Fil-Lvant u fil-Punent, Jehovah Isaħħaħ lin-Nies Tiegħu
F’TERRITORJI fejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar huwa pprojbit, f’artijiet li huma mifnijin bil-vjolenza, u f’pajjiżi fejn riċentement ġiet imneħħija l-projbizzjoni—tabilħaqq, maʼ l-għalqa dinjija kollha—Jehovah ikompli jipprovdi lix-Xhieda tiegħu b’“qawwa iktar min-normal.”—2 Korintin 4:7.
Il-Prosperità Taħt Projbizzjoni
F’arċipelagu tal-Lvant Imbiegħed, ix-xogħol taʼ l-ippridkar ilu issa taħt projbizzjoni għal 17-il sena. Huma x-Xhieda skuraġġiti? Xejn affattu! F’Mejju li għadda, laħqu quċċata ġdida taʼ 10,756 pubblikatur, li minnhom 1,297 kienu qegħdin jaqdu bħala ministri full-time. Hekk kif il-kundizzjonijiet tad-dinja jiddeterjoraw, in-nies tal-gżira huma iktar u iktar inklinati biex jisimgħu l-verità. Għalhekk kienu qegħdin jirrapportaw 15,654 studju tal-Bibbja li jiġu kondotti fid-djar taʼ persuni interessati. Ftit qabel, 25,395 attendew laqgħat li ġew organizzati baxx baxx biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Ġesù.
Meta l-Konvenzjonijiet Distrettwali “Tagħlim Divin” ġew organizzati—mill-ġdid b’mod diskret skond iċ-ċirkostanzi lokali—l-aħwa ferħu ħafna meta rċevew, fil-lingwa tagħhom, il-kopji tagħhom taʼ l-istess pubblikazzjonijiet ġodda li kienu saru fl-Istati Uniti. It-tradutturi, il-proofreaders, u oħrajn kienu offrew volontarjament biex jaħdmu iżjed sigħat sabiex huma setgħu jippreparaw il-pubblikazzjoni ġdida prinċipali, bil-mijiet taʼ paġni tagħha, preċiż fil-ħin. U stamperija li mhix tas-Soċjetà kienet lesta bil-qalb kollha li tagħmel ix-xogħol sabiħ taʼ l-istampar u l-illegar. Id-delegati tal-Konvenzjoni ferħu mhux ftit meta rċevew il-pubblikazzjoni, imżejna b’iktar minn elf stampa kkuluriti. Ħafna uffiċjali governattivi jirrispettaw lix-Xhieda taʼ Jehovah, u l-oppożizzjoni tiġi prinċipalment mill-kleru tal-Kristjaneżmu. Huwa ttamat li l-projbizzjoni dalwaqt se tiġi mneħħija.
Xi Ngħidu Għall-Amerki?
Ix-Xhieda taʼ Jehovah f’dawn il-pajjiżi tal-Punent huma uniti maʼ ħuthom fil-Lvant f’li jittrattaw b’kuraġġ il-problemi tagħhom, u l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah igħinhom biex jegħlbu s-sitwazzjonijiet diffiċli. Ħu, per eżempju, ir-rapport li ġej minn pajjiż taʼ l-Amerka Latina fejn dawk li jikkontrollaw il-produzzjoni u s-suq tad-drogi jivvjaġġaw regolarment fil-ġungli.
Grupp taʼ Xhieda marru b’karozza tal-linja għal ġo territorju iżolat. Hekk kif niżlu mill-karozza tal-linja, innotaw triq żgħira fil-ġenb li minn ġor-raħal kienet tagħti għal xi mkien. Mela l-ħamest aħwa marru jaraw sa fejn kienet twassal din it-trejqa mħarbta, billi ħallew lill-aħwa nisa u lit-tfal jaħdmu fir-raħal. Ħu wieħed jirrakkonta:
“Sagħtejn mixi f’din it-triq irriżulta fi ftit li xejn djar. Imbagħad, tmienja min-nies armati u mgħammdin f’daqqa waħda ħarġu mill-masġar. Xi wħud minnhom kellhom machine guns u oħrajn skieken. Xi nqalaʼ issa? Bdejna nistaqsuhom x’riedu, imma qalulna biex noqogħdu kwieti u ma nitkellmux—sempliċement nibqgħu mexjin. Hekk għamilna! Wara sagħtejn oħra mixi f’dik il-ġungla densa u fl-imsaġar sibna ruħna f’biċċa art bla siġar li kienet ovvjament kamp armat. Gwardji armati bi xkubetti kienu kullimkien. Fiċ-ċentru kien hemm dar mibnija b’mod diċenti li lejha ġejna diretti.
“Hekk kif qgħadna bil-qiegħda ġejna indirizzati minn wieħed li milli jidher kien il-kap tal-kamp. Kien liebes pulit, kien edukat, u kellu ċerta dinjità. Hu pponta subgħajh lejn wieħed mill-grupp taʼ aħwa tagħna u qallu biex iqum bil-wieqfa. Imbagħad staqsieh: ‘X’jidhirlek mill-grupp tagħna?’ Billi rrealizza fejn konna, il-ħu wieġeb: ‘Sewwa, aħna nafu dwar il-grupp tagħkom, imma m’għandna l-ebda interess fih, u lanqas f’ebda grupp ieħor politiku. L-unika raġuni għala qegħdin hawn hu biex nippridkaw dwar is-Saltna t’Alla Jehovah bi Kristu Ġesù. Din dalwaqt se teqred il-gvernijiet politiċi kollha taʼ din is-sistema taʼ affarijiet u se ġġib barkiet meraviljużi għal nies fuq din l-art taħt kundizzjonijiet taʼ ġenna—xi ħaġa li l-ebda bniedem jew grupp taʼ rġiel ma jistgħu jagħmlu.’
“L-attitudni tar-raġel inbidlet. Hu beda jistaqsi xi mistoqsijiet. ‘Fejn tgħallimthom dawn l-affarijiet kollha? Kif kont ippreparat biex titkellem hekk?’ Għal siegħa u nofs, stajna nagħtu xiehda tajba dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja u nuru li l-Bibbja tidentifika l-unika tama għall-umanità. Aħna spjegajna wkoll Rumani kapitlu 13—li aħna nobdu lill-awtoritajiet li jkunu fil-poter, imma meta jkun hemm konflitt bejn il-Kelma taʼ Jehovah u tagħhom, nobdu lil Alla tagħna, Jehovah, l-ewwel. Fl-aħħar, offrejnielu l-kotba li kellna. Hu ħa tlieta minnhom u Bibbja u, b’sorpriża kbira għalina, tana kontribuzzjoni għalihom. Qalilna li kien se jaqrahom.
“Imbagħad, il-kap għamel sinjal lil wieħed mill-irġiel biex joħroġna ’l barra mill-kamp. Malajr tlaqna lura minn fejn ġejna, billi rringrazzjajna lil Jehovah għar-rebħa li kellna f’għalqa oħra taʼ l-għoti taʼ xiehda.”
Fl-Afrika Mbiċċra Bil-Ġlied
Nofs triq bejn il-Lvant Imbiegħed u l-Punent imbiegħed jinsab il-Kontinent Afrikan. Il-gwerer taʼ bejn it-tribujiet biddlu lil xi pajjiżi hemmhekk fi rwiefen kbar taʼ vjolenza. Fil-Liberja, in-nies taʼ Jehovah kienu għal darb’oħra effettwati profondament meta faqqgħet il-gwerra ċivili. Għall-ewwel kien hemm il-ġlied fil-belt kapitali u madwarha matul Ottubru u Novembru 1992. Imbagħad, hekk kif il-gwerra nfirxet ’il fuq mal-pajjiż, kongregazzjonijiet sħaħ ġew sfrattati hekk kif l-aħwa ħarbu lejn il-bosk mal-bqija tal-popolazzjoni. Madankollu, iż-żelu tagħhom baqaʼ ma naqasx. Hekk kif ħarbu, huma ppridkaw, u dan irriżulta f’xiehda grandjuża li ġiet mogħtija fil-partijiet l-iktar remoti taʼ ġewwa nett.
Kongregazzjoni waħda taʼ aħwa li kellhom jaħarbu bnew Sala tas-Saltna temporanja f’nofs masġar tas-siġar tal-gomma. F’belt qrib il-front tal-ġlied, matul il-jum il-popolazzjoni ċivili kienet taħrab għal ġo l-imsaġar tal-gomma fil-qrib biex tiskansa l-bombi mill-ajru. L-aħwa lokali (inklużi ħafna pubblikaturi maħrubin mill-kapitali, Monrovja) organizzaw il-ministeru taʼ l-għalqa u wieħed setaʼ jarahom regolarment jippridkaw lill-eluf li kienu qegħdin jistkennu taħt is-siġar tal-gomma! Kull darba li kien joqrob xi ajruplan, l-aħwa rġiel u nisa kienu jaqbżu ġo xi gandott li kien fil-qrib u mbagħad, meta jkun għadda l-periklu, ikomplu bl-ippridkar tagħhom.
Ħaġa taʼ l-għaġeb, dawk il-pubblikaturi tal-kongregazzjoni li jgħoddu iktar minn elf u li jistgħu jwasslu r-rapport tagħhom lis-Soċjetà għandhom bejn wieħed u ieħor, minkejja dawn il-kundizzjonijiet taʼ gwerra ċivili, 18.1 sigħat fil-għalqa tal-ministeru u 3,111-il studju tal-Bibbja li qegħdin jiġu kondotti kull xahar.
Fl-Afrika matul dawn l-aħħar erbaʼ snin, restrizzjonijiet fuq ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah ġew imneħħijin fi 18-il pajjiż. U x’ferħ kbir! Nhar it-12 t’Awissu, il-projbizzjoni li kienet ġiet imposta fuq ix-Xhieda fil-Malawi f’Ottubru tal-1967, ġiet imneħħija. L-ippridkar bil-moħbi tal-aħbar tajba dejjem kien baqaʼ miexi ’l quddiem, imma issa x-Xhieda jistgħu jimxu ’l quddiem fil-libertà, għalkemm se jkollhom jistennew l-irxoxt biex jilqgħu lura mill-ġdid lill-ħafna mseħbin għeżież tagħhom li kienu ġew maqtulin mill-oppressuri.
Fil-Mozambique ftehim għall-paċi beda jseħħ fl-4 t’Ottubru, 1992. Territorji li qabel ma kinux jistgħu jintlaħqu minħabba l-gwerra qerrieda tas-16-il sena li għaddew qegħdin jiġu milħuqin. Fl-inħawi taʼ Carioco, ġiet stabbilita mill-ġdid il-komunikazzjoni maʼ 375 aħwa rġiel u nisa li kienu tilfu kull kuntatt maʼ l-organizzazzjoni matul is-sebaʼ snin taʼ qabel. Assemblea speċjali taʼ jum wieħed inżammet f’Milange, il-kapitali tad-distrett li qabel kien magħruf bħala l-post fejn kien hemm kamp tal-konċentrament u ċentru taʼ “tagħlim mill-ġdid” (bl-iskop li jbiddlu l-fehma) tax-Xhieda taʼ Jehovah, li ħafna minnhom kienu refuġjati mill-Malawi. Total sorprendenti taʼ 2,915-il persuna attendew, inkluż l-amministratur tal-belt, li ta merħba lix-Xhieda taʼ Jehovah. Mela dak li kien qabel iċ-ċentru taʼ “tagħlim mill-ġdid” sar ċentru taʼ tagħlim divin għal dak il-jum.
Missjunarju jikteb: “Dwar l-aħwa tagħna li sabu rwieħhom f’kampijiet tar-refuġjati fil-Provinċja taʼ Tete, ġiet magħmula osservazzjoni interessanti minn rappreżentant taʼ l-UNHCR (United Nations High Commissioner for Refugees.) Hu qal li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu organizzaw il-kampijiet tagħhom stess, isseparati minn gruppi oħrajn. ‘Il-kamp tagħhom,’ huwa qal, ‘kien l-uniku wieħed immexxi tajjeb,’ billi żied, ‘Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma nodfa, organizzati, u edukati.’ Imbagħad hu offrieli biex jeħodni bl-ajruplan sal-bosk ħa nara b’għajnejja stess. Mill-ajru, il-pilota wrieni żewġ kampijiet. Wieħed kien traskurat u maħmuġ, bi djar mibnijin bit-tajn kollha f’xulxin mingħajr ippjanar taʼ xejn. L-ieħor kien imqassam tajjeb, bi djar b’toroq li jisseparaw u jifformaw f’ringieli. Id-djar kellhom dehra nadifa, bi btieħi miknusin tajjeb. Xi wħud kienu saħansitra miżbugħin biż-żebgħa li għamlu huma stess. ‘Aqtaʼ liema wieħed hu tan-nies tagħkom?’ qal il-pilota. Kien ferħ kbir għalija li niltaqaʼ maʼ l-aħwa f’dan il-kamp. Hemm issa tmien kongregazzjonijiet f’dan ir-raħal tax-Xiehda.”
Ġo “L-Art Taʼ L-Ajkla”
Le, din m’hijiex l-ajkla taʼ l-Istati Uniti! Bejn il-Lvant u l-Punent hemm pajjiż Ewropew, l-Albanija, li ismu bil-lingwa uffiċċjali, Shqipëria, ifisser “L-Art Taʼ L-Ajkla.” Riċentement, projbizzjoni krudili fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah li damet sejra għal 50 sena f’dan il-pajjiż ġiet imneħħija, u huma jistgħu jingħaqdu maʼ ħuthom mil-Lvant u mill-Punent f’li jgawdu l-libertà tal-qima. Huma verament qegħdin ‘jixtru ż-żmien opportun.’ (Efesin 5:16) L-ewwel assemblea fl-istorja taʼ l-Albanija, assemblea taʼ jum wieħed, ġiet miżmuma fit-Teatru Nazzjonali, fil-kapitali, Tiranë, il-Ħadd, 21 taʼ Marzu. Is-Sibt fil-għaxija grupp taʼ 75 Xhud volontier ittrasformaw post tal-laqgħat li kien qiegħed jaqaʼ biċċiet f’Sala taʼ l-Assembleat nadifa tazza. Il-management baqaʼ mbellah! U taʼ min jinnota li minn dawk il-75 volontier, 20 biss kienu mgħammdin!
It-temp ma setax ikun aħjar. Hekk kif waslu d-delegati minn barra, il-merħba—l-iktar permezz taʼ tislim bl-idejn u tgħanniq—għamlet lil dak il-jum speċjali taʼ assemblea speċjali ħafna. B’idejn merfugħin ’il fuq lejn is-sema, Ħuna Nasho Dori għamel it-talba tal-ftuħ. Hu ġie mgħammed fl-1930 u issa hu kważi għami għalkollox. Il-programm kien ippreżentat bl-Albaniż, il-parti l-kbira minn pijunieri speċjali barranin. Il-585 li attendew kantaw il-għanja “Dedikazzjoni Kristjana”—waħda mis-sitta li kienu ġew tradotti fl-Albaniż għall-okkażjoni—hekk kif 41 aħwa rġiel u nisa ġodda mxew lejn il-pixxina li aħwa Griegi li ġew għall-okkażjoni kienu b’qalb tajba armaw fis-sala. X’differenza! Qabel, li jkollok Bibbja kien ifisser kampijiet b’xogħol iebes, u l-laqgħat kienu limitati għal gruppi taʼ żewġ jew tliet persuni.
L-għada taʼ l-assemblea, l-uffiċċju tal-Watch Tower irċieva telefonata mid-direttur tat-teatru. Normalment hu ma tantx jagħti kas dwar min juża t-teatru. Dak hu x-xogħol tal-viċi direttur. Imma hu qal: “Kelli bil-fors inċempel biex nirringrazzjakom. Qatt ma rajt dan il-post daqshekk nadif. Kieku kelli niddeskrivih, kont ngħid li żiffa mis-sema niżlet fuq it-teatru tagħna l-bieraħ. Kull meta tixtiequ tużaw il-faċilitajiet tagħna, jekk jogħġobkom erġgħu ejjew, u lilkom nagħtukom preferenza. Kos qiegħed ngħid, imissna nħallukom tużawh kull tliet xhur bla ħlas.”
Ix-Xhieda reġgħu lura lejn l-ibliet tagħhom imsaħħin u grati u bdew jippreparaw għall-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù. 15-il ġurnata biss wara, nhar it-Tlieta, 6 t’April, l-ewwel Mafkar bil-miftuħ ġie ċċelebrat f’sebaʼ postijiet.
Fil-belt taʼ Berat, l-attendenza għal-laqgħat żdiedet għal madwar 170, u l-qassis lokali għandu dillirju. Wieħed u għoxrin mit-33 pubblikatur tas-Saltna f’Berat ġew imgħammdin fl-assemblea. Berat irrapportat 472 li attendew il-Mafkar. Attendenzi oħrajn tal-Mafkar kienu wkoll jispikkaw, fil-biċċa l-kbira minħabba l-eżempju mill-aħjar mogħti minn pijunieri speċjali.
Fl-iktar belt Kattolika taʼ l-Albanija, Shkodër, fejn hemm bażilika, il-knisja bdiet tistampa ittra taʼ kull xahar, u kull ħarġa ddiskutiet “Kif Tevita Lix-Xhieda Taʼ Jehovah.” L-aħħar ħarġa qalet: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah invadew Shkodër”! L-armata kbira ħafna taʼ żewġ Xhieda hemmhekk ġabru 74 persuna taʼ manjieri tajbin u serji għall-Mafkar. Wara li semgħu t-taħdita tal-Mafkar, 15-il familja talbu għal studji tal-Bibbja fid-dar! F’belt oħra, Durres, fejn hemm armata taʼ erbaʼ Xhieda, kien hemm attendenza sabiħa taʼ 79.
Minħabba oppożizzjoni minn żgħażagħ Kattoliċi, li heddu li jkeċċu lix-Xhieda ’l barra bil-ġebel, il-laqgħa tal-Mafkar f’Kalmeti i Vogel, raħal fil-muntanja kellha tiġi ttrasferita għal dar taʼ wieħed mill-aħwa lokali, fejn bil-paċi attendew 22. Hemm ħames pubblikaturi f’dan il-grupp, li minnhom tlieta kienu mgħammdin fl-assemblea f’Tirana.
Fi Vlorë żewġt irġiel żgħażagħ irċevew kopja taʼ The Watchtower, qrawha, u kitbu lis-Soċjetà: “Issa aħna qegħdin insejħu lilna nfusna Xhieda taʼ Jehovah minħabba l-verità li tgħallimna minn The Watchtower. Jekk jogħġobkom ibagħtulna l-għajnuna.” Żewġ pijunieri speċjali ġew mibgħutin hemmhekk, u wieħed minn dawn l-irġiel żgħażagħ malajr sar jikkwalifika bħala pubblikatur. Kien hieni li jkun fost l-64 li attendew il-Mafkar fi Vlorë.
Ħu Albaniż li tgħallem il-verità fl-Istati Uniti rritorna fl-1950 lejn il-belt fejn twieled li jisimha Gjirokastër, fejn hu qeda kemm felaħ sa ma miet. Hu żara ż-żrieragħ taʼ verità f’qalb ibnu. Meta l-projbizzjoni ġiet imneħħija, dan ibnu talab lill-Watch Tower Society għall-għajnuna. Persuna interessata oħra li kienet tgħix f’raħal lejn it-Tramuntana kienet ukoll kitbet għall-għajnuna, u għalhekk erbaʼ pijunieri speċjali ġew mibgħutin hemmhekk. L-Erbgħa fil-għodu taʼ wara l-Mafkar, wieħed minnhom ċempel lill-uffiċċju tas-Soċjetà f’Tiranë: “Ma stajtx inżomm milli ngħidilkom x’għamel l-ispirtu taʼ Jehovah. Aħna tant aħna henjin. Il-Mafkar kien suċċess.” L-attendenza kienet 106, inkluża l-armata tagħhom taʼ sebaʼ pubblikaturi tas-Saltna!
Xi ngħidu għat-total taʼ l-attendenza tal-Mafkar? Fl-1992, meta kien hemm biss 30 pubblikatur tas-Saltna, l-attendenza kienet 325. Issa, fl-1993, il-131 pubblikatur ġabru 1,318 li attendew. F’dawn is-sentejn, l-attendenza kienet għaxar darbiet in-numru taʼ pubblikaturi! Kemm hu eċċitanti li tara “ċ-ċkejken . . . [i]sir elf” f’perijodu tant qasir!—Isaija 60:22.
“Tawwal Il-Ħbula Tat-Tinda Tiegħek”
Hekk kif ix-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah jespandi maʼ l-erbat irkejjen tal-globu, toħroġ l-għajta: “Agħmel il-post tat-tinda tiegħek iktar spazjuż. U ħallihom iġebbdu ’l barra d-drappijiet tat-tinda tat-tabernaklu grandjuż tiegħek. Iżżommx lura. Tawwal il-ħbula tat-tinda tiegħek, u agħmel dawk il-kavilji tat-tinda tiegħek b’saħħithom. Għax lejn il-lemin u lejn ix-xellug int se taħrab ’il barra.” (Isaija 54:2, 3) Din il-ħarba ’l barra fit-“tabernaklu grandjuż” t’Alla—irrappreżentat mill-kongregazzjoni mad-dinja kollha taʼ adoraturi tiegħu—tabilħaqq kienet tidher fl-Ewropa tal-Lvant, speċjalment fl-artijiet taʼ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. Wara li sostna lill-qaddejja tiegħu matul l-għaxriet taʼ snin taʼ rażna, Jehovah qiegħed issa jipprovdi lix-Xhieda tiegħu b’enerġija dinamika meħtieġa biex jespandu u jsaħħu lill-organizzazzjoni.
Ġewwa Moska, fir-Russja, f’Locomotive Stadium, mit-22-25 taʼ Lulju, quċċata taʼ 23,743 attendew konvenzjoni internazzjonali li tibqaʼ tissemma mis-serje “Tagħlim Divin” tas-sena l-oħra. Min setaʼ jimmaġina li dan kien possibbli, saħansitra sentejn ilu? Imma hemm kienu! Iktar minn 1,000 ruħ ġew mill-Ġappun u mill-Korea, kważi 4,000 mill-Istati Uniti u mill-Kanada, kif ukoll eluf oħrajn minn iktar minn 30 art tas-South Pacific, taʼ l-Afrika, taʼ l-Ewropa, u taʼ inħawi oħrajn—verament laqgħa tal-Lvant u l-Punent. Kemm kien inkuraġġanti għal dawn kollha li jitħalltu liberament maʼ iktar minn 15,000 minn ħuthom irġiel u nisa Russi! Ħadd ma setaʼ jżomm il-ferħ tagħhom.
Total taʼ l-għaġeb taʼ 1,489 Xhieda ġodda ġew imgħammdin. Il-magħmudija ġiet ippubblikata mill-mezzi tax-xandir madwar id-dinja, inkluża stampa mill-aħjar fuq il-paġna taʼ quddiem taʼ The New York Times. L-applaws irbombja b’qawwa kbira matul il-magħmudija, imma ġie ssuperat matul it-taħdita finali, meta l-kelliemi rringrazzja lill-4,752 volontieri u uffiċjali li kienu għenu biex il-konvenzjoni tkun suċċess, u żied: “Fuq kollox, aħna niżżu ħajr lil Jehovah!” Iva, l-ispirtu taʼ Jehovah kien żamm lura oppożizzjoni qawwija mir-reliġjonisti Ortodossi u pprovda l-enerġija vitali li għamlet lill-konvenzjoni realtà kommoventi.
Il-kbir kien għadu ġej, madankollu, fil-belt Ukranjana taʼ Kiev, bejn il-5 u t-8 t’Awissu. Mill-ġdid, volontieri minn jeddhom irrinovaw kompletament l-istadium, u din is-Sala tas-Saltna ġganteska akkomodat quċċata taʼ attendenza taʼ 64,714-il ruħ. Għal darb’oħra, ix-Xhieda ġew mil-Lvant u mill-Punent, u mill-postijiet taʼ bejniethom. It-taħdidiet prinċipali ġew interpretati fi 12-il lingwa. Madwar 53,000 delegat, li waslu bl-ajru, bil-ferrovija, jew bil-karozza tal-linja, riedu jiġu milqugħin fl-istazzjonijiet u fl-ajruporti u jiġu ttrasportati lejn l-akkomodazzjonijiet tagħhom f’lukandi, skejjel, djar privati, u fuq vapuri. Dan kollu ġie mwettaq bi spiża minima u b’ordni u effiċjenza taʼ organizzazzjoni li ġabet espressjonijiet taʼ stagħġib u tifħir mingħand il-pulizija militari tal-belt.
Il-programm kommoventi tal-konvenzjoni laħaq il-quċċata tiegħu f’magħmudija li damet sejra għal sagħtejn u nofs sħaħ. Total taʼ 7,402 aħwa rġiel u nisa ġodda b’hekk issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah, waqt li l-applaws irbombja u reġaʼ rbombja maʼ l-istadium tant vast. Dan kien iktar mill-quċċata rekord li kienet taʼ 7,136 meta 253,922 ruħ inġabru flimkien għall-konvenzjoni fi New York City fl-1958.
Hekk kif dan il-perijodu taʼ ġġudikar issa jersaq ’il quddiem lejn il-final tiegħu, uħud bħal ngħaġ mil-Lvant, mill-Punent, u saħansitra mill-“iktar parti ’l bogħod taʼ l-art” qegħdin jiġu miġburin f’unità li qatt ma kien hawn bħalha fl-istorja kollha tal-bniedem. Tabilħaqq, “folla kbira . . . mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha” qegħdin jingħaqdu maʼ l-Iżrael spiritwali t’Alla f’li jiddikjaraw il-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju prezzjuż taʼ rahan taʼ Ġesù, il-pedament taʼ dak kollu li qiegħed jiġi mwettaq fl-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah.—Atti 1:8; Rivelazzjoni 7:4, 9, 10. [w94 1/1]
[Stampi f’paġni 8, 9]
Il-Lvant jiltaqaʼ mal-Punent f’Moska u fi Kiev