LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 8/1 pp. 7-12
  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Permanenza Taż-​Żwieġ
  • L-​Istat Taʼ Kap u S-​Sottomissjoni
  • Komunikazzjoni​—Id-​Demm Tal-​Ħajja Taʼ Żwieġ
  • Tittratta Nuqqas Taʼ Qbil
  • Ibqgħu Leali Lejn Xulxin
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Tifridx Dak li Alla Għaqqad Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ibni żwieġ b’saħħtu u ferħan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 8/1 pp. 7-12

Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema

“Dak li Alla rabat f’madmad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—MATTEW 19:6.

1. X’inhu l-​bażi għal suċċess matrimonjali fost il-​Kristjani veri llum?

ĦAFNA eluf fost il-​poplu taʼ Jehovah illum igawdu żwiġijiet sodisfaċenti u dejjiema. Suċċess mifrux bħal dan, madankollu, ma jiġix b’kumbinazzjoni. Żwiġijiet Kristjani jiffjorixxu meta l-​imseħbin it-​tnejn (1) jirrispettaw il-​ħarsa t’Alla lejn ir-​rabta taż-​żwieġ u (2) jistinkaw biex jgħixu skond il-​prinċipji tal-​Kelma tiegħu. Wara kollox, kien Alla nnifsu li waqqaf l-​arranġament taż-​żwieġ. Hu dak il-​Wieħed “li lilu kull familja fuq l-​art taf isimha.” (Efesin 3:14, 15) Ladarba Jehovah jaf x’inhu meħtieġ biex iż-​żwieġ ikun suċċess, aħna nibbenefikaw lilna nfusna billi nsegwu l-​gwida tiegħu.​—Isaija 48:17.

2. X’inhuma l-​konsegwenzi taʼ li wieħed jonqos li japplika prinċipji tal-​Bibbja fiż-​żwieġ?

2 Għall-​kuntrarju, nuqqas f’li jiġu applikati prinċipji bibliċi jistaʼ jirriżulta f’miżerja matrimonjali. Xi esperti jemmnu li saħansitra tnejn minn kull tlieta taʼ dawk li qegħdin jiżżewġu llum fl-​Istati Uniti eventwalment se jiksbu divorzju. Saħansitra l-​Kristjani m’humiex meħlusin mill-​istress u l-​pressjonijiet taʼ dawn iż-​“żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotew 3:1) Tensjonijiet ekonomiċi u l-​pressjonijiet tal-​post tax-​xogħol jistgħu jkollhom effett taʼ ħsara fuq kwalunkwe żwieġ. Xi Kristjani ġew ukoll iddiżappuntati bl-​ikrah minħabba nuqqas mill-​imseħbin tagħhom li japplikaw prinċipji tal-​Bibbja. “Jien inħobbu lil Jehovah,” tgħid waħda mara Kristjana, “imma ż-​żwieġ tiegħi ilu mimli problemi għal 20 sena. Żewġi hu egoist u ma jrid jagħmel ebda bidliet. Inħossni maqbuda ġo nassa.” Għadd mhux ħażin taʼ rġiel u nisa miżżewġin Kristjani esprimew sentimenti simili. X’inhu li jmur ħażin? U x’jistaʼ jżomm lil żwieġ milli jaqaʼ f’indifferenza bierda jew f’ostilità diretta?

Il-​Permanenza Taż-​Żwieġ

3, 4. (a) X’inhu l-​livell t’Alla għaż-​żwieġ? (b) Il-​permanenza taʼ żwieġ għala hija ġusta u taʼ benefiċċju?

3 Saħansitra taħt l-​aqwa ċirkostanzi, iż-​żwieġ huwa unjoni taʼ individwi imperfetti. (Dewteronomju 32:5) L-​appostlu Pawlu b’hekk qal li “dawk li [jiżżewġu] se jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Xi ċirkostanzi estremi jistgħu saħansitra jirriżultaw f’separazzjoni jew divorzju. (Mattew 19:9; 1 Korintin 7:12-15) Fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, madankollu, il-​Kristjani japplikaw il-​parir taʼ Pawlu: “Mara miżżewġa m’għandhiex titilqu lil żewġha . . . , u raġel miżżewweġ m’għandux iħalli lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) Tabilħaqq, iż-​żwieġ kien maħsub biex ikun rabta permanenti, għax Ġesù Kristu ddikjara: “Dak li Alla rabat f’madmad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.

