Jehovah m’Għandux Ħtija
“Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Jehovah wera ħniena ma’dawk li qegħdin jibżgħu minnu. Għax hu nnifsu jaf sewwa t-tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab.”—SALM 103:13,14.
1, 2. Min kien Abraham, u neputih Lot kif mar igħix fil-belt mill-agħar taʼ Sodom?
JEHOVAH m’huwiex responsabbli għat-tbatijiet li nistgħu nġarrbu minħabba l-iżballji tagħna. F’dan ir-rigward ikkunsidra x’ġara xi 3,900 sena ilu. Il-ħabib t’Alla Abraham (Abram) u neputih Lot kienu saru prosperużi ħafna. (Ġakbu 2:23) Fil-fatt, l-affarijiet u l-annimali li kellhom tant kienu abbundanti li ‘l-art ma kinitx tippermettilhom li jgħammru flimkien.’ Jerġaʼ, qamet tilwima bejn ir-ragħajja taż-żewġt irġiel. (Ġenesi 13:5-7) X’setaʼ jsir dwar dan?
2 Biex itemm it-tilwim, Abraham issuġġerixxa li ssir separazzjoni, u ħalla lil Lot jagħżel l-ewwel hu. Għalkemm Abraham kien l-ixjeħ u kien ikun xieraq għal neputih li jħallih jieħu l-aħjar parti, Lot għażel l-aħjar reġjun—id-distrett kollu msoqqi tajjeb tan-naħa t’Isfel tal-Ġordan. L-apparenzi taʼ barra kienu qarrieqa, għax fil-qrib kien hemm l-ibliet moralment baxxi taʼ Sodom u Gomorra. Lot u l-familja tiegħu eventwalment marru joqogħdu f’Sodom, u dan poġġiehom f’periklu spiritwali. Barra minn dan, huma ttieħdu rsiera meta s-Sultan Ċedorlaomer u l-alleati tiegħu għelbu lill-ħakkiem taʼ Sodom. Abraham u l-irġiel tiegħu salvawhom, imma Lot u l-familja tiegħu rritornaw lejn Sodom.—Ġenesi 13:8-13; 14:4-16.
3, 4. Xi ġralu Lot u membri tal-familja tiegħu meta Alla qered lil Sodom u Gomorra?
3 Minħabba l-perversjoni sesswali u d-degradazzjoni morali taʼ Sodom u Gomorra, Jehovah iddeċieda li jeqred lil dawk l-ibliet. Hu sforz il-ħniena tiegħu bagħat lil żewġ anġli li mexxew lil Lot, lil martu, u liż-żewġ uliedhom bniet ’il barra minn Sodom. Huma ma kellhomx iħarsu lura, imma l-mara taʼ Lot ħarset lura, forsi għaliex ixxenqet għall-affarijiet materjali li ħalliet warajha. Minħabba f’hekk, saret kolonna tal-melħ.—Ġenesi 19:1-26.
4 X’telfiet ġarrbu Lot u iż-żewġ uliedu bniet! It-tfajliet kellhom iħallu warajhom lill-irġiel li kienu se jiżżewġu. Lot issa kien mingħajr il-mara tiegħu u mingħajr il-ġid materjali tiegħu. Fil-fatt, eventwalment ġie ridott għal li jgħix ġewwa għar maʼ wliedu bniet. (Ġenesi 19:30-38) Dak li kien deher tant tajjeb għalih kien irriżulta bħala sew sewwa l-oppost. Għalkemm hu kien ovvjament għamel xi żballji serji, hu kien iktar tard imsejjaħ “it-twajjeb Lot.” (2 Pietru 2:7, 8) U ċertament li Alla Jehovah ma kellux tort għall-iżballji taʼ Lot.
“Żballji—Min Jistaʼ Jagħrafhom b’Dehen?”
5. David kif ħassu dwar żballji u prużunzjoni?
5 Billi aħna imperfetti u midinbin, ilkoll nagħmlu żballji. (Rumani 5:12; Ġakbu 3:2) Bħal Lot, nistgħu niġu mqarrqin bl-apparenzi taʼ barra u nistgħu nieħdu ġudizzju ħażin. B’hekk, is-salmista David appella: “Żballji—min jistaʼ jagħrafhom b’dehen? Minn dnubiet moħbijin ippronunzjani innoċenti. Ukoll minn atti prużuntużi żomm lura lill-qaddej tiegħek; tħallihomx jiddominawni. F’dak il-każ jien se nkun komplut, u se nkun bqajt innoċenti minn ħafna nuqqas.” (Salm 19:12, 13) David kien jaf li hu setaʼ kkommetta dnubiet li lanqas biss jinduna bihom. Għalhekk, hu talab li jiġi maħfur min-nuqqasijiet li setgħu kienu moħbijin saħansitra minnu. Meta hu għamel żball serju għaliex il-laħam imperfett tiegħu mbuttah biex jieħu korsa ħażina, hu xtaq ħafna l-għajnuna taʼ Jehovah. Hu ried li Alla jżommu lura minn għemejjel prużuntużi. David ma riedx li l-prużunzjoni ssir l-attitudni dominanti tiegħu. Minflok, hu xtaq li jkun komplut fid-devozzjoni tiegħu lejn Alla Jehovah.
6. X’faraġ jistaʼ jittieħed minn Salm 103:10-14?
6 Bħala l-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah taż-żmien preżenti, aħna wkoll imperfetti u għalhekk nagħmlu żballji. Bħal Lot, per eżempju, nistgħu nagħmlu għażla ħażina rigward fejn immorru noqogħdu. Forsi nħallu taqbżilna xi opportunità biex nespandu s-servizz sagru tagħna lejn Alla. Għalkemm Jehovah jara żballji bħal dawn, hu jaf lil dawk li għandhom qalb inklinata lejn it-tjieba. Saħansitra jekk nidinbu serjament imma jiddispjaċina, Jehovah jipprovdi maħfra u għajnuna u jkompli jħares lejna bħala ndividwi taʼ tjieba. “Hu ma għamlilniex saħansitra skond dnubietna; lanqas skond l-iżballji tagħna ma ġieb fuqna dak li jistħoqqilna,” iddikjara David. “Għax bħalma s-smewwiet huma ogħla mill-art, il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi superjuri lejn dawk li qegħdin jibżgħu minnu. Daqs kemm tlugħ ix-xemx hu mbiegħed minn inżul ix-xemx, daqshekk ’il bogħod minna hu qiegħed in-nuqqasijiet tagħna. Bħalma missier juri ħniena maʼ wliedu, Jehovah wera ħniena maʼ dawk li qegħdin jibżgħu minnu. Għax hu nnifsu jaf sewwa t-tiswir tagħna, billi jiftakar li aħna trab.” (Salm 103: 10-14) Missierna tas-sema mimli ħniena jistaʼ wkoll igħinna npattu għall-iżball tagħna jew jistaʼ jipprovdilna opportunità oħra biex nespandu s-servizz sagru tagħna, għat-tifħir tiegħu.
L-Iżball li Nwaħħlu f’Alla
7. Għala nsofru kuntrarjetajiet?
7 Meta l-affarijiet imorru ħażin, hija tendenza umana li nwaħħlu f’xi ħadd jew f’xi ħaġa għal dak li jkun ġara. Xi wħud saħansitra jwaħħlu f’Alla. Imma Jehovah ma jġibx tbatijiet bħal dawn fuq in-nies. Hu jagħmel affarijiet tajbin, mhux taʼ ħsara. Iva, “jagħmel ix-xemx tiegħu titlaʼ fuq nies mill-agħar u tajbin u jagħmel ix-xita tinżel fuq nies twajbin u mhux twajbin”! (Mattew 5:45) Raġuni ewlenija għala aħna nbatu minn kuntrarjetajiet hi għaliex ingħixu f’dinja li tiffunzjona fuq prinċipji egoistiċi u li tinsab fil-qawwa taʼ Satana x-Xitan.—1 Ġwann 5:19.
8. Adam x’għamel meta l-affarijiet ma marrux tajjeb għalih?
8 Li nwaħħlu f’Alla Jehovah għat-tbatijiet li l-iżballji tagħna jġibu fuqna huwa taʼ bluha u perikoluż. Billi nagħmlu hekk jistaʼ saħansitra jiswielna l-istess ħajjitna. L-ewwel raġel, Adam, kien imissu ta kredtu lil Alla għall-affarijiet tajbin kollha li kien irċieva. Iva, Adam kien imissu wera gratitudni profonda lejn Jehovah għall-ħajja nfisha u għall-barkiet li gawda f’dar bħal ġenna, il-ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 2:7-9) X’għamel Adam meta l-affarijiet ma marrux tajjeb għaliex hu ma obdiex lil Jehovah u kiel il-frotta projbita? Adam ilmenta m’Alla: “Il-mara li lilha int tajt biex tkun miegħi, hi tatni l-frott mis-siġra u hekk jien kilt.” (Ġenesi 2:15-17; 3:l-12) Ċertament, m’għandniex inwaħħlu f’Jehovah, bħalma għamel Adam.
9. (a) Jekk niltaqgħu maʼ tbatijiet minħabba l-azzjonijiet mhux għaqlin tagħna, minn liema ħaġa nistgħu nitfarrġu? (b) Skond Proverbji 19:3, xi wħud x’jagħmlu meta jġibu diffikultajiet fuqhom infushom?
9 Jekk aħna niltaqgħu maʼ tbatijiet minħabba li l-azzjonijiet tagħna m’humiex għaqlin, nistgħu nitfarrġu mill-għarfien li Jehovah jifhem id-djufijiet tagħna aħjar milli nifhmuhom aħna u se jeħlisna min-niket tagħna jekk nagħtuh devozzjoni esklussiva. Għandna napprezzaw il-għajnuna divina li nirċievu, billi qatt ma nwaħħlu f’Alla għall-problemi u d-diffikultajiet li nġibu fuqna nfusna. F’dan ir-rigward proverbju għaqli jistqarr: “Hija l-bluha taʼ bniedem tal-art li tħassar il-mogħdija tiegħu, u għalhekk qalbu ssir inkorlata kontra Jehovah innifsu.” (Proverbji 19:3) Traduzzjoni oħra tgħid: “Xi nies jirvinaw lilhom infushom bl-azzjonijiet stupidi tagħhom stess u mbagħad iwaħħlu fil-MULEJ.” (Today’s English Version) Jerġaʼ traduzzjoni oħra tistqarr: “L-injoranza taʼ bniedem tħawwadlu l-affarijiet tiegħu u hu jfur kontra Jehovah.”—Byington.
10. Il-bluha taʼ Adam kif ‘ħawditlu l-mogħdija tiegħu’?
10 Fi qbil mal-prinċipju taʼ dan il-proverbju, Adam aġixxa b’mod egoistiku u l-ħsieb iblah tiegħu ‘ħassarlu l-mogħdija tiegħu.’ Qalbu daret lil hinn minn Alla Jehovah, u hu erħielha lejn il-korsa indipendenti u egoista tiegħu stess. Iva, Adam tant sar ingrat li hu waħħal fil-Ħallieq tiegħu u b’hekk għamel lilu nnifsu għadu tal-Iktar Għoli! Id-dnub taʼ Adam ġab f’rovina l-mogħdija tiegħu stess u dik tal-familja tiegħu. Xi twissija hemm f’dan! Dawk li huma nklinati li jwaħħlu f’Jehovah għal kundizzjonijiet mhux mixtieqa jagħmlu tajjeb li jistaqsu lilhom infushom: Nagħti kredtu lil Alla għall-affarijiet tajbin li ngawdi? Grat li għandi l-ħajja bħala wieħed mill-ħlejjaq tiegħu? Jistaʼ jkun li l-iżballji tiegħi stess ġabu fuqi t-tbatija? Jixraqli li jkolli l-favur jew il-għajnuna taʼ Jehovah talli segwejt il-gwida tiegħu, kif miktuba fil-Kelma spirata tiegħu, il-Bibbja?
Periklu saħansitra għall-Qaddejja t’Alla
11. Rigward Alla, taʼ liema ħaġa kienu ħatja mexxejja reliġjużi tal-ewwel seklu?
11 Il-mexxejja reliġjużi Lhud tal-ewwel seklu E.K. kienu jistqarru li jaqdu lil Alla imma traskuraw il-kelma tiegħu taʼ verità u straħu fuq il-fehma tagħhom stess. (Mattew 15:8, 9) Minħabba li Ġesù Kristu kixef il-mentalità żballjata tagħhom, huma tawh il-mewt. Iktar tard, huma wrew rabja kbira kontra d-dixxipli tiegħu. (Atti 7:54-60) Tant kienet imħassra l-mogħdija taʼ dawk l-irġiel li huma attwalment saru nkorlati kontra Jehovah innifsu.—Qabbel Atti 5:34, 38, 39.
12. Liema eżempju juri li saħansitra xi individwi assoċjati mal-kongregazzjoni Kristjana jipprovaw iwaħħlu f’Jehovah għad-diffikultajiet tagħhom?
12 Saħansitra xi individwi fil-kongregazzjoni Kristjana żviluppaw mentalità perikoluża, billi pprovaw iżommu lil Alla responsabbli tad-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom. Per eżempju, anzjani maħturin f’ċerta kongregazzjoni raw il-ħtieġa li jagħtu lil waħda mara żagħżugħa miżżewġa parir Skritturali ħanin imma sod rigward is-sħubija tagħha maʼ raġel tad-dinja. Matul waħda mid-diskussjonijiet, hi waħħlet f’Alla talli ma għenhiex biex tegħleb it-tentazzjoni li ġabet fuqha s-sħubija kontinwa maʼ dak ir-raġel. Hi attwalment qalet li kienet irrabjata għal Alla! Raġunar Skritturali u sforzi ripetuti biex igħinuha ma swew għal xejn, u korsa immorali iktar tard wasslet biex hi tiġi mkeċċija mill-kongregazzjoni Kristjana.
13. Għala għandna nevitaw attitudni taʼ tgergir?
13 Spirtu taʼ tgergir jistaʼ jwassal biex wieħed iwaħħal f’Jehovah. “Irġiel taʼ mingħajr Alla” li daħlu baxx baxx fil-kongregazzjoni tal-ewwel seklu kellhom spirtu ħażin taʼ dik ix-xorta, u dan kien akkumpanjat b’għamliet oħrajn taʼ ħsibijiet korrotti spiritwalment. Kif qal id-dixxiplu Ġuda, dawn l-irġiel kienu ‘jdawru l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla tagħna fi skuża għal kondotta laxka u jagħtu prova li huma foloz għall-uniku Sid u Mulej tagħna, Ġesù Kristu.’ Ġuda stqarr ukoll: “Dawn l-irġiel igemgmu, igergru dwar sehemhom fil-ħajja.” (Ġuda 3, 4, 16) Qaddejja leali taʼ Jehovah se jitolbu b’mod għaqli li jkollhom spirtu taʼ apprezzament, mhux attitudni gergiera li tistaʼ eventwalment tħarraxhom sal-punt li huma jitilfu l-fidi f’Alla u jipperikolaw ir-relazzjoni tagħhom miegħu.
14. Wieħed kif jistaʼ jirreaġixxi jekk jiġi offiż minn Kristjan sieħbu, imma din għala ma tkunx il-korsa xierqa?
14 Forsi tħoss li dan mhux se jiġri lilek. Iżda, affarijiet li jmorru ħażin minħabba l-iżballji tagħna jew dawk taʼ oħrajn jistgħu fl-aħħar mill-aħħar iġagħluna nwaħħlu f’Alla. Per eżempju, wieħed jistaʼ jiġi offiż b’dak li jgħid jew jagħmel wieħed kredent bħalu. L-individwu offiż—forsi wieħed li ilu jaqdi lil Jehovah lealment għal ħafna snin— għandu mnejn imbagħad igħid: ‘Jekk dik il-persuna qiegħda fil-kongregazzjoni, jien mhux se nattendi l-laqgħat.’ Wieħed tant jistaʼ jitbaqbaq li hu jgħid f’qalbu: ‘Jekk isiru affarijiet bħal dawn, jien ma rridx inkun parti mill-kongregazzjoni.’ Imma għandu Kristjan ikollu dik l-attitudni? Jekk tiġi offiż minn bniedem ieħor imperfett, għala għandha teħel miegħek kongregazzjoni sħiħa taʼ nies aċċettabbli għal Alla u li qegħdin jaqduh lealment? Għala għandu xi ħadd li għamel dedikazzjoni lil Jehovah jieqaf jagħmel ir-rieda divina u b’hekk jeħel miegħu Alla? Huwa għaqli li tħalli individwu jew sensiela taʼ ċirkostanzi jeqirdulek relazzjoni tajba maʼ Jehovah? Ċertament, se jkun taʼ bluha u midneb li tieqaf tqim lil Alla Jehovah għal kwalunkwe raġuni.—Ġakbu 4:17.
15, 16. Dijotrefes taʼ liema ħaġa kien ħati, imma Gajus kif ġab ruħu?
15 Immaġina li int kont fl-istess kongregazzjoni li kien fiha l-Kristjan maħbub Gajus. Hu kien ‘jagħmel xogħol leali’ f’li jestendi ospitalità lejn adoraturi sħabu li kienu jżuruhom—u stranġieri jekk niġu f’dan! Imma b’mod evidenti fl-istess kongregazzjoni, kien hemm dak ir-raġel supperv Dijotrefes. Hu ma kien jilqaʼ xejn b’rispett mingħand Ġwanni, wieħed mill-appostli taʼ Ġesù Kristu. Fil-fatt, Dijotrefes saħansitra paċpaċ kontra Ġwanni bi kliem qarrieq. L-appostlu qal: “Billi mhux kuntent b’dawn l-affarijiet, lanqas [Dijotrefes] stess ma jilqaʼ lill-aħwa bir-rispett, u lil dawk li qegħdin ikunu jridu jilqgħuhom hu jipprova jfixkilhom u jixħethom ’il barra mill-kongregazzjoni.”−3 Ġwann 1, 5-10.
16 Meta Ġwanni kien se jiġi għand il-kongregazzjoni, kellu f’moħħu li jfakkarhom dwar dak li Dijotrefes kien qed jagħmel. Sadattant, Gajus u Kristjani oħrajn ospitabbli f’dik il-kongregazzjoni kif irreaġixxew? M’hemm l-ebda indikazzjoni Skritturali li xi ħadd minnhom qal: ‘Dment li Dijotrefes jibqaʼ fil-kongregazzjoni, jien ma rridx inkun parti minnha. M’intomx se tarawni għal-laqgħat.’ Bla dubju Gajus u oħrajn bħalu żammew sod. Ma ħallew xejn iġagħalhom jieqfu milli jagħmlu r-rieda divina, u ċertament li ma nkorlawx għal Jehovah. Le, tabilħaqq, u huma ma ċedewx għall-iskemi makakki taʼ Satana x-Xitan, li kien jifraħ li kieku ma baqgħux leali lejn Jehovah u kienu jwaħħlu f’Alla.—Efesin 6:10-18.
Qatt Tinkorla għal Jehovah!
17. Kif għandna naġixxu jekk xi individwu jew xi sitwazzjoni joffenduna jew ma jogħġbuniex?
17 Saħansitra jekk xi individwu jew xi sitwazzjoni f’kongregazzjoni ma togħġobx jew toffendi lil xi qaddej t’Alla, dak li jieħu għalih ikun verament qed iħawwad il-mogħdija tiegħu jekk jieqaf jassoċja mal-poplu taʼ Jehovah. Bniedem bħal dan ma jkunx qed ipoġġi l-qawwiet taʼ dehen tiegħu għal użu xieraq. (Ebrej 5:14) Mela kun determinat li tiffaċċja kwalunkwe problema bħala wieħed li żżomm l-integrità. Żomm il-lealtà lejn Alla Jehovah, lejn Ġesù Kristu, u lejn il-kongregazzjoni Kristjana. (Ebrej 10:24, 25) Il-verità li twassal għall-ħajja taʼ dejjem ma tinsab imkien ieħor.
18. Għalkemm mhux dejjem nifhmu l-mod kif Alla jittratta magħna dwar liema ħaġa nistgħu nkunu żguri rigward Alla Jehovah?
18 Ftakar, ukoll, li Jehovah qatt ma jipprova lil ħadd b’affarijiet mill-agħar. (Ġakbu 1:13) Alla, li hu l-istess personifikazzjoni tal-imħabba, jagħmel il-ġid, speċjalment lil dawk li jħobbuh. (1 Ġwann 4:8) Għalkemm aħna mhux dejjem nifhmu l-mod kif Alla jittratta magħna, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla Jehovah qatt ma se jonqos li jagħmel dak li hu l-aħjar għall-qaddejja tiegħu. Kif qal Pietru: “Umiljaw lilkom infuskom, għalhekk, taħt l-id setgħana t’Alla, biex hu jistaʼ jeżaltakom fiż-żmien xieraq; waqt li titfgħu l-anzjetà kollha tagħkom fuqu, għaliex hu jimpurtah minnkom.” (1 Pietru 5:6, 7) Iva, Jehovah verament jimpurtah mill-poplu tiegħu.—Salm 94:14.
19, 20. Kif għandna naġixxu, saħansitra jekk il-provi tagħna xi drabi jagħmluna dipressi?
19 Għalhekk, tħalli lil xejn u lil ħadd ifixklek. Kif qal tant tajjeb is-salmista, “paċi abbundanti tappartjeni lil dawk li jħobbu l-liġi [t’Alla Jehovah], u għalihom ma hemm ebda ġebla taʼ tfixkil.” (Salm 119:165) Ilkoll kemm aħna nġarrbu provi, u dawn jistgħu jġagħluna nsiru xi ftit dipressi u nofs qalb xi kultant. Imma qatt tħalli lil qalbek timtelaʼ bl-imrar, speċjalment kontra Jehovah. (Proverbji 4:23) Bil-għajnuna tiegħu u fuq bażi Skritturali, solvi int il-problemi li tistaʼ ssolvi u ssaporti dawk li jippersistu.—Mattew 18:15-17; Efesin 4:26, 27.
20 Qatt tħalli l-emozzjonijiet tiegħek iġagħluk tirreaġixxi b’mod taʼ bluha u b’hekk tħassar il-mogħdija tiegħek. Tkellem u aġixxi b’manjiera li se tferraħ qalb Alla. (Proverbji 27:11) Sejjaħ lil Jehovah b’talb ferventi, billi taf li hu verament jimpurtah minnek bħala wieħed mill-qaddejja tiegħu u se jagħtik il-fehma meħtieġa biex tibqaʼ fuq il-passaġġ tal-ħajja mal-poplu tiegħu. (Proverbji 3:5, 6) Fuq kollox, issirx inkorlat għal Alla. Meta l-affarijiet imorru ħażin, dejjem ftakar li Jehovah m’għandux tort.
Kif Twieġeb Int?
◻ Xi żball għamel Lot, imma Alla kif ħares lejh?
◻ David kif ħassu dwar żballji u prużunzjoni?
◻ Meta l-affarijiet imorru ħażin, għala m’għandniex inwaħħlu f’Alla?
◻ X’se jgħinna biex ma nsirux inkorlati kontra Jehovah?