LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 6/1 pp. 21-25
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Nistgħu Nkunu Nafu L-​Ħarsa T’Alla?
  • Qegħdin Fis-​Sewwa Dawk Kollha Li Jużaw Il-​Bibbja?
  • Marki Taʼ Identifikazzjoni Tal-​Vera Reliġjon
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 6/1 pp. 21-25

Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?

“Il-​forma taʼ qima li hi nadifa u bla tinġis mill-​punt taʼ kif jaraha Alla tagħna u Missierna hi din.”—ĠAKBU 1:27.

1, 2. (a) Fil-​ħsieb taʼ ħafna nies, x’jiddetermina jekk tagħhom hix ir-​reliġjon it-​tajba? (b) X’għandu jiġi kkunsidrat serjament meta niġġudikaw ir-​reliġjon?

AĦNA NGĦIXU f’era meta ħafna nies huma kuntenti li jagħtu lir-​reliġjon relattivament rokna żgħira fil-​ħajjiet tagħhom. Huma forsi jattendu xi servizzi reliġjużi, imma ftit jagħmlu dan regolarment. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jemmnux li r-​reliġjonijiet l-​oħrajn kollha huma ħżiena u li tagħhom hi tajba. Huma jistgħu sempliċement iħossu li r-​reliġjon tagħhom hi tajba għalihom.

2 Minħabba f’dan, il-​mistoqsija, Sibtha int ir-​reliġjon it-​tajba? tfisser biss, Sibt int reliġjon li togħġbok? X’inhu li jiddetermina dak li jogħġob lilek? Il-​familja tiegħek? Dawk li tassoċja magħhom? Is-​sentimenti tiegħek stess? Kemm ikkunsidrajtha serjament il-​ħarsa t’Alla dwar din il-​kwistjoni?

Kif Nistgħu Nkunu Nafu L-​Ħarsa T’Alla?

3. (a) Jekk irridu nkunu nafu l-​ħarsa t’Alla, x’irid ikun disponibbli għalina? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu rigward għala aħna personalment nemmnu li l-​Bibbja hi mingħand Alla?

3 Jekk irridu nkunu nafu dak li Alla nnifsu jaħseb, allura jrid ikun hemm xi rivelazzjoni mingħandu. Il-​Bibbja hi l-​iktar ktieb antik li jsostni li hu mnebbaħ minn Alla. (2 Timotew 3:16, 17) Jistaʼ imma jingħad b’verità li dan il-​ktieb, f’kuntrast maʼ l-​oħrajn kollha, fih il-​messaġġ t’Alla għall-​umanità kollha? Kif tweġibha int dik il-​mistoqsija, u għala? Huwa għaliex il-​ġenituri tiegħek kellhom dik il-​ħarsa? Huwa minħabba l-​attitudni taʼ dawk li tassoċja magħhom? Eżaminajtha l-​evidenza għalik innifsek? Għaliex ma tagħmilx hekk issa, billi tuża l-​erbaʼ linji taʼ evidenza li ġejjin?

4. Rigward id-​disponibbiltà, x’jindika li l-​Bibbja, minflok li xi ktieb ieħor, hi mingħand Alla?

4 Disponibbilità: Messaġġ li verament hu mingħand Alla u li hu għall-​familja umana kollha għandu jkun disponibbli għalihom. Huwa dak veru dwar il-​Bibbja? Ikkunsidra dan: Il-​Bibbja, kollha kemm hi jew parti minnha, hi issa ppubblikata f’iktar minn 2,000 lingwa. Skond l-​American Bible Society, kważi għaxar snin ilu l-​lingwi li l-​Bibbja kienet ippubblikata bihom għamluha disponibbli għal madwar 98 fil-​mija tal-​popolazzjoni tad-​dinja. Kif jindika l-​Guinness Book of World Records, il-​Bibbja hi bla paragun “l-​iktar ktieb fid-​dinja mqassam maʼ kullimkien.” Dan hu li għandna nistennew minn messaġġ mingħand Alla li hu dirett għar-​razez u l-​ġnus u l-​gruppi lingwistiċi kollha. (Qabbel Rivelazzjoni 14:6.) M’hemmx ktieb ieħor fid-​dinja li jħabbatha miegħu.

5. Il-​pedament storiku tal-​Bibbja għala hu sinjifikanti?

5 Storiċità: Eżami bir-​reqqa taʼ rakkonti Bibliċi jirrivela mod ieħor li bih il-​Bibbja hi distinta minn kotba oħrajn li jsostnu li huma qaddisin. Il-​Bibbja fiha fatti storiċi, mhux leġġendi bla prova. Irwin Linton, li bħala avukat kien imdorri janalizza dak li kien meħtieġ bħala prova fil-​qorti, kiteb: “Waqt li r-​rumanzi, il-​leġġendi u x-​xiehda falza joqogħdu attenti li jpoġġu l-​ġrajjiet li jirrakkontaw f’xi post ’il bogħod u f’xi żmien indefinit, . . . ir-​rakkonti tal-​Bibbja jagħtuna d-​data u l-​post taʼ l-​affarijiet irrakkontati bl-​iktar preċiżjoni eżatta.” (Għal eżempji, ara 1 Slaten 14:25; Isaija 36:1; Luqa 3:1, 2.) Għal nies li jfittxu r-​reliġjon mhux biex jaħarbu mir-​realtà imma għall-​verità, din hi ħaġa importanti li tikkunsidraha.

6. (a) Il-​Bibbja kif verament tgħin lil dak li jkun fil-​problemi tal-​ħajja? (b) Il-​Bibbja f’liema tliet modi tgħin lil dak li jkun biex ikampa maʼ realtajiet ħorox?

6 Prattikalità: Dawk li serjament jeżaminaw il-​Bibbja malajr jirrealizzaw li l-​kmandi u l-​prinċipji tagħha m’humiex imfasslin biex jieħdu vantaġġ inġust minnhom. Minflok, dawn jindikaw mod taʼ ħajja li jġib benefiċċju lil dawk li jżommu magħhom mill-​qrib. (Isaija 48:17, 18) Il-​faraġ li toffri lil dawk fin-​niket m’huwiex vojt, ibbażat fuq filosofiji vojta. Minflok, din tgħin lin-​nies biex ikampaw mar-​realtajiet kefrin tal-​ħajja. Kif? Bi tliet modi: (1) billi tagħti pariri sodi dwar kif jiġu ffaċċjati d-​diffikultajiet, (2) billi tispjega kif wieħed jirċievi l-​appoġġ taʼ mħabba li Alla jagħti lill-​qaddejja tiegħu issa, u (3) billi tirrivela l-​futur meraviljuż li Alla għandu maħżun għal dawk li jaqduh, u tagħtihom raġunijiet qawwijin biex wieħed ikollu fiduċja fil-​wegħdiet tiegħu.

7. (a) Billi tuża skritturi ċitati fin-​nota taʼ taħt, spjega t-​tweġiba tal-​Bibbja għal waħda mill-​kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw lin-​nies illum. (b) Uri kif il-​pariri tal-​Bibbja jissalvagwardjawna jew jgħinuna biex inkampaw maʼ sitwazzjoni taʼ stress.

7 Għalkemm il-​pariri tal-​Bibbja taʼ spiss m’humiex popolari fost dawk li jirrifjutaw l-​awtorità u jsegwu ħajja taʼ bla rażan, ħafna saru jirrealizzaw li ħajja bħal din ma ġabitilhomx kuntentizza ġenwina. (Galatin 6:7, 8) Il-​Bibbja tagħti tweġibiet diretti għal mistoqsijiet dwar l-​abort, id-​divorzju, u l-​omosesswalità. Il-​pariri tagħha huma salvagwardja kontra abbuż tad-​drogi u taʼ l-​alkoħol u kontra li wieħed jieħu l-​AIDS permezz taʼ demm infettat jew taħlit sesswali. Turina kif ikollna familji henjin. Tipprovdi tweġibiet li jgħinu lil dak li jkun ikampa maʼ l-​iktar sitwazzjonijiet taʼ stress fil-​ħajja, inkluż ċaħda minn membri intimi tal-​familja, mard katastrofiku, u l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub. Tgħinna nagħrfu x’inhuma l-​prijoritajiet tagħna sabiex il-​ħajjiet tagħna jkunu mimlijin b’tifsir minflok b’dispjaċir.a

8, 9. (a) Liema profezija timpressjonak personalment bħala prova taʼ l-​ispirazzjoni tal-​Bibbja? (b) Il-​profeziji fil-​Bibbja xi prova jagħtu rigward l-​oriġini tagħhom?

8 Profezija: Il-​Bibbja hi unika bħala ktieb tal-​profezija, ktieb li jgħid x’se jiġri fil-​futur u dan jagħmlu fid-​dettall. Hija bassret il-​qerda taʼ Tir tal-​qedem, il-​waqgħa taʼ Babilonja, il-​bini mill-​ġdid taʼ Ġerusalemm, il-​qawmien u l-​waqgħa tas-​slaten tal-​Medo-Persja u tal-​Greċja, u għadd kbir taʼ ġrajjiet fil-​ħajja taʼ Ġesù Kristu. Hija bassret ukoll fid-​dettall kundizzjonijiet dinjin li żviluppaw f’dan is-​seklu, u tispjega s-​sinjifikat tagħhom. Turi kif il-​problemi li jegħlbu lill-​ħakkiema umani se jiġu solvuti, u tidentifika l-​Ħakkiem li se jġib paċi dejjiema u sigurtà vera lill-​umanità.b—Isaija 9:6, 7; 11:1-5, 9; 53:4-6.

9 B’mod sinjifikanti, il-​Bibbja tippreżenta l-​abbiltà li tbassar il-​futur bi preċiżjoni bħala prova taʼ Divinità. (Isaija 41:1–46:13) Dak il-​Wieħed li jistaʼ jagħmel dan jew li jistaʼ jnebbaħ lil oħrajn biex jagħmlu dan m’huwiex sempliċi idolu bla ħajja. M’huwiex sempliċement xi bniedem devot. Hu dak Alla veru, u l-​ktieb li fih profezija bħal din hu l-​Kelma tiegħu.—1 Tessalonkin 2:13.

Qegħdin Fis-​Sewwa Dawk Kollha Li Jużaw Il-​Bibbja?

10, 11. Bħalma wera Ġesù, għalkemm xi membru tal-​kleru forsi juża l-​Bibbja, x’jagħmel lir-​reliġjon li hu jippromwovi bla siwi?

10 Huwa raġonevoli​—iktar importanti, huwa Skritturali—​li tikkonkludi, allura, li l-​gruppi reliġjużi kollha li jistqarru li jużaw il-​Bibbja qegħdin jgħallmu l-​vera reliġjon? Qiegħed kulmin iġorr jew jikkwota l-​Bibbja jipprattika r-​reliġjon it-​tajba?

11 Ħafna mill-​kleru, għalkemm għandhom il-​Bibbja, jużaw ir-​reliġjon bħala mezz biex jigglorifikaw lilhom infushom. Huma jħalltu veritajiet puri maʼ tradizzjonijiet u filosofiji umani. Hija l-​qima tagħhom aċċettabbli għal Alla? Lil mexxejja reliġjużi f’Ġerusalemm taʼ l-​ewwel seklu li kienu jagħmlu preċiżament hekk, Ġesù Kristu b’mod xieraq applika d-​dikjarazzjoni t’Alla permezz tal-​profeta Isaija, billi qal: “Dan il-​poplu jonorani b’xofftejhom, iżda qalbhom hi mbiegħda minni. Hu għalxejn li jibqgħu jqimuni, għaliex jgħallmu kmandi tal-​bnedmin bħala duttrini.” (Mattew 15:8, 9; 23:5-10) B’mod ċar, reliġjon taʼ dik ix-​xorta m’hijiex il-​vera reliġjon.

12, 13. (a) Il-​kondotta tal-​membri taʼ knisja kif tistaʼ tgħin lil dak li jkun jiddetermina jekk tagħhom hix ir-​reliġjon it-​tajba? (b) Alla kif iqis il-​qima tagħna jekk nagħżlu li nassoċjaw maʼ dawk li lilhom hu jirrifjuta? (2 Kronaki 19:2)

12 Xi ngħidu jekk il-​frott prodott mit-​tagħlim taʼ ċerti reliġjonijiet, kif jidher fil-​ħajjiet tal-​membri tagħhom li huma f’qagħda tajba, hu mħassar? Fil-​Priedka tiegħu fuq il-​Muntanja, Ġesù wissa: “Oqogħdu għassa għall-​profeti foloz . . . Mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom. . . . Kull siġra tajba tipproduċi frott mill-​aħjar, imma kull siġra mħassra tipproduċi frott bla siwi.” (Mattew 7:15-17) Veru li xi individwi jistgħu jagħmlu l-​ħażin u jkunu jeħtieġu korrezzjoni. Imma s-​sitwazzjoni hi differenti meta membri tal-​knisja, saħansitra l-​kleru, jagħtuha għall-​fornikazzjoni u adulterju, ġlied, sokor, regħba, gideb, spiritiżmu, qima taʼ l-​idoli​—xi waħda minn dawn l-​affarijiet jew kollha kemm huma—​u madankollu ebda dixxiplina ma tiġi amministrata, u dawk li jkomplu f’din il-​korsa ma jiġux esklużi mill-​kongregazzjoni. Il-​Bibbja tistqarr b’mod ċar li dawk li jipprattikaw dawn l-​affarijiet għandhom jitkeċċew mill-​kongregazzjoni; ma se jkollhom ebda post fis-​Saltna t’Alla. (Galatin 5:19-21) Il-​qima tagħhom ma togħġobx lil Alla, lanqas il-​qima tagħna ma se togħġob lil Alla jekk nagħżlu li nassoċjaw maʼ dawk li lilhom jirrifjuta.—1 Korintin 5:11-13; 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:8.

13 Huwa ċar li mhux il-​gruppi kollha li jsostnu li jużaw il-​Bibbja jipprattikaw il-​vera reliġjon li hi tiddeskrivi. Il-​Bibbja, allura, x’tistabbilixxi bħala marki taʼ identifikazzjoni tal-​vera reliġjon?

Marki Taʼ Identifikazzjoni Tal-​Vera Reliġjon

14. (a) It-​tagħlim kollu tal-​vera reliġjon fuq hiex huwa bbażat? (b) It-​tagħlim tal-​Kristjaneżmu rigward Alla u r-​ruħ kif joħroġ minn din il-​prova?

14 It-​tagħlim tagħha hu bbażat b’mod sod fuq l-​Iskrittura mnebbħa. “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet.” (2 Timotew 3:16) Imma fejn titkellem il-​Bibbja Mqaddsa dwar it-​Trinità tal-​Kristjaneżmu? U fejn tgħallem il-​Bibbja, kif jagħmlu l-​kleru, li l-​bnedmin għandhom ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem fiżiku? Qatt staqsejt lil xi membru tal-​kleru biex jurik dak it-​tagħlim mill-​Bibbja tiegħek? The New Encyclopædia Britannica tistqarr: “La l-​kelma Trinità lanqas id-​duttrina espliċita ma tidher fit-​Testment il-​Ġdid.” (1992, Micropædia, Volum 11, paġna 928) U n-​New Catholic Encyclopedia tammetti: “Fost il-​Missirijiet Appostoliċi, ma kien hemm xejn saħansitra li b’mod remot javviċina din il-​mentalità jew perspettiva.” (1967, Volum XIV, paġna 299) Rigward il-​kunċett tal-​Kristjaneżmu dwar ruħ li tissepara mill-​ġisem mal-​mewt, studjużi tal-​knisja jammettu li huma ssellfu l-​idea mill-​filosofija Griega. Madankollu, il-​vera reliġjon ma twarrabx fil-​ġenb il-​verità tal-​Bibbja għall-​filosofija umana.—Ġenesi 2:7; Dewteronomju 6:4; Eżekjel 18:4; Ġwann 14:28.

15. (a) Il-​Bibbja kif tidentifika lil Dak il-​Wieħed li hu waħdu għandu jiġi meqjum? (b) L-​adoraturi veri kif iħossuhom dwar li jersqu qrib Jehovah?

15 Il-​vera reliġjon tippromwovi qima taʼ biss Dak Alla wieħed veru, Jehovah. (Dewteronomju 4:35; Ġwann 17:3) Billi kkwota fi kliemu Dewteronomju 5:9 u 6:13, Ġesù Kristu stqarr b’mod sod: “Hu lil Jehovah Alla tiegħek li trid tqim, u hu lilu waħdu li trid tagħti servizz sagru.” (Mattew 4:10) Konsistenti maʼ dak, Ġesù għamel isem Missieru magħruf lid-​dixxipli tiegħu. (Ġwann 17:26) Għallmitek ir-​reliġjon tiegħek biex tqim lil Jehovah? Sirt taf lill-​Persuna identifikata b’dak l-​isem​—l-​iskopijiet tiegħu, l-​attivitajiet tiegħu, il-​kwalitajiet tiegħu—​sabiex tħossok li tistaʼ b’mod fiduċjuż tersaq qrib tiegħu? Jekk tiegħek hi l-​vera reliġjon, it-​tweġiba hi iva.—Luqa 10:22; 1 Ġwann 5:14.

16. Fidi fi Kristu xi tfisser għal dawk li jipprattikaw il-​vera reliġjon?

16 Parti importanti mill-​qima li togħġob lil Alla hi fidi f’Ibnu, Ġesù Kristu. (Ġwann 3:36; Atti 4:12) Dan ma jfissirx biss li temmen li kien jgħix jew li kien persuna taʼ l-​għaġeb. Jinkludi apprezzament lejn dak li tgħallem il-​Bibbja rigward il-​valur tas-​sagrifiċċju tal-​ħajja umana u perfetta taʼ Ġesù u rikonoxximent tal-​pożizzjoni tiegħu llum bħala Sultan tas-​sema. (Salm 2:6-8; Ġwann 3:16; Rivelazzjoni 12:10) Jekk int assoċjat maʼ dawk li jipprattikaw il-​vera reliġjon, taf li fil-​ħajja taʼ kuljum huma jagħmlu sforz kuxjenzjuż biex jobdu lil Ġesù, ħalli jimitaw l-​eżempju tiegħu, u sabiex jieħdu sehem personalment u b’mod żeluż fix-​xogħol li hu ta lid-​dixxipli tiegħu. (Mattew 28:19, 20; Ġwann 15:14; 1 Pietru 2:21) Jekk dak m’huwiex minnu dwar dawk li tqim magħhom, għandek bżonn tfittex x’imkien ieħor.

17. L-​adoraturi veri għala joqogħdu attenti li jżommu bla tebgħa mid-​dinja, u dak x’jinkludi?

17 Il-​vera qima mhix imċappsa b’involviment fil-​politika u f’konflitti dinjin. (Ġakbu 1:27) Għala le? Għaliex Ġesù qal rigward is-​segwaċi tiegħu: “Ma huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:16) Ġesù ma ndaħalx fil-​politika, u ma ħalliex lis-​segwaċi tiegħu jirrikorru għal armi karnali. (Mattew 26:52) Dawk li jdaħħlu f’qalbhom dak li tgħid il-​Kelma t’Alla ‘ma jitgħallmux il-​gwerra iktar.’ (Isaija 2:2-4) Jekk xi reliġjon li tagħha int saħansitra membru taʼ l-​isem ma taqbilx maʼ dik id-​deskrizzjoni, wasal iż-​żmien li taqtaʼ kull irbit magħha.—Ġakbu 4:4; Rivelazzjoni 18:4, 5.

18. (a) Ġwann 13:35 x’jidentifika bħala karatteristika li tispikka tal-​vera reliġjon? (b) Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd jiddetermina liema grupp verament jimxi fi qbil maʼ Ġwann 13:35?

18 Il-​vera reliġjon tgħallem u tipprattika mħabba mhix egoista. (Ġwann 13:35; 1 Ġwann 3:10-12) Imħabba bħal din ma jiġix mitkellem dwarha biss fil-​priedki. Din attwalment tiġbed flimkien fi fratellanza ġenwina nies taʼ kull razza, kull grupp ekonomiku, kull lingwa, kull ġens. (Rivelazzjoni 7:9, 10) Tissepara lill-​Kristjani veri mid-​dinja taʼ madwarhom. Jekk għadek m’għamiltx dan, attendi l-​laqgħat f’xi Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll il-​konvenzjonijiet akbar tagħhom. Innotahom hekk kif jaħdmu flimkien biex jibnu waħda mis-​Swali tas-​Saltna tagħhom. Osserva kif jittrattaw kemm lill-​anzjani (inklużi r-​romol) kif ukoll liż-​żgħażagħ (inklużi dawk li għandhom biss ġenitur wieħed jew xejn). (Ġakbu 1:27) Qabbel dak li tosserva maʼ dak li rajt f’xi reliġjon oħra. Imbagħad staqsi lilek innifsek, ‘Min jipprattika l-​vera reliġjon?’

19. (a) Il-​vera reliġjon liema soluzzjoni tippromwovi għall-​problemi taʼ l-​umanità? (b) Il-​membri tal-​grupp li jħaddnu l-​vera reliġjon x’għandhom ikunu qegħdin jagħmlu?

19 Il-​vera reliġjon tippromwovi s-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni dejjiema għall-​problemi taʼ l-​umanità. (Danjel 2:44; 7:13, 14; 2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:4, 5) Hemm xi waħda mill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu li tagħmel dak? Meta kienet l-​aħħar darba li smajt lil xi membru tal-​kleru jispjega s-​Saltna t’Alla u x’turi l-​Iskrittura li din se twettaq? Tinkuraġġik l-​organizzazzjoni li lilha tappartjeni biex titkellem maʼ oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla, u jekk iva, jagħmlu dan il-​membri kollha? Ġesù għamel xogħol taʼ xiehda bħal dan; id-​dixxipli tiegħu tal-​bidu għamluh. Int ukoll jistaʼ jkollok il-​privileġġ li tieħu sehem f’din l-​attività. Huwa l-​iktar xogħol importanti li qed isir fuq wiċċ l-​art illum.—Mattew 24:14.

20. Flimkien maʼ li nidentifikaw ir-​reliġjon it-​tajba, x’irridu nagħmlu?

20 Għalkemm hemm eluf taʼ reliġjonijiet, il-​Bibbja malajr tgħinna biex neliminaw il-​konfużjoni sabiex nidentifikaw il-​waħda vera. Imma rridu nagħmlu iżjed milli nidentifikawha. Huwa vitali li nipprattikawha. Dan x’jinvolvi se jiġi kkunsidrat iżjed fit-​tul fl-​artiklu li jmiss. (w94 6/1)

[Noti taʼ taħt]

a Abort: Atti 17:28; Salm 139:1, 16; Eżodu 21:22, 23. Divorzju: Mattew 19:8, 9; Rumani 7:2, 3. Omosesswalità: Rumani 1:24-27; 1 Korintin 6:9-11. Abbuż tad-​drogi u taʼ l-​alkoħol: 2 Korintin 7:1; Luqa 10:25-27; Proverbji 23:20, 21; Galatin 5:19-21. Demm u Taħlit Sesswali: Atti 15:28, 29; Proverbji 5:15-23; Ġeremija 5:7-9. Familja: Efesin 5:22–6:4; Kolossin 3:18-21. Ċaħda: Salm 27:10; Malakija 2:13-16; Rumani 8:35-39. Mard: Rivelazzjoni 21:4, 5; 22:1, 2; Titus 1:2; Salm 23:1-4. Mewt: Isaija 25:8; Atti 24:15. Prijoritajiet: Mattew 6:19-34; Luqa 12:16-21; 1 Timotew 6:6-12.

b Għal xi kampjuni taʼ profeziji bħal dawn u t-​twettieq tagħhom, ara l-​kotba The Bible​—God’s Word or Man’s?, paġni 117-61; u Reasoning From the Scriptures, paġni 60-2, 225-32, 234-40. Iż-​żewġ kotba huma ppubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Kif Twieġeb Int?

◻ F’li nidentifikaw ir-​reliġjon it-​tajba, il-​ħarsa taʼ min hi l-​iktar importanti?

◻ Liema erbaʼ linji taʼ evidenza jippontaw lejn il-​Bibbja bħala l-​Kelma t’Alla?

◻ Għala mhux ir-​reliġjonijiet kollha li jużaw il-​Bibbja huma aċċettabbli għal Alla?

◻ Liema huma s-​sitt marki taʼ identifikazzjoni tar-​reliġjon waħda tajba?

[Kaxxa f’paġna 23]

IX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH

◆ Jibbażaw it-​tagħlim kollu tagħhom fuq il-​Bibbja.

◆ Iqimu lil Dak Alla wieħed veru, Jehovah.

◆ Jgħixu fi qbil mal-​fidi tagħhom f’Ġesù Kristu.

◆ M’humiex involuti fil-​politika u f’konflitti dinjin.

◆ Ifittxu li juru mħabba bla egoiżmu fil-​ħajja taʼ kuljum.

◆ Jippromwovu s-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni dejjiema għall-​problemi taʼ l-​umanità.

[Stampa f’paġna 22]

IL-​BIBBJA​—x’jindika li fiha l-​messaġġ t’Alla għall-​umanità kollha?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja