LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 12/15 pp. 6-11
  • Ifraħ bit-Tama tas-Saltna!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ifraħ bit-Tama tas-Saltna!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ferħ Veru—Kwalità tal-​Qalb
  • Nifirħu bit-​Tama Minkejja l-​Problemi
  • Inżommu t-​Tama Tagħna Qrib f’Moħħna
  • Nifirħu Issa bit-​Tama tal-​Ġenna tal-​Art
  • Tama li Tagħmel lill-​Ħajja Taʼ Min Igħixha
  • L-Affarijiet li Nittamaw Għalihom Se Jiġru Żgur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Ittama f’Ġeħova, u Kun Kuraġġuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ithenna F’Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Aqdi lil Jehovah b’Qalb Ferħana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 12/15 pp. 6-11

Ifraħ bit-​Tama tas-​Saltna!

“Ifirħu bit-​tama. Stabru taħt tribulazzjoni.”−RUMANI 12:12.

1. Għala nistgħu aħna nsibu l-​ferħ fi sħubija maʼ Jehovah, u l-​appostlu Pawlu x’ħeġġiġhom biex jagħmlu lill-​Kristjani?

“ALLA l-​hieni.” (1 Timotew 1:11) Kemm jiddeskrivih sewwa dan lil Jehovah! Għala? Għaliex ix-​xogħlijiet kollha tiegħu jġibulu ferħ kbir. Ladarba Jehovah huwa s-​Sors tal-​affarijiet kollha li huma tajbin u li jġibu l-​ferħ, il-​ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu jistgħu jsibu l-​ferħ fis-​sħubija tagħhom miegħu. B’mod xieraq, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex japprezzaw il-​privileġġ ferrieħi tagħhom taʼ li jkunu jafu lil Alla Jehovah, biex jirringrazzjawh għar-​rigali tal-​għaġeb kollha tal-​ħolqien Tiegħu, u biex jifirħu bil-​qalb tajba bl-​imħabba li Hu jurihom. Kiteb Pawlu: “Dejjem ifirħu fil-​Mulej. Għal darb’oħra se ngħid, Ifirħu!”−Filippin 4:4; Salm 104:31.

2. Liema tama ġġib ferħ kbir, u l-​Kristjani x’inhuma nkuraġġiti biex jagħmlu rigward din it-​tama?

2 Qegħdin il-​Kristjani jagħtu kas taʼ dan it-​tħeġġiġ li ta Pawlu? Tabilħaqq li huma! L-​aħwa spiritwali taʼ Ġesù Kristu qegħdin jifirħu bit-​tama glorjuża li Alla għamel disponibbli għalihom. (Rumani 8:19-21; Filippin 3:20, 21) Iva, huma jafu li se jieħdu sehem f’li jwettqu t-​tama kbira għall-​futur tal-​umanità, kemm dawk ħajjin u kemm dawk mejtin, billi jaqdu maʼ Kristu fil-​gvern tiegħu tas-​Saltna tas-​sema. Immaġina kemm se jifirħu huma bil-​privileġġi tagħhom bħala werrieta sħab, jaqdu bħala slaten u qassisin! (Rivelazzjoni 20:6) X’ferħ se jkun tagħhom hekk kif igħinu lil bnedmin leali jaslu għall-​perfezzjoni u jgħinu billi jiggwidaw ir-​restawrazzjoni tal-​Ġenna fuq l-​art tagħna! Verament, il-​qaddejja t’Alla kollha għandhom “il-​bażi taʼ tama tal-​ħajja taʼ dejjem li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed minn qabel żminijiet dejjiema.” (Titus 1:2) Minħabba f’din it-​tama grandjuża, l-​appostlu Pawlu jinkuraġġixxi lill-​Kristjani kollha: “Ifirħu bit-​tama.”—Rumani 12:12.a

Ferħ Veru—Kwalità tal-​Qalb

3, 4. (a) It-​terminu “li tifraħ” x’ifisser, u l-​Kristjani kemm spiss iridu jkunu ferħanin? (b) X’inhu l-​ferħ veru, u fuq liema ħaġa jiddependi?

3 “Li tifraħ” ifisser li tħoss u li tesprimi l-​ferħ; ma jfissirx li tkun fi stat kostanti taʼ ewforja, jew esuberanza. Il-​verbi li jikkorrispondu mal-​kelmiet Ebrajċi u Griegi wżati fil-​Bibbja għal “ferħ,” “eżaltazzjoni,” u “hena” jesprimu kemm is-​sentiment ġewwieni u kemm il-​manifestazzjoni minn barra tal-​ferħ. Il-​Kristjani huma nkuraġġiti biex ‘ikomplu jifirħu,’ ‘dejjem ikunu ferħanin.’—2 Korintin 13:11; 1 Tessalonkin 5:16.

4 Imma kif jistaʼ wieħed ikun dejjem ferħan? Dan hu possibbli għaliex il-​ferħ veru huwa kwalità tal-​qalb, kwalità profonda ġewwinija, waħda spiritwali. (Dewteronomju 28:47; Proverbji 15:13; 17:22) Huwa frotta tal-​ispirtu t’Alla, imniżżla minn Pawlu preċiż wara l-​imħabba. (Galatin 5:22) Bħala kwalità ġewwinija, ma jiddependix fuq affarijiet esterni, lanqas saħansitra minn ħutna. Imma jiddependi fuq l-​ispirtu qaddis t’Alla. U jiġi minn dak is-​sodisfazzjon profond u ġewwieni taʼ li tkun taf li għandek il-​verità, it-​tama tas-​Saltna, u li qiegħed tagħmel dak li jogħġob lil Jehovah. B’hekk, il-​ferħ mhux sempliċement xi karatteristika tal-​personalità li nitwieldu biha; huwa parti mill-​“personalità ġdida,” il-​kwalitaiiet miġburin flimkien li ddistingwew lil Ġesù Kristu.—Efesin 4:24; Kolossin 3:10.

5. Meta u kif jistaʼ jkun hemm manifestazzjonijiet taʼ ferħ minn barra?

5 Għalkemm il-​ferħ huwa kwalità tal-​qalb, jistaʼ madankollu jiġi muri minn barra kultant. X’inhuma dawn il-​manifestazzjonijiet minn barra taʼ ferħ taʼ kultant? Jistgħu jvarjaw minn li wieħed ikollu serenità f’wiċċu għal li wieħed jaqbeż bil-​ferħ. (1 Slaten 1:40; Luqa 1:44; Atti 3:8; 6:15) Ifisser dan, allura, li nies li ma tantx iħobbu jitkellmu jew li ma jitbissmux il-​ħin kollu m’għandhom ebda ferħ? Le! Il-​ferħ veru ma jesprimix ruħu b’ċaċrar, daħq, tbissim, jew kxif taʼ snien kostanti. Iċ-​ċirkostanzi jġiegħlu lill-​ferħ juri lilu nnifsu b’diversi modi. M’huwiex il-​ferħ waħdu li jagħmilna dħulin fil-​Kingdom Hall imma, minflok, l-​affezzjoni u l-​imħabba tal-​aħwa tagħna.

6. Il-​Kristjani għala jistgħu jifirħu dejjem saħansitra meta jiffaċċjaw kundizzjonijiet mhux pjaċevoli?

6 L-​aspett kostanti tal-​ferħ huwa l-​permanenza ġewwinija tiegħu bħala karatteristika sinċiera tal-​personalità ġdida tal-​Kristjan. Dan hu dak li jagħmilha possibbli li wieħed ikun dejjem ferħan. M’għandniex x’ingħidu, kultant nistgħu ninkwetaw dwar xi ħaġa, jew nistgħu niffaċċjaw kundizzjonijiet mhux pjaċevoli. Imma xorta waħda nistgħu jkollna l-​ferħ f’qalbna. Xi Kristjani tal-​bidu kienu rsiera, billi kellhom sidien li kienu diffiċli biex togħġobhom. Setgħu Kristjani bħal dawn ikunu dejjem ferħanin? Iva, minħabba fit-​tama tas-​Saltna tagħhom u l-​ferħ fi qlubhom.—Ġwann 15:11; 16:24; 17:13.

7. (a) Ġesù x’qal dwar ferħ taħt tribulazzjoni? (b) Liema ħaġa tgħinna biex nissaportu taħt tribulazzjoni, u min ta l-​aħjar eżempju f’dan ir-​rigward?

7 Preċiż wara li l-​appostlu Pawlu qal: “Ifirħu bit-​tama,” hu żied: “Stabru taħt tribulazzjoni.” (Rumani 12:12) Ġesù wkoll tkellem dwar ferħ taħt tribulazzjoni meta qal f’​Mattew 5:11, 12: “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom . . . Ifirħu u aqbżu bil-​ferħ, ladarba l-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet.” Il-​ferħ u l-​qbiż bil-​ferħ hawnhekk jistaʼ ma jkunx manifestazzjoni litterali minn barra; huwa sempliċement dak is-​sodisfazzjon profond minn ġewwa li wieħed ikollu f’li jogħġob lil Jehovah u lil Ġesù Kristu meta jibqaʼ sod taħt prova. (Atti 5:41) Attwalment, huwa l-​ferħ li jgħinna nissaportu waqt li nkunu taħt tribulazzjoni. (1 Tessalonkin 1:6) F’dan, Ġesù ta l-​aħjar eżempju. L-​Iskrittura tgħidilna: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu hu ssaporta zokk tat-​tortura.”−Ebrej 12:2.

Nifirħu bit-​Tama Minkejja l-​Problemi

8. Il-​Kristjani jistgħu jiffaċċjaw liema problemi, imma l-​problemi għala ma jneħħux il-​ferħ taʼ Kristan?

8 Li wieħed ikun qaddej taʼ Jehovah ma jeħlisx lil dak li jkun mill-​problemi. Jistaʼ jkun hemm problemi tal-​familja, diffikultajiet ekonomiċi, mard, jew mewt taʼ xi maħbubin. Waqt li affarijiet bħal dawn jistgħu joħolqu n-​niket, huma ma jċaħħduniex mill-​bażi tagħna għal ferħ bit-​tama tas-​Saltna, il-​ferħ ġewwieni li aħna għandna f’qalbna.—1 Tessalonkin 4:13.

9. Abraham liema problemi kellu, u kif nafu li kellu l-​ferħ f’qalbu?

9 Ikkunsidra lil Abraham, per eżempju. Il-​ħajja ma kinetx dejjem pjaċevoli għalih. Kellu problemi tal-​familja. Il-​konkobina tiegħu, Ħagar, u martu, Sara, ma kinux jaqblu bejniethom. Kien hemm argumenti fuq affarijiet żgħar. (Ġenesi 16:4, 5) Ixmael kien iwaqqaʼ għaċ-​ċajt lil Iżakk u kien jippersegwitah. (Ġenesi 21:8, 9; Galatin 4:29) Fl-​aħħarnett, il-​maħbuba martu, Sara, mietet. (Ġenesi 23:2) Minkejja dawn il-​problemi, Abraham feraħ bit-​tama taż-​Żerriegħa tas-​Saltna, iż-​Żerriegħa t’Abraham, li permezz tiegħu l-​familji kollha tal-​art kellhom ibierku lilhom infushom. (Ġenesi 22:15-18) Bil-​ferħ f’qalbu, hu ssaporta fis-​servizz taʼ Jehovah għal mitt sena wara li telaq il-​belt taʼ Ur fejn kien twieled. Għalhekk huwa miktub dwaru: “Kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien veri, li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” Minħabba fil-​fidi taʼ Abraham fis-​Saltna Messjanika li kienet ġejja, il-​Mulej Ġesù, meta kien diġà maħtur minn Alla biex ikun Sultan, setaʼ jgħid: “Abraham . . . feraħ ħafna bil-​prospett taʼ li jara l-​jum tiegħi, u hu rah u feraħ”—Ebrej 11:10; Ġwann 8:56.

10, 11. (a) Il-​Kristjani liema taqbida għandhom, u kif niġu meħlusin? (b) Liema ħaga tpatti għan-​nuqqas taʼ ħila tagħna biex niġġieldu b’mod perfett il-​ġlieda kontra l-​laħam midneb tagħna?

10 Bħala bnedmin imperfetti, aħna għandna wkoll il-​laħam midneb tagħna biex nissieltu kontra tiegħu, u din it-​taqbida biex nagħmlu dak li hu sewwa tistaʼ tkun inkwetanti ferm. Il-​ġlieda tagħna kontra d-​djufijiet tagħna ma tfissirx, iżda, li m’għandniex tama. Pawlu ħassu miżerabbli minħabba f’dan il-​konflitt, u qal: “Min se jeħlisni mill-​ġisem li qiegħed iġarrab din il-​mewt? Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu l-​Mulej tagħna!” (Rumani 7:24, 25) B’hekk, permezz taʼ Ġesù Kristu u r-​rahan li pprovda, aħna meħlusin.—Rumani 5:19-21.

11 Is-​sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Kristu jpatti għan-​nuqqas taʼ ħila tagħna biex niġġieldu l-​ġlieda b’mod perfett. Aħna nistgħu nifirħu b’dan ir-​rahan għaliex jagħmel possibbli kuxjenza mnaddfa u maħfra taʼ dnubietna. F’​Ebrej 9:14, Pawlu jitkellem dwar “id-​demm tal-​Kristu” li għandu l-​qawwa li ‘jnaddaf il-​kuxjenzi tagħna minn xogħlijiet mejtin.’ B’hekk, il-​kuxjenzi tal-​Kristjani m’għandhomx għalfejn ikunu mtaqqlin iż-​żejjed b’kundanna u sentimenti taʼ ħtija. Dan, flimkien mat-​tama li għandna, jikkostitwixxi forza b’saħħitha għal hena ferriħija. (Salm 103:8-14; Rumani 8:1, 2, 32) Billi nikkontemplaw fuq it-​tama tagħna, ilkoll kemm aħna se niġu nkuraġġiti biex niġġieldu l-​ġlieda b’suċċess.

Inżommu t-​Tama Tagħna Qrib f’Moħħna

12. Il-​Kristjani midlukin jistgħu jikkontemplaw fuq liema tama?

12 Huwa importanti kemm għall-​fdal midlukin bl-​ispirtu u kemm għan-​ngħaġ oħra li jżommu “t-​tama tas-​salvazzjoni” tagħhom f’moħhhom, billi jilbsuha bħala elmu protettiv. (1 Tessalonkin 5:8) Kristjani midlukin jistgħu jikkontemplaw fuq il-​privileġġ tal-​għaġeb taʼ li jiksbu immortalità fis-​sema, li jistgħu jidħlu ħdejn Alla Jehovah, u li jgawdu sħubija persunali maʼ Ġesù Kristu gglorifikat u mal-​appostli u mal-​oħrajn kollha tal-​144,000 li żammew l-​integrità tagħhom matul is-​sekli. X’għana taʼ sħubija li ma tistax tiddeskrivih!

13. Il-​midlukin li għadhom fuq l-​art kif iħossuhom dwar it-​tama tagħhom?

13 Il-​ftit midlukin li għad baqaʼ fuq l-​art kif iħossuhom dwar it-​tama tagħhom tas-​Saltna? Dan jistaʼ jiġi spjegat fil-​qosor bil-​kliem taʼ wieħed li kien imgħammed fl-​1913: “It-​tama tagħna hija ħaġa żgura, u se tkun imwettqa bis-​sħiħ għal kull l-​aħħar wieħed mill-​144,000 membru tal-​merħla ċkejkna bi grad li jisboq lil dak kollu li qatt saħansitra immaġinajna. Aħna tal-​fdal li konna preżenti fis-​sena 1914, meta stennejna lkoll kemm aħna li mmorru fis-​sema, ma tlifniex is-​sens taʼ valur tagħna taʼ dik it-​tama. Imma aħna b’saħħitna għaliha bħalma dejjem konna, u qegħdin napprezzawha iktar u iktar iktar ma jkollna nistennew għaliha. Hija xi ħaġa li jiswa li tistennieha, saħansitra jekk teħtieġ miljun sena. Jien nistma t-​tama tagħna iktar minn qatt qabel, u qatt ma rrid li nitlef l-​apprezzament tiegħi għaliha. It-​tama tal-​merħla ċkejkna tagħti wkoll l-​assigurazzjoni li l-​istennija tal-​folla kbira taʼ ngħaġ oħra sejra, mingħajr ebda possibiltà li tfalli, tiġi mwettqa lil hinn mill-​isbaħ immaġinazzjoni tagħna. Hu għalhekk li aħna qegħdin inżommu sod sa din is-​siegħa stess, u se nibqgħu nżommu sod sakemm Alla jkun attwalment wera li hu veru għall-​‘wegħdi prezzjużi u grandjużi ferm’ tiegħu.”−2 Pietru 1:4; Numri 23:19; Rumani 5:5.

Nifirħu Issa bit-​Tama tal-​Ġenna tal-​Art

14. Dawk tal-​folla kbira għandhom bżonn iżommu f’moħħhom liema tama?

14 Espressjoni bħal din taʼ fidi ferriħija tonqox f’dawk li huma tal-​folla kbira taʼ ngħaġ oħra raġunijiet grandjużi biex jifirħu. (Rivelazzjoni 7:15, 16) Uħud bħal dawn għandhom bżonn iżommu f’moħħhom it-​tama taʼ li jibqgħu ħajjin wara Armageddon. Iva, ħares ’il quddiem lejn li tara lis-​Saltna t’Alla tivvindika lis-​sovranità universali taʼ Alla Jehovah u tqaddes lill-​isem glorjuż tiegħu billi ġġib it-​tribulazzjoni kbira, li se tnaddaf lill-​art minn dawk li huma mill-​agħar u li tagħhom ix-​Xitan kien u għadu alla. X’ferħ se jkun dak li tibqaʼ ħaj wara dik it-​tribulazzjoni kbira!—Danjel 2:44; Rivelazzjoni 7:14.

15. (a) Ġesù għamel liema xogħol taʼ fejqan meta kien fuq l-​art, u għala? (b) X’se jkunu l-​ħtiġijiet taʼ saħħa taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon, u għala huma differenti minn dawk li jiġu rxoxtati?

15 Dwar il-​folla kbira, Rivelazzjoni 7:17 igħid: “Il-​Ħaruf . . . se jirgħahom, u se jiggwidahom lejn nixxigħat taʼ ilmijiet tal-​ħajja. U Alla se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom.” Għalkemm din il-​profezija għandha twettieq spiritwali issa, dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jarawha titwettaq litteralment. Kif? Sewwa, Ġesu x’għamel meta kien fuq l-​art? Fejjaq lill-​immankati, għamel liz-​zopop jimxu, fetaħ il-​widnejn tat-​torox u l-​għajnejn taʼ dawk għomja, u fejjaq il-​ġdiem, il-​paraliżi, u “kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.” (Mattew 9:35; 15:30, 31) M’huwiex dak li l-​Kristjani għandhom bżonn illum? Il-​folla kbira se ddaħħal mankamenti u mard tad-​dinja l-​qadima ġewwa d-​dinja l-​ġdida. X’nistennewh li jagħmel il-​Ħaruf dwar dak? Il-​ħtiġijiet taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jkunu differenti ferm mill-​ħtiġijiet taʼ dawk li se jiġu rxoxtati. Dawk irxoxtati x’aktarx li se jiġu maħluqin mill-​ġdid b’iġsma sħaħ, sodi, b’saħħithom, għalkemm ikun għad m’għandhomx il-​perfezzjoni umana. Minħabba fil-​miraklu tal-​irxoxt, b’mod evidenti huma mhux se jkollhom bżonn imbagħad li jsewwu xi mankamenti taʼ qabel permezz tal-​miraklu taʼ fejqan. Mill-​banda l-​oħra, minħabba fl-​esperjenza unika tagħhom taʼ li jibqgħu ħajjin wara Armageddon, tiswija mirakoluża hija dik li ħafna minn tal-​folla kbira se jkollhom bżonn u se jirċievu. Mid-​dehra, ħsieb prinċipali tal-​fejqan minn Ġesu kien biex jagħti stampa għall-​inkuraġġiment tal-​folla kbira tal-​prospett ferrieħi li huma mhux biss se jibqgħu ħajjin imma se jiġu mfejqin ukoll.

16. (a) Il-​fejqan mirakoluż taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon meta jistaʼ jseħħ, u b’liema riżultat? (b) B’liema tama se nkomplu nifirħu matul il-​Millennju?

16 Fejqan mirakoluż bħal dan se jseħħ b’mod loġiku fost dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon relattivament malajr wara Armageddon u sewwa qabel ma jibda l-​irxoxt. (Isaija 33:24; 35:5, 6; Rivelazzjoni 21:4; qabbel Mark 5:25-29.) Imbagħad in-​nies se jarmu nuċċalijiet, bsaten, krozzi, siġġijiet tar-​roti, snien foloz, għajnuniet taʼ smigħ, u affarijiet bħal dawn. X’raġuni biex inkunu ferħanin! Azzjoni minn Ġesù taʼ restawrazzjoni bikrija bħal din kemm taqbel sewwa mal-​irwol taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon bħala l-​pedament tal-​art ġdida! Mardiet li jimmankaw lil dak li jkun se jitneħħew min-​nofs u b’hekk dawn li jibqgħu ħajjin ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem bi tgawdija, billi jħarsu bil-​ħerqa lejn l-​attività meraviljuża tal-​Millennju li jkollhom quddiemhom, mhux mifluġin b’dak li d-​dinja l-​qadima setgħet nikktithom bih. Iva, saħansitra wara Armageddon, il-​folla kbira se tkompli tifraħ b’din it-​tama tal-​għaġeb taʼ li tasal għall-​ħajja umana perfetta fit-​tmiem tal-​elf sena. Matul il-​Millennju kollu, huma se jkunu qegħdin jifirħu bit-​tama li jilħqu dak il-​għan hieni.

17. Liema ferħ se jkun hemm hekk kif jissokta x-​xogħol taʼ restawrazzjoni tal-​Ġenna tal-​Art?

17 Jekk dik hi t-​tama tiegħek, ikkontempla wkoll fuq il-​ferħ taʼ li tieħu sehem f’li tirrestawra l-​Ġenna fuq l-​art. (Luqa 23:42, 43) Bla dubju dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jgħinu biex inaddfu l-​art u b’hekk jipprovdu postijiet pjaċevoli fejn il-​mejtin se jiġu rxoxtati. Minflok funerali se naraw sessjonijiet taʼ merħba għal dawk li se jitqajmu fl-​irxoxt, inklużi l-​maħbubin tagħna stess li mietu. U aħseb ftit dwar is-​sħubija edifikanti maʼ rġiel u nisa leali mis-​sekli li għaddew. Maʼ min trid li titkellem b’mod speċjali? Maʼ Abel, Enok, Noè, Ġob, Abraham, Sara, Iżakk, Ġakobb, Ġużeppi, Mosè, Ġożwè, Raħab, Debora, Sansun, David, Elija, Eliżew, Ġeremija, Eżekjel, Danjel, jew Ġwanni l-​Għammied? Sewwa, allura, dan il-​prospett taʼ għaxqa huwa wkoll parti mit-​tama tiegħek. Int se tkun tistaʼ titkellem magħhom, titgħallem minnhom, u taħdem flimkien magħhom f’li tagħmel l-​art kollha ġenna.

18. Liema ferħ ieħor nistgħu nikkontemplaw fuqu?

18 Immaġina, ukoll, l-​ikel bnin, l-​ilma pur, u l-​arja nadifa, bl-​art tagħna rrestawrata għall-​bilanċ ekoloġiku u perfett tagħha l-​mod kif Jehovah ħalaqha biex tkun. Il-​ħajja f’dak iż-​żmien se tkun, mhux biss it-​tgawdija passiva tal-​perfezzjoni, imma parteċipazzjoni attiva u taʼ tifsir f’attivitajiet taʼ ferħ. Ikkontempla fuq soċjetà taʼ nies mad-​dinja kollha li hi ħielsa minn kriminalità, eġoiżmu, għira, ġlied—fratellanza fejn il-​frott tal-​ispirtu jiġi kkultivat u prodott minn kulħadd. Xi ġmiel!—Galatin 5:22, 23.

Tama li Tagħmel lill-​Ħajja Taʼ Min Igħixha

19. (a) Il-​ferħ imsemmi f’​Rumani 12:12 meta se jiġi mġarrab? (b) Għala għandna nkunu determinati li ma nħallux it-​tagħbijiet tal-​ħajja jimbuttaw fil-​ġenb lit-​tama tagħna?

19 L-​istennija rrealiżzata mhix iktar tama, u għalhekk il-​ferħ inkuraġġit minn Pawlu f’​Rumani 12:12 irid jiġi mġarrab issa. (Rumani 8:24) Li naħsbu biss dwar il-​barkiet futuri li s-​Saltna t’Alla se ġġib huwa raġuni għalina biex nifirħu b’dik it-​tama issa. Mela kun determinat li ma tħallix lit-​tagħbijiet tal-​ħajja f’dinja korrotta jimbuttaw fil-​ġenb lit-​tama glorjuża tiegħek. Issirx għajjien u ċċedi, billi ma tibqax tara quddiem għajnejk it-​tama li għandna quddiemna. (Ebrej 12:3) Li tabbanduna l-​korsa Kristjana mhux se jsolvi l-​problemi tiegħek. Ftakar, jekk xi ħadd ma jibqax jaqdi lil Alla minħabba fit-​tagħbijiet kollha tal-​ħajja issa, hu xorta għadu mgħobbi b’dawk it-​tagħbijiet, imma jitlef it-​tama u b’hekk jitlef il-​possibiltà taʼ ferħ bil-​prospetti meraviljużi li ġejjin.

20. It-​tama tas-​Saltna liema effett għandha fuq dawk li jħaddnuha, u għala?

20 In-​nies taʼ Jehovah għandhom kull raġun ikollhom ħajjiet henjin. It-​tama tagħhom, li hi mill-​isbaħ u li tnebbaħ, tagħmel lill-​ħajja taʼ min igħixha. U huma ma jżommux din it-​tama ferrieħa għalihom infushom. Le, huma ħerqanin biex jaqsmuha maʼ ħaddieħor. (2 Korintin 3:12) Hekk hu kif dawk li jħaddnu t-​tama tas-​Saltna huma nies kunfidenti, u huma jfittxu biex jinkuraġġixxu lil ħaddieħor billi jgħidulhom l-​aħbar tajba mingħand Alla. Dan jimla l-​ħajjiet taʼ dawk li jaċċettaw il-​messaġġ bit-​tama l-​iktar tal-​għaġeb li qatt ingħatat lill-​bnedmin in ġenerali—it-​tama tas-​Saltna li se tirrestawra l-​Ġenna fuq l-​art. Jekk in-​nies ma jaċċettawx dak il-​messaġġ, aħna xorta nibqgħu nifirħu għaliex għandna t-​tama. Dawk li ma jisimgħux huma t-​telliefa; aħna m’aħniex.—2 Korintin 4:3, 4.

21. Liema ħaġa hi fil-​qrib, u kif għandna nistmaw it-​tama tagħna?

21 Il-​wegħda t’Alla hi: Ħares! Qed nagħmel l-​affarijiet kollha ġodda.” (Rivelazzjoni 21:5) Id-​dinja ġdida bil-​barkiet kollha tagħha li jgħaxxqu u li huma bla tmiem hija fil-​qrib. It-​tama tagħna—għal ħajja fis-​sema jew fuq art magħmula ġenna—hija prezzjuża; ibqaʼ żomm magħha. F’dawn il-​jiem kritiċi tal-​aħħar, iktar minn qatt qabel, ħares lejha “bħala ankra għar-​ruħ, kemm żgura u kemm soda.” Bit-​tama tagħna ankrata f’Jehovah, “blata taʼ dejjem—il-​Blata tas-​sekli,” aħna żgur li għandna raġuni ħajja u qawwija eżatt issa biex ‘nifirħu bit-​tama’ mqiegħda quddiemna.—Ebrej 6:19; Isaija 26:4, The Amplified Bible.

[Nota taʼ taħt]

a Matul l-​1992, ix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha se jkollhom bħala skrittura tas-​sena: “Ifirħu bit-​tama.... Ipperseveraw fit-​talb.”−Rumani 12:12.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ X’inhi t-​tama kbira tal-​umanità?

◻ X’inhu l-​ferħ veru?

◻ Il-​fejqan mirakoluż taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon meta x’aktarx li se jseħħ?

◻ Għala m’għandniex inħallu t-​tagħbijiet tal-​ħajja jimbuttaw fil-​ġenb lit-​tama tagħna?

◻ Int lejn liema ferħ tħares ’il quddiem fid-​dinja ġdida?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja