Il-Komunikazzjoni—Iktar Milli Titkellem Biss
IMMAĠINA folla turisti li qegħdin iħarsu lejn veduta pittoreska. Għalkemm il-grupp kollu kemm hu jara l-istess xena, kull persuna taraha b’mod differenti. Għala? Għaliex kull individwu jaraha minn angolu differenti. L-ebda żewġ persuni m’huma qegħdin bil-wieqfa preċiż fl-istess post. Iktar minn hekk, mhux kulħadd jiffoka fuq l-istess parti tax-xena. Kull individwu jkollu xi aspett differenti li jolqtu b’mod partikulari.
L-istess ħaġa tiġri fiż-żwieġ. Saħansitra meta jkunu jaqblu ħafna, l-ebda żewġ imseħbin m’għandhom preċiż l-istess ħarsa lejn l-affarijiet. Ir-raġel u l-mara huma differenti fil-fatturi bħalma huma l-mod taʼ kif inhuma magħmulin emozzjonalment, l-esperjenza tat-tfulija, u l-influwenza tal-familja. Il-perspettivi li m’humiex simili u li jirriżultaw jistgħu jsiru sors taʼ tħaqqiq aħrax. L-appostlu Pawlu stqarr ċar u tond: “Dawk li jiżżewġu se jkollhom uġigħ u niket.”—1 Korintin 7:28, The New English Bible.
Il-komunikazzjoni tinkludi l-isforz biex jitħalltu dawn id-differenzi f’relazzjoni taʼ laħam wieħed. Dan jirrikjedi li ssib il-ħin biex titkellem. (Ara l-kaxxa f’paġna 5.) Imma wisq iktar huwa involut.
Nuru d-Dehen
Proverbju fil-Bibbja jistqarr: “Qalb il-għaref iġġiegħel lil fommu juri dehen, u għal xofftejh iżżid il-persważjoni.” (Proverbji 16:23) Il-kelma Ebrajka hawn tradotta ‘ġġiegħel li juri dehen’ bażikament tfisser li wieħed ikun prudenti, li jiżen l-affarijiet bir-reqqa f’moħħu. Għalhekk, il-punt li fuqu tiffoka l-komunikazzjoni effettiva huwa l-qalb, mhux il-fomm. Wieħed li jikkomunika tajjeb irid ikun iktar minn wieħed li sempliċement jitkellem; irid ikun semmiegħ li juża l-empatija. (Ġakbu 1:19) Hu jrid jagħraf is-sentimenti u l-kwistjonijiet li hemm moħbijin wara l-imġieba li tidher minn barra tas-sieħba.—Proverbji 20:5.
Kif? Xi drabi dan jistaʼ jinkiseb billi jiġu osservati ċ-ċirkostanzi taʼ xi konflitt. Hija l-parti l-oħra fiż-żwieġ taħt stress emozzjonali jew fiżiku kbir? Hemm xi marda li qiegħda tikkontribwixxi għat-temperament tal-parti l-oħra? “X’ferħ hu li ssib preċiż il-kelma t-tajba għall-okkażjoni t-tajba!” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 15:23, Today’s English Version) Mela li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi se jgħinek biex twieġeb kif jixraq.—Proverbji 25:11.
Taʼ spiss, iżda, il-kawża taʼ konflitt għandha l-għeruq fi kwistjonijiet ’il barra miċ-ċirkostanzi preżenti.
Nifhmu l-Passat
L-esperjenzi tat-tfulija jinfluwenzaw ħafna l-ħsibijiet tagħna taʼ meta nikbru. Ladarba l-imseħbin fiż-żwieġ jiġu minn familji differenti, opinjonijiet li ma jaqblux huma inevitabbli.
Inċident li hu mniżżel fil-Bibbja jagħti stampa taʼ dan. Meta l-arka tal-patt ġiet meħuda lura f’Ġerusalemm, David esprima l-entużjażmu tiegħu pubblikament. Imma xi ngħidu għal martu Mikal? Il-Bibbja tirrakkonta: “Mikal, bint Sawl, infisha ħarset ’l isfel minn ġot-tieqa u ġiet li tara lis-Sultan David jaqbeż bħal ċerv u jiżfen lil hawn u lil hinn quddiem Jehovah; u bdiet tistmerru f’qalbha.”—2 Samwel 6:14-16.
Mikal uriet id-dispożizzjoni taʼ bla fidi li kellu missierha Sawl, li ma kienx raġel twajjeb. Il-kummentaturi tal-Bibbja C. F. Keil u F. Delitzsch jissuġġerixxu li dan hu għala lil Mikal jirreferu għaliha bħala “bint Sawl” f’vers 16 minflok bħala mart David. Kien x’kien il-każ, it-tilwim li rriżulta bejniethom jagħmilha ċara li David u Mikal ma kellhomx l-istess opinjoni dwar din il-ġrajja taʼ ferħ.—2 Samwel 6:20-23.
Dan l-eżempju juri li influwenzi sottili tat-trobbija jistgħu jikkaġunaw li raġel u mara jħarsu lejn il-kwistjonijiet b’mod kemmxejn differenti. Dan huwa minnu saħansitra jekk it-tnejn li huma qegħdin magħqudin jaqdu lil Jehovah. Per eżempju, mara li ma ngħatatx appoġġ emozzjonali adekwat meta kienet għadha żgħira tistaʼ turi li għandha ħtieġa straordinarja li tkun approvata u li tħossha assigurata. Dan jistaʼ jikkonfondi lir-raġel tagħha. “Nistaʼ mhux ingħidilha li nħobbha mitt darba,” forsi jesklama hu, “għax xorta ma jkunx biżżejjed!”
F’dan il-każ, il-komunikazzjoni tinvolvi li “żżommu għajn, mhux fl-interess persunali fuq l-affarijiet tagħkom biss, imma wkoll fl-interess persunali fuq dawk tal-oħrajn.” (Filippin 2:4) Biex jikkomunika, raġel irid jara lil martu mill-perspettiva tal-passat tagħha minflok milli minn dik tiegħu stess. U, m’għandniex xi ngħidu, il-mara għandha tkun imqanqla biex tagħmel l-istess għal żewġha.—1 Korintin 10:24.
Meta fil-Passat Kien Hemm Abbuż
Interess persunali huwa speċjalment kruċjali meta sieħeb jew sieħba jkunu ġew stuprati jew abbużati sesswalment meta kienu tfal—diżgrazzjatament, din il-problema qiegħda tikber illum. Mara, per eżempju, tistaʼ ssib li fil-ħin taʼ intimità sesswali, ma tkunx tistaʼ tissepara l-preżent mill-passat, lil żewġha minn dak li attakkaha, jew lir-relazzjonijiet sesswali mill-abbuż sesswali. Dan jistaʼ jkun frustranti, speċjalment jekk ir-raġel ma jikkunsidrax din il-kwistjoni delikata mill-perspettiva taʼ martu.—1 Pietru 3:8.
Waqt li ma tistax tħassar il-passat jew tfejjaq kompletament l-effetti tiegħu, inti tistaʼ tagħmel ħafna biex tfarraġ lis-sieħeb jew lis-sieħba mnikktin. (Proverbji 20:5) Kif? “Intom l-irġiel miżżewġin għandkom tipprovaw tifhmu lin-nisa li tgħixu magħhom,” kiteb Pietru. (1 Pietru 3:7, Phillips) Li tifhem il-passat tas-sieħeb jew tas-sieħba tiegħek huwa parti vitali mill-komunikazzjoni. Mingħajr mogħdrija bl-empatija, kliemek se jkun bla siwi.
Ġesù “ġietu ħasra” meta ltaqaʼ maʼ dawk li kienu mifluġin, saħansitra għalkemm qatt ma esperjenza personalment il-mardiet tagħhom. (Mattew 14:14) Bl-istess mod, inti forsi ma tkunx ġarrabt personalment l-istess nuqqas taʼ attenzjoni jew abbuż bħalma għamlet martek, imma minflok ma ċċekken id-dieqa tagħha, irrikonoxxi l-passat tagħha, u agħtiha l-appoġġ tiegħek. (Proverbji 18:13) Pawlu kiteb: “Aħna, iżda, li aħna b’saħħitna jmissna nerfgħu d-djufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom, u mhux li nkunu qegħdin ingħoġbu lilna nfusna.”—Rumani 15:1.
In-Nasba tar-Risentiment
Iż-żwieġ huwa bħal reċipjent imprezzabbli. Meta jixxaqqaq bl-adulterju, issir ħsara li ma tistax tiġi kkalkolata. (Proverbji 6:32) Veru, jekk il-parti innoċenti tiddeċiedi li taħfer, il-biċċiet jistgħu jiġu nkollati flimkien permezz tar-rikonċiljazzjoni. Imma x-xquq hemm jibqgħu, u matul xi argument, jistaʼ jkun hemm inklinazzjoni li tħares lejn dawk ix-xquq u tuża l-passat bħala arma.
Ir-risentiment huwa rispons normali għall-infedeltà tas-sieħeb jew tas-sieħba. Imma jekk ħfirt lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek, oqgħod attent li ma żżommx f’qalbek ir-rabja li tħassarlek it-tajjeb li ksibt permezz tal-att tal-maħfra. Kemm jekk jitħalla jitbaqbaq minn ġewwa fis-skiet u kemm jekk jiġi żvogat qatta bla ħabel, ir-risentiment kontinwu jagħmel ħsara liż-żewġ imseħbin. Għala? Waħda tabiba tissuġġerixxi: “Jekk qiegħed tħossok imweġġaʼ mis-sieħeb tiegħek, hu għaliex għadek jimpurtak minnu. Mela billi tingħalaq fik innifsek jew billi tfittex li tpattiha, int mhux biss qiegħda tferi lis-sieħeb tiegħek imma qiegħda teqred lilek innifsek. Int qiegħda wkoll iġġib fix-xejn ir-relazzjoni li tixtieq li tkun sħiħa.”
Iva, ma tistax sempliċement tirrikonċilja d-differenzi fiż-żwieġ tiegħek mingħajr ma trażżan ir-rabja tiegħek. Għalhekk, fi żmien meta emozzjonalment ma tkunx fis-saħna, iddiskuti s-sentimenti tiegħek mas-sieħeb jew sieħba tiegħek. Spjega għala qiegħed tħossok imweġġaʼ, x’teħtieġ sabiex tħossok rassigurat, u x’se tagħmel biex tippreserva r-relazzjoni. Qatt tuża l-passat sempliċement bħala arma biex tikseb vantaġġ f’argument.
Il-Vizzju Jferi l-Komunikazzjoni
Żwieġ igħaddi minn niket intensiv meta sieħeb jew sieħba jkunu jabbużaw bl-alkoħol jew bid-drogi. Il-parti mhix ivvizzjata tistaʼ tkun f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Abigajl, kif inhu rrapportat fil-Bibbja. Waqt li żewġha Nabal “kien xurban kemm jistaʼ jkun,” Abigajl kienet qiegħda tagħmel l-isforzi kollha tagħha biex treġġaʼ lura l-konsegwenzi tal-imġieba bla għaqal tiegħu. (1 Samwel 25:18-31, 36) Żwiġijiet li fihom wieħed mill-imseħbin ikun itturmentat mill-vizzju u l-ieħor ikun involut f’attentat biex ibiddel l-imġieba tal-ivvizzjat spiss ikunu jixbhu lid-dar taʼ Nabal u Abigajl.a
Wieħed jistaʼ jifhem x’serħan kbir jinħass meta wieħed ivvizzjat jibda jirkopra. Imma dan huwa biss il-bidu. Immaġina uragan qalil għaddej minn fuq belt żgħira jfarrak u jkisser kulma jsib. Djar qegħdin jiġġarrfu, siġar qegħdin jiġu maqlugħin mill-għeruq, linji tat-telefon qegħdin jaqgħu fl-art. Ikun hemm ferħ kbir meta tgħaddi l-maltempata. Imma issa xogħol estensiv taʼ tiswija huwa meħtieġ. L-istess ħaġa tiġri meta sieħeb jew sieħba jibdew jirkopraw. Relazzjonijiet li sfaxxaw iridu jiġi mibnijin mill-ġdid. Il-fiduċja u l-integrità jridu jiġu stabbiliti mill-ġdid. Il-linji taʼ komunikazzjoni għandhom bżonn li jiġu mibnijin mill-ġdid. Għal wieħed ivvizzjat li qiegħed jirriforma ruħu, din ir-rikostruzzjoni bil-mod il-mod hija parti mill-“personalità ġdida” li l-Bibbja tinħtieġ li l-Kristjani jikkultivaw. Din il-personalità ġdida trid tinkludi “l-forza li qiegħda tħaddem lil moħħkom.”—Efesin 4:22-24.
Studju tal-Bibbja għen lil Leonard u lil Elaine biex jieqfu mill-abbuż tad-drogi, imma l-forza li qiegħda tħaddem lill-moħħ ma kinetx bdiet taħdem bis-sħiħ.b Malajr telgħu fil-wiċċ vizzjijiet oħrajn. “Għal 20 sena pprovajna napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja u jkollna żwieġ sodisfaċenti, imma qatt ma rnexxielna,” tgħid Elaine. “Il-vizzji tagħna kellhom għeruq fondi wisq. Ma kienx possibbli li nirbħuhom bit-talb jew bl-istudju.”
Leonard u Elaine fittxew pariri biex jifhmu l-kawżi tal-vizzji tagħhom. Materjal f’waqtu mill-“irsir fidil u diskret” dwar l-abbuż fuq it-tfal, l-alkoħoliżmu, u r-rispett lejn in-nisa kien taʼ għajnuna partikulari.c (Mattew 24:45-47) “Ġejna mgħejjunin biex insewwu l-ħsara u nerġgħu ningħaqdu flimkien,” tgħid Elaine.
Insolvu l-Problemi
Rebekka ħasset dieqa li ma kinetx tiflaħha minħabba n-nisa taʼ binha Eżaw. Billi kienet tibżaʼ li binha l-ieħor, Ġakobb, kien se jsegwi l-eżempju taʼ Eżaw, Rebekka żvogat il-frustrazzjoni tagħha billi qalet lil żewġha, Iżakk: “Sirt naborrixxi lil din il-ħajja minn tiegħi minħabba l-ulied nisa taʼ Ħet. Jekk Ġakobb qatt jieħu mara mill-ulied nisa taʼ Ħet bħal dawn mill-ulied nisa tal-art, taʼ liema ġid hi l-ħajja għalija?”—Ġenesi 27:46.
Innota li waqt li Rebekka tkellmet b’mod sod dwar is-sentimenti tagħha, hi m’attakkatx lil Iżakk personalment. Ma qalitx, “Kollu tort tiegħek!” jew, “Imissek tikkontrolla aħjar din is-sitwazzjoni!” Minflok, Rebekka użat il-pronom ‘jien’ biex tiddeskrivi kif il-problema effettwatha. Dan il-mod kif indirizzatu qajjem l-empatija taʼ Iżakk, mhux ix-xewqa tiegħu biex jiddefendi ruħu. Billi ma ħassx li ġie attakkat personalment, it-tweġiba taʼ Iżakk għat-talba taʼ Rebekka milli jidher kienet immedjata.—Ġenesi 28:1, 2.
Irġiel u nisa miżżewġin jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Rebekka. Meta jqum xi konflitt, attakkaw il-problema minflok ma tattakkaw lil xulxin. Bħal Rebekka, esprimu l-frustrazzjoni tagħkom mil-lat taʼ kif jeffettwa lilkom. “Inħossni frustrat minħabba li . . .” jew, “Inħoss li ma tifhimnix minħabba li . . .” huma iktar effettivi minn “Kemm tqabbadni frustrazzjoni int!” jew, “Qatt ma tifhimni int!”
Iktar milli Jibqaʼ Sħiħ
Iż-żwieġ tal-ewwel koppja umana, Adam u Eva, baqaʼ sħiħ għal sekli sħaħ, billi pproduċa familja taʼ wlied subien u bniet. (Ġenesi 5:3-5) Imma dan ma jfissirx li ż-żwieġ tagħhom kien jixraqlu li jiġi imitat. Iktar qabel, spirtu taʼ indipendenza u nuqqas taʼ rispett lejn il-liġijiet taʼ tjieba tal-Ħallieq kissru r-rabta tagħhom taʼ laħam wieħed.
Bl-istess mod, żwieġ illum jistaʼ jibqaʼ sħiħ, u madankollu jistaʼ jkun nieqes mill-elementi vitali taʼ komunikazzjoni. Raġunar li huwa mnaqqax fil-fond u traċċi tal-personalità li m’humiex xierqa jistgħu jkollhom jiġu maqlugħin mill-għeruq. (Qabbel 2 Korintin 10:4, 5.) Dan huwa proċess edukattiv li jibqaʼ sejjer. Imma l-isforz jiswa. Alla Jehovah huwa interessat ferm fl-arranġament taż-żwieġ, ladarba huwa l-Ħallieq tiegħu. (Malakija 2:14-16; Ebrej 13:4) Għalhekk, jekk nagħmlu l-parti tagħna, nistgħu nkunu kunfidenti li hu se jirrikonoxxi l-isforzi tagħna u jfornina bil-għerf u s-saħħa neċessarji biex infejqu kwalunkwe kollass fil-komunikazzjoni taż-żwieġ.—Qabbel Salm 25:4, 5; 119:34.
[Noti taʼ taħt]
a Għajnuna għall-familji tal-alkolizzati hija diskussa fil-ħarġa tal-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 1992, paġni 3-7.
b L-ismijiet ġew mibdulin.
c Ara l-ħarġiet tal-Awake! tat-8 t’Ottubru, 1991, tat-22 taʼ Mejju, 1992, u tat-8 taʼ Lulju, 1992.
[Kaxxa f’paġna 5]
Stabbilixxi Prinċipji Fundamentali
◻ Iddiskuti suġġett suġġett (1 Korintin 14:33, 40)
◻ Esprimi sentimenti; tagħmilx akkużi (Ġenesi 27:46)
◻ M’hemmx daqqiet (Efesin 5:28, 29)
◻ M’hemmx tgħajjir (Proverbji 26:20)
◻ Immira biex tirrikonċilja, mhux biex tirbaħ (Ġenesi 13:8, 9)
[Stampa f’paġna 3]
Meta jqum xi konflitt, attakkaw il-problema minflok ma tattakkaw lil xulxin