4 Għal xi ħadd li jħossu maqbud f’nassa fi żwieġ ostili u bla mħabba, il-​livell taʼ Jehovah jistaʼ jidher aħrax u bla raġuni. Imma mhux hekk. Il-​permanenza tar-​rabta matrimonjali tqanqal lil koppja li għandhom il-​biżaʼ t’Alla biex jikkonfrontaw u jfittxu li jsolvu l-​problemi tagħhom, minflok ma jabbandunaw bl-​għaġla l-​obbligi tagħhom maʼ l-​ewwel sinjal taʼ inkwiet. Wieħed raġel li kien ilu miżżewweġ għal iktar minn 20 sena esprima ruħu b’dan il-​mod: “Ma tistax tevita żminijiet taʼ inkwiet. M’intomx se tkunu henjin b’xulxin il-​ħin kollu. Dak hu meta r-​rabta hi tassew importanti.” M’għandniex xi ngħidu, koppji miżżewġin Kristjani jħossu obbligu primarju lejn Alla Jehovah, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ.—Qabbel Ekkleżjasti 5:4.

L-​Istat Taʼ Kap u S-​Sottomissjoni

5. X’inhuma xi ftit mill-​pariri taʼ Pawlu għal irġiel u nisa miżżewġin?

5 Meta jqumu l-​problemi, għalhekk, ikun żmien biex tfittex, mhux kif taħrab, imma mod aħjar biex tapplika l-​pariri tal-​Kelma t’Alla. Per eżempju, ikkunsidra dawn il-​kelmiet taʼ Pawlu, misjubin f’​Efesin 5:22-25, 28, 29: “Ħalli n-​nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħal lill-​Mulej, għaliex raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, billi hu salvatur taʼ dan il-​ġisem. Fil-​fatt, bħalma l-​kongregazzjoni hija sottomessa lejn il-​Kristu, hekk ħalli jkunu n-​nisa wkoll lejn żwieġhom f’kollox. Irġiel miżżewġin, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, sewwa sew bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha. B’dan il-​mod l-​irġiel miżżewġin għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom bħal ġisimhom stess. Dak li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda raġel qatt ma bagħad lil laħmu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-​Kristu wkoll jagħmel lill-​kongregazzjoni.”

6. Irġiel miżżewġin Kristjani kif għandhom ikunu differenti minn irġiel tad-​dinja?

6 L-​irġiel taʼ spiss abbużaw l-​awtorità tagħhom bħala rġiel miżżewġin u ddominaw lin-​nisa tagħhom. (Ġenesi 3:16) Madankollu, Pawlu ħeġġeġ lill-​irġiel miżżewġin Kristjani biex ikunu differenti minn irġiel tad-​dinja, biex ikunu bħal Kristu, mhux tiranni li jikkontrollaw kull dettall taʼ l-​eżistenza tan-​nisa tagħhom. Ċertament, ir-​raġel Ġesù Kristu qatt ma kien aħrax jew dominanti. Hu kien jistma lis-​segwaċi tiegħu bl-​unur u r-​rispett, billi qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb.”—Mattew 11:28, 29.

7. Raġel kif jistaʼ jġib unur lil martu meta din ikollha taħdem xogħol sekulari?

7 Raġel Kristjan iġib unur lil martu bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef. (1 Pietru 3:7) Per eżempju, nassumu li hi trid taħdem f’impjieg sekulari. Hu dan irid jikkunsidrah, billi jkun taʼ għajnuna u taʼ mogħdrija kemm jistaʼ jkun. Raġuni ewlenija li n-​nisa taw għal divorzju hi li l-​irġiel tagħhom kienu jittraskuraw lit-​tfal jew lid-​dar. Għalhekk, raġel miżżewweġ Kristjan ifittex li jkun taʼ għajnuna fid-​dar b’modi taʼ siwi li jibbenefikaw lill-​familja kollha.

8. Is-​sottomissjoni x’tinvolvi għal nisa miżżewġin Kristjani?

8 Li jkunu stmati b’unur jagħmilha eħfef għal nisa miżżewġin Kristjani li jkunu sottomessi għal żwieġhom. Dan ma jfissirx jasar umiljanti, madankollu. Alla stabbilixxa li mara miżżewġa kellha tkun, mhux irsira, imma “kompliment” (“pariġġ,” nota taʼ taħt), billi jissinjifika xi ħaġa xierqa għar-​raġel. (Ġenesi 2:18) F’​Malakija 2:14, mara miżżewġa tissejjaħ “sieħba” tar-​raġel. Bħala talin, nisa miżżewġin fi żminijiet bibliċi kienu jgawdu libertà u wisgħa konsiderevoli. Rigward il-​“mara miżżewġa kapaċi,” il-​Bibbja tgħid: “Fiha qalb sidha fdat.” Tabilħaqq, hi kienet fdata b’affarijiet bħalma huma l-​immaniġġjar ġenerali tad-​dar, l-​indokrar fuq ix-​xiri taʼ l-​ikel, l-​innegozjar fuq xiri taʼ proprjetà, u l-​immaniġġjar taʼ negozju żgħir.—Proverbji 31:10-31.

9. (a) Nisa li kellhom il-​biżaʼ t’Alla fi żminijiet bibliċi kif urew sottomissjoni vera? (b) X’jistaʼ jgħin lil mara miżżewġa Kristjana tibqaʼ sottomessa llum?

9 Minkejja dan, il-​mara li kellha l-​biżaʼ t’Alla rrikonoxxiet l-​awtorità taʼ żewġha. Per eżempju, Sara “kienet tobdi lil Abraham, billi ssejjaħlu ‘mulej,’” mhux bħala formalità edukata, imma bħala riflessjoni sinċiera tas-​sottomissjoni tagħha. (1 Pietru 3:6; Ġenesi 18:12) Hi wkoll minn jeddha ħalliet warajha d-​dar komda tagħha fil-​belt taʼ Ur sabiex tgħix fit-​tined maʼ żewġha. (Ebrej 11:8, 9) Imma s-​sottomissjoni ma kinetx tfisser li mara miżżewġa ma setgħetx tieħu azzjoni responsabbli meta neċessarja. Meta Mosè naqas li jaġixxi fuq il-​liġi t’Alla dwar iċ-​ċirkonċiżjoni, martu, Żippora, evitat diżastru billi aġixxiet b’mod deċiżiv. (Eżodu 4:24-26) Iżjed huwa involut milli li togħġob raġel imperfett. In-​nisa jridu jkunu “sottomessi lejn żwieġhom bħal lill-​Mulej.” (Efesin 5:22) Meta mara Kristjana taħseb f’termini tar-​relazzjoni tagħha m’Alla, dan jgħinha tinjora difetti u nuqqasijiet żgħar f’żewġha, saħansitra bħalma jeħtieġ li jagħmel hu meta jittratta magħha.

Komunikazzjoni​—Id-​Demm Tal-​Ħajja Taʼ Żwieġ

10. Kemm hi importanti l-​komunikazzjoni għal żwieġ?

10 Meta ġie mistoqsi x’kienet l-​akbar raġuni ewlenija għala l-​koppji jinfirdu, avukat tad-​divorzju wieġeb: “In-​nuqqas t’abbiltà li jitkellmu b’mod onest maʼ xulxin, jikxfu l-​ħsibijiet ġewwinin tagħhom u jistmaw lil xulxin bħala l-​aqwa ħabib jew ħabiba tagħhom.” Iva, il-​komunikazzjoni hi d-​demm tal-​ħajja taʼ żwieġ b’saħħtu. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “hemm taħwid tal-​pjanijiet fejn ma hemmx kliem kunfidenzjali.” (Proverbji 15:22) Irġiel u nisa miżżewġin jeħtieġu li jkunu ‘ħbieb kunfidenzjali,’ billi jgawdu relazzjoni mill-​qalb u intima. (Proverbji 2:17) Madankollu, ħafna koppji jsibuha diffiċli li jikkomunikaw, u b’hekk jinbtu sentimenti negattivi sakemm isseħħ tfaqqigħa taʼ rabja distruttiva. Jew imseħbin fiż-​żwieġ forsi jistaħbew wara qoxra rqiqa taʼ kordjalità, waqt li b’mod emozzjonali jitbiegħdu minn xulxin.

11. Il-​komunikazzjoni bejn raġel u mara miżżewġin kif tistaʼ tiġi mtejba?

11 Parti mill-​problema tidher li hi li rġiel u nisa taʼ spiss għandhom stili taʼ komunikazzjoni differenti. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nisa jidhru li jħossuhom komdi jiddiskutu dwar sentimenti, fil-​waqt li l-​irġiel ġeneralment jidhru li jippreferu jiddiskutu l-​fatti. In-​nisa huma iżjed inklinati li juru empatija u jagħtu appoġġ emozzjonali, fil-​waqt li l-​irġiel x’aktarx li jfittxu u joffru soluzzjonijiet. Xorta waħda, il-​potenzjal għal komunikazzjoni tajba jeżisti fejn l-​imseħbin it-​tnejn huma determinati li jkunu ‘għaġġiela biex jisimgħu, bil-​mod biex jitkellmu, bil-​mod biex jagħdbu.’ (Ġakbu 1:19) Ħarsu f’għajnejn xulxin u tassew agħtu attenzjoni. Oħorġu dak li hemm f’qalb xulxin b’mistoqsijiet taʼ konsiderazzjoni. (Qabbel 1 Samwel 1:8; Proverbji 20:5.) Minflok ma tipprova toffri soluzzjoni taʼ malajr meta s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek jirrivela xi problema, agħti widen bir-​reqqa hekk kif taħdmu biex issolvu l-​affarijiet. U bl-​umiltà itolbu flimkien, billi tfittxu gwida divina.—Salm 65:2; Rumani 12:12.

12. Imseħbin Kristjani kif jistgħu jixtru l-​ħin għal xulxin?

12 Xi drabi l-​istress u l-​pressjonijiet tal-​ħajja donnhom iħallu ftit wisq ħin u enerġija lill-​imseħbin fiż-​żwieġ biex jitkellmu b’mod siewi. Madankollu, jekk il-​Kristjani jridu jżommu ż-​żwieġ tagħhom onorabbli u jissalvagwardjawh mit-​tniġġis, iridu jibqgħu qrib taʼ xulxin. Iridu jistmaw l-​unjoni tagħhom bħala xi ħaġa prezzjuża, taʼ valur, u jridu jixtru l-​ħin għaliha u għal xulxin. (Qabbel Kolossin 4:5.) F’xi każi s-​soluzzjoni għal li jsibu l-​ħin għal kliem li jibni tistaʼ tkun sempliċement billi jitfu t-​TV. Li jpoġġu bil-​qiegħda regolarment flimkien għal kikkra tè jew kafè jistaʼ jgħin lill-​imseħbin fiż-​żwieġ biex jibqgħu jikkomunikaw emozzjonalment. F’okkażjonijiet bħal dawn jistgħu ‘jikkonsultaw flimkien’ fuq diversi kwistjonijiet tal-​familja. (Proverbji 13:10) U kemm hu għaqli li tiżżviluppaw id-​drawwa li titkellmu dwar affarijiet żgħar irritanti u nuqqas taʼ qbil qabel ma dawn isiru raġunijiet serji taʼ tensjoni!—Qabbel Mattew 5:23, 24; Efesin 4:26.

13. (a) Ġesù liema eżempju ħalla f’li jkun apert u onest? (b) Liema huma xi modi li bihom imseħbin fiż-​żwieġ jistgħu jersqu qrib xulxin?

13 Stqarr wieħed raġel: “Huwa diffiċli għalija, ħafna drabi, biex tassew nesprimi l-​veduti tiegħi u tassew ngħid [lil marti] eżattament dak li nħoss.” Li tikxef dak li għandek f’qalbek, iżda, hu muftieħ importanti biex tiżżviluppa l-​intimità. Innota kemm kien apert u onest Ġesù mal-​membri prospettivi tal-​klassi taʼ l-​għarusa tiegħu. Qal: “Jien ma nsejħilkomx iktar irsiera, għaliex irsir ma jafx sidu x’jagħmel. Imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex l-​affarijiet kollha li jien smajt mingħand Missieri għarrafthom lilkom.” (Ġwann 15:15) Mela istma lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek bħala ħabib jew ħabiba. Afdah jew afdaha bis-​sentimenti tiegħek. Agħmel sforz biex tgħid “espressjonijiet taʼ tenerezza” sempliċi u onesti. (Għanja taʼ Salamun 1:2) Komunikazzjoni bil-​miftuħ tistaʼ xi drabi tidher iebsa, imma meta l-​imseħbin it-​tnejn jagħmlu sforz adekwat, ħafna se jinkiseb lejn li jagħmlu ż-​żwieġ tagħhom unjoni dejjiema.

Tittratta Nuqqas Taʼ Qbil

14, 15. It-tilwim kif jistaʼ jiġi evitat?

14 Nuqqas taʼ qbil ġenwin żgur li se jkun hemm minn żmien għal żmien. Imma d-​dar tiegħek m’għandiex għalfejn tiddeġenera f’‘dar mimlija tilwim.’ (Proverbji 17:1) Oqgħod attent li ma tiddiskutix affarijiet delikati meta t-​tfal jistgħu jisimgħu, u uri konsiderazzjoni għas-​sentimenti tas-​sieħeb jew sieħba tiegħek. Meta Rakele esprimiet niket dwar l-​istat ħawli tagħha u staqsiet lil Ġakobb biex jagħtiha t-​tfal, hu bir-​rabja wieġeb: “Qiegħed jien fil-​post t’Alla, li żamm lura frott iż-​żaqq minnek?” (Ġenesi 30:1, 2) Jekk iqumu diffikultajiet domestiċi, attakka l-​problema, mhux lill-​persuna. Matul diskussjoni privata, evita ‘li titkellem bla ma taħsibha’ jew li tinterrompu lil xulxin bla bżonn.—Proverbji 12:18.

15 Veru, jistaʼ jkollok sentimenti qawwijin dwar l-​opinjoni tiegħek, imma dawn jistgħu jiġu espressi mingħajr “imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżieq u kliem t’abbuż.” (Efesin 4:31) “Iddiskutu l-​problemi tagħkom b’leħen normali,” qal wieħed raġel miżżewweġ. “Jekk jitgħolla xi leħen, ieqfu. Irritornaw wara perijodu qasir taʼ żmien. Ibdew mill-​ġdid.” Proverbji 17:14 jagħti dan il-​parir tajjeb: “Qabel ma t-​tilwima tkun faqqgħet, itlaq.” Ipprovaw iddiskutu l-​affarijiet mill-​ġdid meta t-​tnejn li intom tkunu kkalmajtu.

Ibqgħu Leali Lejn Xulxin

16. L-​adulterju għala hu ħaġa daqstant serja?

16 Ebrej 13:4 jistqarr: “Ħallu ż-​żwieġ ikun onorabbli fost kulħadd, u s-​sodda taż-​żwieġ tkun mingħajr tniġġis, għax Alla se jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” L-​adulterju hu dnub kontra Alla. Jagħmel ukoll ħerba sħiħa miż-​żwieġ. (Ġenesi 39:9) Tikteb waħda li tagħti l-​pariri fuq iż-​żwieġ: “Wara li jinkixef, l-​adulterju jolqot familja sħiħa bħal urugan qawwi, billi jeqred familji, ifarrak il-​fiduċja u l-​istima taʼ l-​individwu, u jagħmel ħsara liż-​żgħar.” Tqala jew xi marda trażmessa sesswalment jistgħu jirriżultaw ukoll.

17. Xeħtiet adulterużi kif jistgħu jiġu evitati jew imwarrbin?

17 Xi nies iżommu fihom xeħtiet adulterużi billi jassorbu l-​ħarsa korrotta tad-​dinja dwar is-​sess kif ippreżentata f’kotba, fuq it-​televiżjoni, u fil-​films. (Galatin 6:8) Riċerkaturi jgħidu, iżda, li l-​adulterju normalment jirriżulta mhux sempliċement minn xewqa għas-​sess imma minn ħtieġa immaġinarja biex wieħed juri li għadu attraenti jew minn xewqa biex iħossu iżjed maħbub. (Qabbel Proverbji 7:18.) Hi x’inhi r-​raġuni, Kristjan għandu jirrifjuta fantasiji immorali. Iddiskuti s-​sentimenti tiegħek b’mod onest mas-​sieħeb jew sieħba tiegħek. Jekk ikun neċessarju, fittex għajnuna mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Li tagħmel hekk jistaʼ tabilħaqq jevita waqgħa fid-​dnub. Barra minn hekk, il-​Kristjani għandhom bżonn joqogħdu attenti meta jittrattaw maʼ membri tas-​sess oppost. Ikun kuntrarju għal prinċipji Skritturali li tkun miżżewweġ maʼ persuna imma li tħares b’passjoni lejn oħra. (Ġob 31:1; Mattew 5:28) Il-​Kristjani jridu joqogħdu attenti b’mod speċjali li ma jiżżviluppawx rabtiet emozzjonali maʼ xi ħadd fuq ix-​xogħol. Żomm relazzjonijiet bħal dawn kordjali imma mhux familjari żżejjed.

18. Taʼ spiss x’ikunu l-​għeruq taʼ problemi sesswali fi żwieġ, u dawn kif jistgħu jiġu solvuti?

18 Salvagwardja saħansitra akbar hi relazzjoni mill-​qalb u bil-​miftuħ mas-​sieħeb jew is-​sieħba taʼ dak li jkun. Ħafna riċerkaturi jgħidu li problemi sesswali fi żwieġ rari li jkunu taʼ natura fiżika imma normalment ikunu riżultat taʼ komunikazzjoni fqira. Problemi f’din id-​direzzjoni huma rari meta koppja tikkomunika bil-​miftuħ u tagħti s-​sehem matrimonjali bħala espressjoni taʼ mħabba minflok b’dover.a Taħt ċirkostanzi xierqa bħal dawn, relazzjonijiet intimi jistgħu jservu biex isaħħu r-​rabta taż-​żwieġ.—1 Korintin 7:2-5; 10:24.

19. Liema ħaġa hi “rabta perfetta taʼ unjoni,” u liema effett jistaʼ jkollha fuq żwieġ?

19 Hija l-​imħabba li hi “rabta perfetta taʼ unjoni” ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. Billi jikkultivaw l-​imħabba, koppja miżżewġa li għandhom imħabba lejn Alla jistgħu ‘jkomplu jissaportu lil xulxin u jaħfru lil xulxin liberament.’ (Kolossin 3:13, 14) Imħabba bi prinċipju tfittex il-​ġid taʼ oħrajn. (1 Korintin 13:4-8) Ikkultivaw imħabba bħal din. Se tgħinkom issaħħu r-​rabta taż-​żwieġ tagħkom. Applikaw prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajja miżżewġa tagħkom. Jekk tagħmlu hekk, iż-​żwieġ tagħkom se jagħti prova li jkun unjoni dejjiema u se jġib tifħir u unur lil Alla Jehovah. (w94 7/15)

[Nota taʼ taħt]

a L-artiklu “Communication​—More Than Just Talk,” li deher f’The Watchtower taʼ l-​1 t’Awissu, 1993, wera kif koppji jistgħu jegħlbu problemi f’dan l-​aspett.

Kif Twieġeb Int?

◻ Iż-​żwieġ għala għandu jkun rabta permanenti?

◻ X’inhi l-​ħarsa Biblika taʼ l-​istat taʼ kap u s-​sottomissjoni?

◻ Koppji miżżewġin kif jistgħu jtejbu l-​komunikazzjoni?

◻ Koppji kif jistgħu jittrattaw maʼ nuqqas taʼ qbil b’manjiera Kristjana?

◻ X’se jgħin biex isaħħaħ ir-​rabta taż-​żwieġ?

[Stampa f’paġna 9]

Jekk martu jkollha taħdem xogħol sekulari, raġel Kristjan ma jħallihiex tkun mgħobbija żżejjed

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja