi Kristjani.—Atti 21:9; 1 Korintin 12:4, 10.

L-​Attitudni taʼ Pawlu Lejn in-​Nisa

9. Pawlu liema parir ta dwar nisa Kristjani fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin, u liema prinċipju divin kien qed jinkuraġġixxi lin-​nisa biex jirrispettaw?

9 Xi drabi l-​appostlu Pawlu jiġi akkużat bil-​misoġinija, jiġifieri, mibgħeda u nuqqas taʼ fiduċja fin-​nisa. Veru, kien Pawlu li insista li n-​nisa jżommu l-​post xieraq tagħhom fil-​kongregazzjoni Kristjana. Meta kollox jaħdem b’mod normali, huma ma kellhomx igħallmu fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. (1 Korintin 14:33-35) Jekk, għaliex ma jkun hemm ebda raġel preżenti jew għaliex ipprofetizzat taħt it-​tqanqil tal-​ispirtu qaddis, mara Kristjana tkellmet f’laqgħa, kien meħtieġ li hi tilbes għata fuq rasha. Din il-​għata kienet “sinjal taʼ awtorità,” prova viżibbli li l-​mara rrikonoxxiet l-​arranġament t’Alla tal-​irwol taʼ kap.—1 Korintin 11:3-6,10.

10. Xi wħud b’liema ħaġa akkużawh lill-​appostlu Pawlu, imma liema ħaġa tagħti prova li din l-​akkuża hija falza?

10 Pawlu milli jidher ra l-​ħtieġa li jfakkar lill-​Kristjani tal-​bidu f’dawn il-​prinċipji teokratiċi sabiex ‘l-​affarijiet kollha jseħħu b’mod diċenti’ fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. (1 Korintin 14:40) Imma dan ifisser li Pawlu kien kontra n-​nisa, kif isostnu xi wħud? Le, ma jfissirx hekk. Mhux Pawlu kien li fil-​kapitlu tal-​aħħar tal-​ittra tiegħu lir-​Rumani bagħat tislijiet mill-​qalb lil disaʼ nisa Kristjani? Ma weriex apprezzament profond għal Febe, Priska (Prixilla), Trifena, u Trifosa, billi sejjaħ lil dawn l-​aħħar tnejn “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej?” (Rumani 16:1-4, 6, 12, 13, 15) U kien Pawlu li taħt spirazzjoni kiteb: “Intom ilkoll li tgħammidtu fi Kristu lbistu lil Kristu. Ma hemm la Lhudi u lanqas Grieg, ma hemm la rsir u lanqas bniedem ħieles, ma hemm la raġel u lanqas mara; għax intom ilkoll persuna waħda f’għaqda maʼ Kristu Ġesù.” (Galatin 3:27, 28) Pawlu jidher ċar li ħabb u apprezza lill-​aħwa nisa Kristjani tiegħu, inkluża Lidja, li wriet ospitalità eżemplari matul żmien taʼ prova.—Atti 16:12-15, 40; Filippin 4:2, 3.

Nisa li Jaħdmu Iebes Illum

11, 12. (a) Salm 68:11 kif qed jiġi mwettaq litteralment illum? (b) Ħafna minn ħutna nisa f’liema sitwazzjoni jsibu rwieħhom, u għala għandhom bżonn l-​affezzjoni u t-​talb tagħna?

11 Fil-​kongregazzjoni Kristjana llum, hemm ħafna nisa Kristjani li qed “jaħdmu iebes fil-​Mulej.” Fil-​fatt, l-​istatistika turi li “n-​nisa li jxandru l-​aħbar tajba huma armata kbira,” li jiffurmaw il-​parti l-​kbira tal-​armata taʼ Xhieda li Jehovah qed juża f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. (Salm 68:11) Dawn in-​nisa Kristjani li jaħdmu tant iebes kisbu isem mill-​aħjar għalihom infushom hekk kif jitħabtu biex iwettqu l-​irwol tagħhom bħala nisa miżżewġin, ommijiet, nisa tad-​dar, li jmantnu l-​familja, kif ukoll ministri Kristjani.

12 Numru minn dawn l-​aħwa nisa mill-​aħjar għandhom ir-​raġel mhux fil-​verità. Huma jridu jħabbtu wiċċhom maʼ din is-​sitwazzjoni 24 siegħa kuljum. Xi wħud ilhom jitħabtu biex ikunu nisa miżżewġin mill-​aħjar waqt li jilħqu l-​ħtiġijiet taʼ qaddejja leali taʼ Jehovah. Ma kienx faċli, imma huma ssaportew, dejjem jittamaw li żwieġhom “jistgħu jintrebħu mingħajr kelma” permezz tal-​kondotta tajba u Kristjana tagħhom. U x’ferħ ikollha l-​familja kollha meta sieħeb bħal dan jaġixxi! (1 Pietru 3:1, 2) Sadattant, dawn l-​aħwa nisa leali ċertament li jkollhom bżonn tal-​affezzjoni tal-​aħwa u t-​talb tal-​membri l-​oħra tal-​kongregazzjoni. Saħansitra kif “l-​ispirtu kwiet u kalm,” li huma jippruvaw juru huwa “taʼ valur kbir f’għajnejn Alla,” hekk l-​integrità soda tagħhom hija prezzjuża f’għajnejna.—1 Pietru 3:3-6.

13. Għala jistaʼ jingħad dwar ħutna nisa pijunieri li huma “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej,” u kif għandhom jiġu kkunsidrati fil-​kongregazzjonijiet rispettivi tagħhom?

13 L-​aħwa nisa li qed jaqdu bħala pijunieri jistaʼ żgur jingħad li qegħdin “jaħdmu iebes fil-​Mulej.” Ħafna minnhom għandhom dar, raġel, u tfal x’jieħdu ħsieb, flimkien max-​xogħol tagħhom tal-​ippridkar. Xi wħud għandhom xogħol part-time biex ilaħħqu mal-​ħtiġijiet materjali tagħhom. Dan kollu jirrikjedi organizzazzjoni tajba, determinazzjoni, perseveranza, u ħafna xogħol iebes. Dawn in-​nisa Kristjani għandhom ikunu jistgħu jħossu l-​imħabba u l-​appoġġ taʼ dawk li s-​sitwazzjoni tagħhom ma tagħmilhiex possibbli għalihom li jiddedikaw sigħat taʼ pijunier fix-​xogħol taʼ xiehda.

14. (a) Liema eżempju mill-​aħjar tat perseveranza huwa msemmi? (b) Liema nisa Kristjani oħra jixirqilhom tifħir, u għala? Semmi xi ezempji lokali.

14 Xi nisa Kristjani wrew tenaċità straordinarja fis-​servizz taʼ pijunier. Fil-​Kanada, Grace Lounsbury daqet għall-​ewwel darba x-​xogħol taʼ pijunier fl-​1914. Kellha titneħħa mil-​lista taʼ pijunieri fl-​1918 minħabba mard, imma sal-​1924 reġgħet lura għas-​servizz full-time. Hekk kif qed jinkiteb dan, hi għadha fil-​lista taʼ pijunieri, għalkemm għandha 104 snin! Ħafna aħwa nisa missjunarji li fis-​snin 40 ġew imħarrġin fil-​klassijiet bikrin fil-​Watchtower Bible School of Gilead għadhom jaqdu fedelment, jew bħala missjunarji jew bħala membri tal-​familja Bethel fi Brooklyn jew f’waħda mill-​fergħat tal-​Watch Tower Society. Dawn in-​nisa Kristjani kollha, u tabilħaqq dawk l-​aħwa nisa kollha li jagħtu ruħhom għas-​servizz f’Bethel, juru spirtu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom u huma ezempji mill-​aħjar. Qatt xi darba għednielhom kemm napprezzawhom?

Nisa taʼ Indokraturi li Jivvjaġġaw

15, 16. Liema grupp taʼ nisa Kristjani b’mod speċjali jixirqilhom it-​tifħir mill-​qalb tagħna, u għala?

15 In-​nisa taʼ indokraturi li jivvjaġġaw huma grupp ieħor taʼ nisa Kristjani li jixirqilhom prosit u inkuraġġiment mill-​qalb. Dawn l-​egħżież aħwa huma lesti li jsegwu lill-​irġiel tagħhom hekk kif dawn imorru f’kongregazzjoni wara l-​oħra, jew minn circuit għal circuit, sabiex jibnu lil ħuthom spiritwalment. Il-​maġġoranza tagħhom ħallew warajhom il-​kumditajiet taʼ dar; jorqdu f’sodda differenti kull ġimgħa, u mhux dejjem tkun sodda tajba. Imma huma ferħanin li jaċċettaw dak kollu li l-​aħwa jistgħu joffru. Huma eżempju mill-​aħjar għal ħuthom nisa spiritwali.

16 Dawn in-​nisa Kristjani jipprovdu wkoll appoġġ imprezzabbli għall-​irġiel tagħhom, li jixbah ħafna lil dak tan-​nisa qaddisin li segwew lil Ġesu “jakkumpanjawh u jimministrawlu.” (Mark 15:41) Ma jistgħux iqattgħu ħafna ħin waħedhom maʼ żwieġhom, li dejjem ‘għandhom ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Korintin 15:58) Xi wħud minnhom, bħal Rosa Szumiga fi Franza, li bdiet is-​servizz full-time fl-​1948, ilhom jippakkjaw il-​bagalji għall-​irġiel tagħhom u jivvjaġġaw magħhom għal 30 jew 40 sena. Huma lesti li jagħmlu sagrifiċċji għal Jehovah u għal ħuthom irġiel u nisa. Huma jixirqilhom l-​apprezzament, l-​imħabba, u t-​talb tagħna.

Nisa tal-​Anzjani

17, 18. (a) Xi kwalitajiet huma meħtieġa min-​nisa taʼ aħwa rġiel maħturin għal pożizzjonijiet taʼ servizz? (b) X’sagrifiċċji jaqblu li jagħmlu n-​nisa tal-​anzjani għal Jehovah u għal ħuthom, u nisa oħrajn kif jistgħu jgħinu lil żwieġhom?

17 Meta kien qed isemmi l-​kwalifiki li l-​aħwa rġiel jinħtieġu biex jiġu maħturin bħala anzjani u qaddejja ministerjali, l-​appostlu Pawlu semma wkoll lin-​nisa, billi kiteb: “In-​nisa għandhom bl-​istess mod ikunu serji, mhux li jimmalafamaw, moderati fid-​drawwiet, leali fl-​affarijiet kollha.” (1 Timotew 3:11) Verament, dan il-​parir inġenerali japplika għan-​nisa Kristjani kollha. Imma meta tqis il-​kuntest, ovvjament għandu jiġi segwit b’mod eżemplari min-​nisa taʼ aħwa rġiel li huma maħturin għal pozizzjonijiet taʼ servizz.

18 B’ferħ ingħidu, dan hekk hu dwar ħafna min-​nisa taʼ indokraturi Kristjani. Huma moderati fid-​drawwiet u l-​ilbies tagħhom, serji dwar il-​għixien Kristjan, attenti għal dak li jgħidu, u huma sinċerament jippruvaw ikunu leali fl-​affarijiet kollha. Huma jaqblu wkoll li jagħmlu sagrifiċċji, billi jaċċettaw li żwieġhom jiddedikaw ħin għal kwistjonijiet tal-​kongregazzjoni li jistgħu kieku jgħadduh magħhom. Dawn in-​nisa Kristjani leali jixirqilhom l-​imħabba u l-​inkuraġġiment tagħna mill-​qalb. Forsi iktar aħwa rġiel jistgħu jistinkaw għall-​privileġġi fil-​ħafna kongregazzjonijiet tagħna li kieku n-​nisa tagħhom iċedu b’mod umli li jagħmlu sagrifiċċji għall-​ġid taʼ kulħadd.

“Nisa Ixjeħ” Leali

19. Ħafna “nisa ixjeħ” leali għala huma apprezzati ħafna fil-​kongregazzjonijiet tagħhom, u kif għandna nħossuna lejhom?

19 Mill-​ħarsa tagħna taʼ nisa msemmijin fil-​Bibbja aħna stajna naraw li l-​età ma żżommx lin-​nisa taʼ fidi lura milli jaqdu lil Jehovah. Dan il-​fatt ġie muri fil-​każ taʼ Sara, Eliżabetta, u Anna. Illum, hemm ħafna nisa Kristjani taʼ età kbira li huma eżempji mill-​aħjar taʼ fidi u sabar. Barra minn dan, huma b’mod diskret jappoġġjaw lill-​anzjani billi jgħinu l-​aħwa nisa iktar żgħażagħ. Billi għandhom esperjenza kbira, huma jistgħu jagħtu parir għaqli lil nisa iktar żgħażagħ, saħansitra kif tawtorizzahom biex jagħmlu l-​Iskrittura. (Titus 2:3-5) Jistaʼ jkun li xi kultant oħt anzjana jkollha bżonn li tingħata parir hija stess. Jekk inħu hekk, l-​anzjan li jagħmel dan għandu ‘jitlobha bil-​ħrara bħala omm.’ L-​anzjani għandhom ‘jonoraw lir-​romol’ u, jekk ikun hemm bżonn jorganizzaw għajnuna materjali għalihom. (1 Timotew 5:1, 3, 5, 9, 10) Ħutna n-​nisa anzjani li huma tant egħżież għandhom ċertament iħossuhom maħbubin u apprezzati.

Ħakkiema maʼ Kristu

20. Liema privileġġ suprem ġie offrut lil ħafna nisa Kristjani, u għala jistgħu n-​ngħaġ oħra jkunu henjin dwar dan?

20 Huwa ovvjament ċar mill-​Iskrittura li “m’hemm ebda parzjalità m’Alla” rigward razza jew sess. (Rumani 2:10, 11; Galatin 3:28) U dan huwa veru wkoll fil-​mod kif Jehovah jagħżel lil dawk li se jkunu mseħbin maʼ Ibnu fil-​gvern tas-​Saltna. (Ġwann 6:44) Kemm jistgħu jkunu grati l-​folla kbira taʼ ngħaġ oħra li nisa leali, bħal Marija omm Ġesù, Marija Madalena, Prixilla, Trifena, Trifosa, u ħafna oħrajn fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu, qegħdin issa jieħdu sehem fil-​ħakma tas-​Saltna, billi jżejnu lil dak il-​gvern bil-​fehma intima tagħhom taʼ dak li jħossu u jesperjenzaw in-​nisa! X’fehma bil-​quddiem u x’għerf min-​naħa taʼ Jehovah!—Rumani 11:33-36.

21. Aħna kif inħossuna llum dwar “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej”?

21 Aħna llum nistgħu naqsmu s-​sentimenti li kellu l-​appostlu Pawlu meta tkellem b’imħabba u apprezzament dwar “dawn in-​nisa li tħabtu ġenb maʼ ġenb miegħi fl-​aħbar tajba.” (Filippin 4:3) Ix-​Xhieda kollha taʼ Jehovah irġiel u nisa, iqisuh bħala ferħ u privileġġ li jaħdmu ġenb maʼ ġenb mal-​‘armata kbira taʼ nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba,’ iva, “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej.”−Salmi 68:11; Rumani 16:12.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ Ġesù kif wera li hu ma ħax sehem fil-​preġudizzji li l-​mexxeja reliġjużi Lhud kellhom kontra n-​nisa?

◻ Nisa li jibżgħu minn Alla kif imministraw lil Ġesù, u liema privileġġ kbir irċevew xi wħud minnhom?

◻ Pawlu ta liema parir rigward nisa fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?

◻ Liema kategoriji taʼ aħwa nisa jixirqilhom l-​affezzjoni u l-​appoġġ speċjali tagħna, u għala?

◻ Kif għandna nħossuna dwar dawk kollha llum li huma “nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja