LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 4/1 pp. 5-7
  • Il-Ħsad taʼ Adoraturi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħsad taʼ Adoraturi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • “Mal-​Art Kollha”
  • “Ħareġ Ħosshom”
  • “Sat-​Trufijiet tal-​Art Abitata”
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 4/1 pp. 5-7

Il-​Ħsad taʼ Adoraturi

L-​APPOSTLU Ġwanni ġie mogħti viżjoni taʼ ġrajjiet li jheżhżu lid-​dinja u li kellhom iseħħu “f’jum il-​Mulej.” Hu ra lill-​Mulej tas-​sema Ġesù Kristu ħiereġ riekeb għall-​gwerra taʼ tjieba, mogħtija stampa minn żiemel abjad—“jikkonkwista u biex iwettaq għalkollox il-​konkwista tiegħu.” L-​ewwel ħaġa li jagħmel hi li jqaċċat ’il barra lill-​għadu l-​kbir t’Alla, Satana, mis-​smewwiet ’l isfel għall-​viċinanza tal-​art. Satana jwieġeb billi jimpesta lill-​umanità bi tbiċċir, ġuħ, u mard li qatt ma kien hawn bħalhom, mogħtijin stampa mir-​rikkieba figurattivi u ż-​żwiemel tagħhom—aħmar, iswed, u taʼ kulur pallidu. (Rivelazzjoni 1:10; 6:1-8; 12:9-12) Dawn il-​gwajiet faqqgħu għall-​ewwel darba fis-​sena 1914 u komplew jiżdiedu minn dak iż-​żmien ’il hawn. Ftit ieħor, huma se jaslu għal quċċata b’dik li Ġesù ddeskriva bħala “tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx sa mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ.”−Mattew 24:3-8, 21.

L-adoraturi taʼ Jehovah kif se jkampaw f’dak iż-​żmien? Rivelazzjoni kapitlu 7, versi 1 sa 10, jitkellem dwar forzi anġeliċi li “iżommu ssikkat” l-​irjieħ taʼ qerda sakemm dawn l-​adoraturi jiġu miġburin. Matul il-​perijodu mill-​1914 ’il hawn, l-​aħħar uħud fuq l-​art minn Iżrael spiritwali, li jgħoddu 144,000, jiġu miġburin. U mbagħad “ħares! folla kbira, li l-​ebda bniedem ma kellu l-​ħila jgħodd, mill-​ġnus u t-​tribujiet u l-​popli u l-​ilsna kollha.” Din il-​folla kbira diġà tgħodd bil-​miljuni. Huma jinsabu approvati quddiem it-​tron t’Alla minħabba li eżerċitaw fidi fid-​demm taʼ rahan taʼ Ġesù, li kien imbiċċer bħal ħaruf innoċenti. “U jibqgħu jgħajtu b’leħen qawwi, jgħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’” Dawn l-​adoraturi żelużi jkomplu jgħidu “Ejja!” lil saħansitra oħrajn, li min-​naħa tagħhom huma miġburin għas-​salvazzjoni matul it-​“tribulazzjoni l-​kbira.”−Rivelazzjoni 7:14-17; 22:17.

“Mal-​Art Kollha”

Dwar dawn l-​adoraturi devoti, jistaʼ jingħad: “Mal-​art kollha ħareġ ħosshom, u sat-​trufijiet tal-​art abitata l-​ħwejjeġ mitkellma tagħhom.” (Rumani 10:18) Ix-​xogħol iebes tagħhom ġie mbierek bi frott tal-​għaġeb. Per eżempju:

Il-Messiku issa jirrapporta 335,965 adoraturi attivi taʼ Jehovah, żjieda taʼ kważi mitt elf fi tliet snin biss! Għala espansjoni daqshekk kbira? Ir-​rakkont li ġej jistaʼ jgħin f’li jispjega. Żagħżugħ jismu Aurelio kien sagristan fi knisja Kattolika. Kull darba li x-​Xhieda taʼ Jehovah marru f’dak ir-​raħal, hu kien idoqq il-​qniepen tal-​knisja biex jiskuraġġixxi lil xi ħadd milli jismagħhom. Maż-​żmien xtara Jerusalem Bible Kattolika u beda jaqraha, imma ma fehemhiex. Imbagħad jum fost l-​oħrajn hu ra ħabib tiegħu b’kopja tan-​New World Translation taħt abtu. Aurelio ċanfar lil ħabibu u, waqt li qallu li l-​Bibbja tiegħu kienet falza, ħadu d-​dar tiegħu stess biex jurih il-​Bibbja t-​“tajba.” Ħabibu qal: “Aqra Eżodu 20,” u mbagħad telaq.

Billi beda minn kapitlu 1, is-​sagristan qara Eżodu sakemm wasal f’kapitlu 20, versi 4 u 5. Hu baqaʼ xxokkjat b’dak li qalet il-​Bibbja Kattolika tiegħu dwar ix-​xbihat. Wara l-​Quddiesa l-​Ħadd taʼ wara, hu kkonfronta l-​qassis bit-​testi dwar ix-​xbihat. Għall-​ewwel il-​qassis qal li hu nnifsu kien jivvenerahom biss lix-​xbihat; ma kienx iqimhom. Billi ra li dan ma ssodisfax lil Aurelio, il-​qassis akkużah li kien qed jistudja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Aurelio ċaħdu dan imma żied, “Issa hekk se nagħmel!”

Id-darba taʼ wara li x-​Xhieda ġew ir-​raħal, Aurelio kkuntattjahom u beda jistudja l-​Bibbja magħhom. Hu waqaf jaħdem fil-​knisja u fi tliet xhur ikkwalifika biex jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku max-​Xhieda taʼ Jehovah. L-​ewwel dar li żar kienet dik tal-​qassis, li ma setax jemmen lil għajnejh meta ra lil dak li qabel kien is-​sagristan fl-​irwol taʼ predikatur tas-​Saltna. Il-​qassis heddu bi skomunika, imma Aurelio qallu li dan ma kienx neċessarju għax hu kien diġà telaq mill-​knisja. Il-​korsa qalbiena tiegħu inkuraġġiet lil ħafna nies tar-​raħal li kienu diġà qed jistudjaw max-​Xhieda taʼ Jehovah. Aurelio u 21 oħra minn dak ir-​raħal ġew imgħammdin fil-​konvenzjoni distrettwali li kien imiss. Tant hi mgħaġġla ż-​żjieda f’dawn l-​inħawi li kien hemm biss anzjan wieħed biex igħaddi maʼ dan il-​grupp il-​mistoqsijiet għal dawk li jkunu se jitgħammdu.

“Ħareġ Ħosshom”

Ħadd ma jistaʼ jeħlisha mill-​ippridkar tas-​Saltna. Kattoliku Taljan kien jiddejjaq kull darba li x-​Xhieda taʼ Jehovah imorru għandu. Għalhekk meta l-​kumpanija tiegħu trasferietu lejn Singapore, hu ħass li għall-​inqas mhux se jdejquh iktar. Imma b’għaġeb kbir tiegħu, ix-​Xhieda kienu hemm ukoll. Għalhekk akkwista żewġt iklieb feroċi biex jattakkaw lix-​Xhieda li kienu jmisshom imorru għandu. Meta żewġ Xhieda marru d-​dar tiegħu, fil-​pront ħarġu dawn il-​klieb. Imwerwrin, in-​nisa ġrew b’kemm kellhom saħħa, billi marru f’direzzjonijiet differenti meta waslu f’kantuniera. Hekk kif laħaqha wieħed mill-​klieb, waħda mix-​Xhieda bit-​telfa li kellha ħatfet żewġ brochures mill-​basket tagħha u daħlithom fil-​ħalq miftuħ tal-​kelb. Meta ra hekk, waqaf jiġri warajha, dar lura, u telaq lejn id-​dar.

Il-ġimgħa taʼ wara, l-​istess żewġ Xhieda kienu qed jagħmlu return visit f’dar in-​naħa l-​oħra tat-​triq. Sid il-​klieb kien fil-​ġnien tiegħu, u, ħaġa tal-​iskantament, hu sellem lin-​nisa u stedinhom jidħlu fid-​dar tiegħu. Hu qalilhom li qatt ma kien tkellem max-​Xhieda taʼ Jehovah jew qara xi pubblikazzjonijiet tagħhom. Imma baqaʼ mbellah li sab il-​brochures f’ħalq wieħed mill-​klieb tiegħu. Dik il-​lejla kien qara l-​brochures u baqaʼ verament impressjonat bihom. Għalkemm kien Kattoliku ħajtu kollha, hu esprima x-​xewqa li jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Minħabba li dak ir-​raġel kien se jiġi trasferit lura lejn l-​Italja, saru arranġamenti għax-​Xhieda taʼ Jehovah biex jistudjaw miegħu hemm. Hekk kif hu u martu bdew jattendu l-​laqgħat, il-​kappillan ikkonfrontahom b’rabja kbira u b’theddid. Meta xi ħadd ta n-​nar lill-​ġnien tagħhom, il-​koppja qatgħu kull irbit mal-​knisja. Dan ir-​raġel issa jgħid: “Jien diġà ili nagħti xiehda lil ħafna membri tal-​familja tiegħi għaliex irridhom isiru jafu li Jehovah huwa l-​uniku veru Alla.”

“Sat-​Trufijiet tal-​Art Abitata”

Esperjenza oħra li ġejja minn tarf l-​art turi kif il-​messaġġ tas-​Saltna huwa apprezzat u jgħin biex ibiddel il-​ħajjiet. Waqt li attendiet il-​klassijiet taʼ qabel it-​twelid, waħda Xhud fl-​Awstralja ltaqgħet maʼ mara li kellha ħafna vizzji koroh, u li saħansitra rrifjutat li tieqaf tpejjep matul it-​tqala tagħha. Ix-​Xhud kienet inkwetata bl-​attitudni tagħha. Ġara li huma kellhom it-​trabi tagħhom fl-​istess żmien u fl-​istess sala, u għalhekk kellhom ċans jitkellmu. Kien jidher li l-​mara kien kellha ħafna problemi fi tfulita, u issa ż-​żwieġ tagħha kien kważi fit-​tarf tiegħu. Mela, wara li ħarġet mill-​isptar, ix-​Xhud marret tara lil din il-​mara u bdiet studju tal-​Bibbja magħha, billi wżat il-​ktieb Making Your Family Life Happy.

Ir-raġel taʼ din il-​mara kien qed jitlob lil Alla biex huwa jsib il-​vera reliġjon, imma żied il-​kundizzjoni: “Sakemm m’humiex ix-​Xhieda taʼ Jehovah!” Minkejja dan, meta hu sab li martu kienet qed tistudja max-​Xhieda, hu beda jistaqsi mistoqsijiet u ġie mistieden biex jingħaqad magħhom għall-​istudju. Hekk għamel, u malajr beda jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Issa, kemm ir-​raġel u kemm il-​mara ġew imgħammdin, u milli jidher is-​sitwazzjoni fiż-​żwieġ tagħhom tjiebet immens.

Studji tal-​Bibbja fid-​djar ibbażati fuq letteratura bħal din irriżultaw fil-​ġbir taʼ ħafna adoraturi ġodda. F’artijiet fejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ rivoluzzjonijiet, gwerra ċivili, jew restrizzjonijiet mill-​gvern, l-​attività tal-​istudji tal-​Bibbja fid-​djar żdiedet. Il-​gwerra ċivili ħakmet lil Angola għal ħafna snin, u x-​Xhieda sofrew tant persekuzzjoni u żmien iebes. Kmieni s-​sena l-​oħra, rapporti wrew li, minn ras għal ras, kull pubblikatur kien qed jikkonduċi kważi tliet studji tal-​Bibbja fi djar, imma l-​pubblikaturi kellhom ftit li xejn letteratura Biblika. Indokraturi li jivvjaġġaw qdew grupp żgħir kull jum, billi rranġaw is-​servizz tal-​għalqa matul il-​ġurnata u l-​laqgħat kull fil-​għaxija. X’ferħ meta spiċċaw l-​ostilitajiet u 42 tunnellata taʼ letteratura Biblika tant meħtieġa waslet mill-​Afrika t’Isfel! Żgur li l-​imħabba taʼ dawk l-​aħwa se “toktor iktar u iktar b’għarfien eżatt u dehen sħiħ,” hekk kif huma issa jistgħu ‘jkunu żguri mill-​affarijiet l-​iktar importanti.’ (Filippin 1:9, 10) X’inċentiv għal dawk li għandhom partita għajnuniet taʼ studju tal-​Bibbja f’idejhom biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvediment li Jehovah jagħmel b’tant grazzja!—1 Timotew 4:15, 16.

Il-hena taʼ dawn l-​adoraturi leali tfakkarna fil-​kliem taʼ Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, ladarba s-​saltna tas-​smewwiet tappartjeni lilhom. . . . Henjin dawk li ġew ippersegwitati minħabba t-​tjieba, ladarba s-​saltna tas-​smewwiet tappartjeni lilhom. . . . Ifirħu u aqbżu bil-​ferħ, ladarba l-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet.” (Mattew 5:3-12) Xi ħsad diġà qed jiġi miġbur f’Angola!

F’inħawi oħra tad-​dinja, ir-​restrizzjonijiet fuq l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah qed jiħfiefu jew jitneħħew ukoll. Ġesù kkummenta fi żmienu: “Iva, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.” (Mattew 9:37) Kemm huwa veru dan illum! Il-​ħtieġa taʼ iktar ħaddiema ma tonqos qatt. Aħna ferħanin li l-​qima tagħna tinvolvi li niġbru l-​ħsad. M’hemmx ferħ akbar fuq l-​art kollha llum mis-​servizz tagħna, iddedikat u mimli frott, lil Alla Jehovah.

X’inhu, iżda, dak li jqanqal lill-​adoraturi taʼ Jehovah biex juru ferħ u żelu bħal dan? Ejjew naraw!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja