Jehovah Dak Alla taʼ Skop
“Żgur li bħalma stħajjilt jien, hekk irid jiġri; u sewwa sew bħalma tajt parir jien, dak hu li se jseħħ.”—ISAIJA 14:24.
1, 2. Ħafna nies xi jgħidu dwar l-iskop tal-ħajja?
IN-NIES kullimkien jistaqsu: “X’inhu l-iskop tal-ħajja?” Mexxej politiku tal-Punent stqarr: “Iktar nies minn qatt qabel qegħdin jistaqsu, ‘Min aħna? X’inhu l-iskop tagħna?’” Meta gazzetta stħarrġet l-opinjoni taż-żgħażagħ rigward il-mistoqsija taʼ x’inhu l-iskop tal-ħajja, tweġibiet tipiċi kienu: “Li tagħmel dak kollu li tixtieq qalbek.” “Li tgħix kull mument billi tgawdi kemm tistaʼ.” “Tagħtiha għat-tgawdija u għall-ħela.” “Li jkollok it-tfal, li tkun kuntent u mbagħad tmut.” Il-biċċa l-kbira ħassew li din il-ħajja biss hemm. Ħadd ma tkellem dwar xi skop fit-tul għal ħajja fuq l-art.
2 Studjuż Konfuċjan qal: “It-tifsir aħħari tal-ħajja jinsab fl-eżistenza umana u ordinarja tagħna.” Skond dan, in-nies se jkomplu jitwieldu, jissieltu għal 70 jew 80 sena, imbagħad imutu u jkunu ineżistenti għal dejjem. Xjenzat evoluzzjonarju qal: “Aħna nistgħu nixxennqu għal tweġiba ‘ogħla’—imma ma teżisti l-ebda waħda.” Għal dawn l-evoluzzjonisti, il-ħajja hi taqbida biex wieħed jibqaʼ ħaj, bil-mewt li ttemm kollox. Filosofiji bħal dawn jippreżentaw ħarsa bla tama lejn il-ħajja.
3, 4. Il-kundizzjonijiet dinjin kif jeffettwaw il-mod kif ħafna nies iħarsu lejn il-ħajja?
3 Ħafna jiddubitaw li l-ħajja għandha skop meta jaraw li l-eżistenza umana sfat mimlija b’tant miżerja. Fi żmienna, meta l-bniedem suppost li laħaq quċċata taʼ kisba industrijali u xjentifika, madwar biljun ruħ mad-dinja kollha huma morda serjament jew huma nutriti ħażin. Miljuni taʼ tfal imutu kull sena minħabba raġunijiet bħal dawn. Jerġaʼ, dan is-seklu 20 ġarrab erbaʼ darbiet iżjed imwiet mill-gwerra mill-erbaʼ mitt sena taʼ qabel f’daqqa. Il-kriminalità, il-vjolenza, l-abbuż tad-drogi, it-tkissir tal-familja, l-AIDS u mard ieħor trażmess sesswalment—il-lista taʼ fatturi negattivi tiżdied. Mexxejja dinjin m’għandhomx soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.
4 Minħabba dawn il-kundizzjonijiet, persuna waħda esprimiet dak li ħafna jemmnu: “M’hemmx skop għall-ħajja. Ladarba qegħdin jiġru dawn l-affarijiet ħżiena kollha, allura l-ħajja ma tantx tfisser wisq.” U raġel imdaħħal fiż-żmien qal: “Ili nistaqsi għala qiegħed hawn il-biċċa l-kbira taʼ ħajti. Jekk hemm skop, ma jinteressanix iżjed.” Għalhekk minħabba li kotriet kbar taʼ nies ma jafux għala Alla jippermetti t-tbatija, kundizzjonijiet dinjin taʼ niket iġagħluhom li ma jkollhom ebda tama vera għall-futur.
5. Ir-reliġjonijiet taʼ did-dinja għala jżidu mal-konfużjoni dwar l-iskop tal-ħajja?
5 Saħansitra mexxejja reliġjużi huma maqsumin, u inċerti, dwar l-iskop tal-ħajja. Wieħed li kien dekan tal-Katidral taʼ San Pawl f’Londra qal: “Ħajti kollha ssilitt biex insib l-iskop taʼ l-għixien. . . . Fallieli.” Veru, ħafna membri tal-kleru jgħallmu li fil-mewt it-tajbin imorru fis-sema u l-ħżiena jmorru f’infern tan-nar għal dejjem. Imma din il-ħarsa xorta waħda tħalli lill-bnedmin fuq l-art ikomplu fil-korsa tagħhom taʼ turment. U li kieku kien l-iskop t’Alla li jkollu nies jgħixu fis-sema, għala m’għamilhomx biss ħlejjaq tas-sema mill-ewwel, bħalma għamel l-anġli, u b’hekk jeħles lill-bnedmin minn tant sofferenza? Għalhekk konfużjoni dwar l-iskop tal-ħajja fuq l-art jew li wieħed jiċħad li jemmen li għandha xi skop hija komuni.
Dak Alla Taʼ Skop
6, 7. Il-Bibbja x’tgħidilna dwar is-Sovran Universali?
6 Madankollu, l-iktar ktieb distribwit b’mod mifrux fl-istorja, il-Bibbja Mqaddsa, jgħidilna li Jehovah, is-Sovran taʼ l-univers, hu dak Alla taʼ skop. Jurina li hu għandu skop fit-tul, fil-fatt, etern, għall-bnedmin fuq l-art. U meta Jehovah ikollu xi skop, ċertament li se jseħħ mingħajr ma jfalli. Bħalma x-xita tikkaġuna ż-żerriegħa li tinbet, jgħid Alla, “hekk il-kelma tiegħi li toħroġ minn fommi se tagħti prova li tkun. Mhix se terġaʼ lura għandi mingħajr riżultati, imma ċertament li se tagħmel dak li fih jien sibt l-għaxqa, u se jkollha suċċess żgur f’dak li għalih bgħattha.” (Isaija 55:10, 11) Kulma Jehovah jgħid li se jwettaq “hu li se jseħħ.”—Isaija 14:24.
7 Aħna l-bnedmin jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Dak li Jistaʼ Kollox se jżomm il-wegħdiet tiegħu, għax Alla “ma jistax jigdeb.” (Titus 1:2; Ebrej 6:18) Meta jgħidilna li se jagħmel xi ħaġa, il-kelma tiegħu hi garanzija li din se sseħħ. Hija daqs li kieku saret. Hu jiddikjara: “Jiena l-Wieħed Divin u ma hemm ebda Alla ieħor, lanqas ħadd bħali; il-Wieħed li qiegħed inħabbar mill-bidu l-final, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma ntgħamlux; il-Wieħed li qiegħed jgħid, ‘Il-parir tiegħi stess se jibqaʼ, u kulma hu għaxqa tiegħi se nagħmel’ . . . Jien saħansitra għedt dan; Jien ukoll se ndaħħal dan. Jien sawwart dan, jien ukoll se nagħmel dan.”—Isaija 46:9-11.
8. Dawk li sinċerament iridu jkunu jafu lil Alla jistgħu jsibuh?
8 Iktar minn hekk, Jehovah “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Minħabba f’dan, hu ma jrid lil ħadd li jkun bla għarfien dwaru. Profeta bl-isem Ażarija qal: “Jekk tfittxuh [lil Alla], hu se jħalli lilu nnifsu jinstab minnkom, imma jekk titilquh hu se jitlaqkom.” (2 Kronaki 15:1, 2) Għaldaqstant, dawk li sinċerament iridu jkunu jafu lil Alla u l-iskopijiet tiegħu jistgħu ċertament jagħmlu dan jekk jagħmlu l-isforz biex ifittxu għalih.
9, 10. (a) X’ġie pprovdut għal dawk li jridu jkunu jafu lil Alla? (b) Tfittxija fil-Kelma t’Alla x’tgħinna nagħmlu?
9 Ifittxu fejn? Għal dawk li verament qegħdin ifittxu lil Alla, hu pprovda l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, l-istess forza attiva li uża biex joħloq l-univers, Alla dderieġa rġiel leali biex jiktbu dak li għandna bżonn inkunu nafu dwar l-iskopijiet tiegħu. Per eżempju, rigward il-profezija tal-Bibbja, l-appostlu Pietru qal: “Il-profezija f’ebda żmien ma nġiebet bir-rieda tal-bniedem, imma bnedmin tkellmu minn Alla waqt li kienu mqanqlin mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) B’mod simili, l-appostlu Pawlu ddikjara: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-tagħlim, għat-twiddib, biex tiddritta l-affarijiet, biex tiddixxiplina fit-tjieba, biex il-bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, mgħammar bis-sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”—2 Timotew 3:16, 17; 1 Tessalonkin 2:13.
10 Innota li l-Kelma t’Alla tgħinna nkunu, mhux parzjalment jew b’mod inkomplet, imma ‘kompetenti għalkollox, mgħammrin bis-sħiħ.’ Tgħin lil dak li jkun ikun ċert dwar min hu Alla, x’inhuma l-iskopijiet tiegħu, u x’jirrikjedi mill-qaddejja tiegħu. Dan hu mistenni minn ktieb li l-awtur tiegħu hu Alla. U huwa l-uniku sors fejn nistgħu nfittxu biex niksbu għarfien eżatt dwar Alla. (Proverbji 2:1-5; Ġwann 17:3) Billi nagħmlu hekk, ma nibqgħux “iktar trabi, mitfugħin ’il hawn u ’l hinn bħal bil-mewġ u mġarrin bl-addoċċ minn kull riħ taʼ tagħlim permezz tal-qerq tan-nies, permezz tal-makakkerija fl-ippjanar taʼ l-iżball.” (Efesin 4:13, 14) Is-salmista esprima l-ħarsa xierqa: “Il-kelma tiegħek [t’Alla] hi musbieħ għal sieqi, u dawl għal triqti.”—Salm 119:105.
Irrivelati B’Mod Progressiv
11. Jehovah kif irrivela l-iskopijiet tiegħu lill-bnedmin?
11 Fil-bidunett tal-familja umana, Jehovah irrivela l-iskopijiet tiegħu għal din l-art u għall-bnedmin taʼ fuqha. (Ġenesi 1:26-30) Imma meta l-ewwel ġenituri tagħna rrifjutaw is-sovranità t’Alla, l-umanità waqgħet fi dlam spiritwali u mewt. (Rumani 5:12) Minkejja dan, Jehovah kien jaf li kien se jkun hemm dawk li jridu jaqduh. Għalhekk, matul is-sekli, hu rrivela b’mod progressiv l-iskopijiet tiegħu lill-qaddejja leali tiegħu. Xi wħud minn dawk li kkomunika magħhom kienu Enok (Ġenesi 5:24; Ġuda 14, 15), Noè (Ġenesi 6:9, 13), Abraham (Ġenesi 12:1-3), u Mosè (Eżodu 31:18; 34:27, 28). Il-profeta t’Alla Amos kiteb: “Il-Mulej Sovran Jehovah ma se jagħmel xejn jekk ma jkunx kixef il-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”—Amos 3:7; Danjel 2:27, 28.
12. Ġesù kif xeħet iżjed dawl fuq l-iskopijiet t’Alla?
12 Meta l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, kien fuq l-art madwar 4,000 sena wara l-irvell f’Għeden, ħafna iżjed dettalji dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah ġew irrivelati. Dan kien il-każ b’mod partikulari rigward l-iskop t’Alla li jistabbilixxi Saltna tas-sema biex taħkem għal fuq l-art. (Danjel 2:44) Ġesù għamel dik is-Saltna t-tema tat-tagħlim tiegħu. (Mattew 4:17; 6:10) Hu u d-dixxipli tiegħu għallmu li taħt is-Saltna, l-iskop oriġinali t’Alla għall-art u għall-bnedmin kellu jitwettaq. L-art kellha tiġi mibdula f’ġenna abitata minn bnedmin perfetti, li kellhom jgħixu għal dejjem. (Salm 37:29; Mattew 5:5; Luqa 23:43; 2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:4) Barra minn hekk, Ġesù u d-dixxipli tiegħu wrew x’kellu jseħħ f’dik id-dinja ġdida bil-mirakli li Alla tahom il-qawwa li jwettqu.—Mattew 10:1, 8; 15:30, 31; Ġwann 11:25-44.
13. Rigward il-modi kif Alla ttratta maʼ l-umanità, liema bidla seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
13 Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., 50 jum wara l-mewt taʼ Ġesù, l-ispirtu t’Alla ġie mferraʼ fuq il-kongregazzjoni taʼ segwaċi taʼ Kristu. Din ħadet il-post taʼ Iżrael mhux leali bħala l-poplu tal-patt taʼ Jehovah. (Mattew 21:43; 27:51; Atti 2:1-4) It-tferriegħ taʼ l-ispirtu qaddis f’dik l-okkażjoni kien evidenza li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, Alla kellu jirrivela l-veritajiet dwar l-iskopijiet tiegħu permezz taʼ din l-aġenzija ġdida. (Efesin 3:10) Matul l-ewwel seklu E.K., il-qafas organizzazzjonali tal-kongregazzjoni Kristjana ġie stabbilit.—1 Korintin 12:27-31; Efesin 4:11, 12.
14. Dawk li jfittxu l-verità kif jistgħu jidentifikaw il-kongregazzjoni Kristjana vera?
14 Illum, dawk li jfittxu l-verità jistgħu jidentifikaw il-kongregazzjoni Kristjana vera mit-turija konsistenti tagħha tal-kwalità predominanti t’Alla, l-imħabba. (1 Ġwann 4:8, 16) Tabilħaqq, l-imħabba taʼ l-aħwa hija marka li tidentifika tal-Kristjanità ġenwina. Ġesù qal: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” “Dan hu l-kmandament tiegħi, li intom tħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwann 13:35; 15:12) U Ġesù fakkar lis-semmiegħa tiegħu: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qiegħed nikkmandakom.” (Ġwann 15:14) Mela l-qaddejja veri t’Alla huma dawk li jgħixu l-liġi taʼ l-imħabba. Huma mhux biss jitkellmu dwarha, għax “fidi mingħajr xogħlijiet hi mejta.”—Ġakbu 2:26.
Tidwil
15. Il-qaddejja t’Alla minn liema ħaġa jistgħu jkunu żguri?
15 Ġesù bassar li mal-medda tas-snin, il-kongregazzjoni Kristjana vera se tiġi mdawla iżjed u iżjed rigward l-iskopijiet t’Alla. Hu wiegħed lis-segwaċi tiegħu: “Dak li jgħin, l-ispirtu qaddis, li l-Missier se jibgħat f’ismi, dak il-wieħed se jgħallimkom l-affarijiet kollha.” (Ġwann 14:26) Ġesù qal ukoll: “Ħares! jiena magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 28:20) B’hekk, tidwil rigward il-verità dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu jiżdied fost il-qaddejja t’Alla. Iva, “[i]l-passaġġ taʼ l-uħud twajbin hu bħad-dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi sakemm il-jum jiġi stabbilit fis-sod.”—Proverbji 4:18.
16. It-tidwil spiritwali tagħna x’jgħidilna dwar fejn ninsabu rigward l-iskopijiet t’Alla?
16 Illum, dak id-dawl spiritwali hu iżjed qawwi minn qatt qabel, għax ninsabu fi żmien meta ħafna profeziji tal-Bibbja qegħdin jitwettqu jew waslu biex jitwettqu. Dawn juruna li aħna qegħdin ngħixu fl-“aħħar jiem” taʼ din is-sistema taʼ affarijiet mill-agħar. Dan hu l-perijodu taʼ żmien imsejjaħ “[i]l-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet”; dan se jiġi segwit mid-dinja ġdida t’Alla. (2 Timotew 3:1-5, 13; Mattew 24:3-13) Kif imbassar minn Danjel, is-Saltna tas-sema t’Alla dalwaqt se “tfarrak u ġġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha [li jeżistu issa], u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.”—Danjel 2:44.
17, 18. Liema profeziji grandjużi qegħdin jitwettqu issa?
17 Fost il-profeziji li issa qegħdin jitwettqu hi dik li nsibu fil-vers 14 taʼ Mattew kapitlu 24. Hemm Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Maʼ l-art kollha, dak ix-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna qed isir minn miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah. U mijiet taʼ eluf taʼ nies qegħdin jingħaqdu magħhom kull sena. Dan hu fi qbil mal-profezija f’Isaija 2:2, 3, li tgħid li “fil-parti finali tal-jiem” taʼ did-dinja mill-agħar, nies minn ħafna ġnus kellhom jiġu lejn il-qima vera taʼ Jehovah, u ‘hu kellu jistruwihom dwar il-mogħdijiet tiegħu, u huma kellhom jimxu fil-passaġġi tiegħu.’
18 Dawn l-uħud ġodda qegħdin jinġemgħu bħal merħla lejn il-qima taʼ Jehovah “sewwa sew bħal sħaba,” kif imbassar f’Isaija kapitlu 60, vers 8. Vers 22 iżid: “Il-wieħed ċkejken innifsu se jsir elf, u l-wieħed żgħir ġens setgħani. Jien innifsi, Jehovah, se ngħaġġlu f’waqtu stess.” Dak il-waqt, l-evidenza turi, hu issa stess. U wħud ġodda jistgħu jkunu fiduċjużi li f’li jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah, huma ġew f’kuntatt mal-kongregazzjoni Kristjana vera.
19. Għala ngħidu li wħud ġodda li jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah ġejjin lejn il-kongregazzjoni Kristjana vera?
19 Dan għala nistgħu ngħiduh b’ċertezza? Għaliex dawn l-uħud ġodda, flimkien mal-miljuni li diġà qegħdin fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah, iddedikaw il-ħajjiet tagħhom lil Alla u qegħdin jagħmlu r-rieda tiegħu. Dan jinkludi li huma jgħixu fi qbil mal-liġi taʼ mħabba divina. Bħala evidenza waħda taʼ dan, dawn il-Kristjani ‘ħadmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom f’imqassijiet taż-żabra u m’humiex qegħdin jitgħallmu l-gwerra iktar.’ (Isaija 2:4) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kollha mad-dinja għamlu dan għaliex jipprattikaw l-imħabba. Dan ifisser li huma ma jistgħu qatt jerfgħu l-armi tal-gwerra kontra xulxin jew kontra xi ħadd ieħor. F’dan huma uniċi—kuntrarju għar-reliġjonijiet tad-dinja. (Ġwann 13:34, 35; 1 Ġwann 3:10-12, 15) Huma ma jinvolvux ruħhom f’nazzjonaliżmu li jifred, għax jifformaw fratellanza globali miżmuma tajjeb flimkien permezz taʼ l-imħabba, “rabta perfetta taʼ għaqda.”—Kolossin 3:14; Mattew 23:8; 1 Ġwann 4:20, 21.
Il-Biċċa L-Kbira Jagħżlu Li Ma Jkunux Jafu
20, 21. Il-maġġoranza vasta tal-bnedmin għala jinsabu fi dlam spiritwali? (2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19)
20 Fil-waqt li d-dawl spiritwali fost il-qaddejja t’Alla jiddi dejjem iżjed, il-bqija tal-popolazzjoni taʼ l-art qiegħda tinżel f’dalma spiritwali li dejjem tiżdied. Huma ma jafux lil Jehovah jew l-iskopijiet tiegħu. Il-profeta t’Alla ddeskriva dan iż-żmien meta qal: “Ħares! dalma nfisha se tiksi l-art, u swidija kbira l-gruppi nazzjonali.” (Isaija 60:2) Dan hu hekk għaliex in-nies ma jurux interess sinċier f’li jitgħallmu dwar Alla, lanqas ma juru xewqa li jipprovaw jogħġbuh. Ġesù qal: “Issa dan hu l-bażi għall-ġudizzju, li d-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam minflok id-dawl, għax xogħlijiethom kienu mill-agħar. Għax dak li jipprattika affarijiet vili jobgħod id-dawl u ma jiġix għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu ma jiġux imċanfrin.”—Ġwann 3:19, 20.
21 Individwi bħal dawn m’humiex interessati ġenwinament f’li jsibu x’inhi r-rieda t’Alla. Minflok, huma jiċċentraw il-ħajjiet tagħhom f’li jagħmlu r-rieda tagħhom stess. Billi jinjoraw ir-rieda t’Alla, huma jpoġġu lilhom infushom f’pożizzjoni perikoluża, għax il-Kelma tiegħu tiddikjara: “Dak li qiegħed idawwar widintu lil hinn biex ma jismax il-liġi—saħansitra t-talba tiegħu hi xi ħaġa mistmerra.” (Proverbji 28:9) Huma se jbatu l-konsegwenzi tal-korsa li għażlu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Tkunux żvijati: Alla m’huwiex wieħed li żżebilħu. Għax kulma bniedem qiegħed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad.”—Galatin 6:7.
22. Kotriet kbar li jridu jkunu jafu lil Alla x’qegħdin jagħmlu issa?
22 Madankollu, hemm kotriet kbar li tassew iridu jkunu jafu r-rieda t’Alla, li sinċerament ifittxuh, u li jersqu lejh. “Ersqu qrib lejn Alla, u hu se jersaq qrib lejkom,” jgħid Ġakbu 4:8. Dwar uħud bħal dawn Ġesù qal: “Dak li jagħmel dak li hu veru jiġi għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu jintgħamlu jidhru bħala li ġew maħdumin f’armonija m’Alla.” (Ġwann 3:21) U x’futur meraviljuż Alla għamlu l-iskop tiegħu għal dawk li jiġu għad-dawl! L-artiklu li jmiss tagħna se jiddiskuti l-prospetti eċċitanti. (w94 3/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Ħafna nies x’jgħidu dwar l-iskop tal-ħajja?
◻ Jehovah kif jirrivela lilu nnifsu bħala Alla taʼ skop?
◻ Liema tidwil kbir seħħ fl-ewwel seklu E.K.?
◻ Il-kongregazzjoni Kristjana vera kif tistaʼ tkun identifikata llum?