Kif Tirranġahom Int Id-Differenzi?
Ċaqliqa goffa—u t-tielet wieħed minn filliera taʼ ħames iljunfanti tal-porċellana waqaʼ minn fuq l-ixkaffa. L-iljunfant imwaqqaʼ jrid jiġi restawrat. Inkella, l-armonija tas-sett sħiħ tintilef. Madankollu, il-proċess huwa delikat, u ma tħossokx kwalifikat. Ikollok tfittex parir jew saħansitra titlob speċjalista biex jagħmel ix-xogħol.
L-ARMONIJA bejn l-aħwa spiritwali hi wisq iktar prezzjuża minn sempliċi ornamenti. Is-salmista b’mod xieraq għanna: “Ħares! Kemm hu tajjeb u kemm hu pjaċevoli li aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) Li tirranġa xi differenza maʼ sieħeb Kristjan tistaʼ kultant tkun biċċa xogħol delikata. Barra minn dan, xi wħud ma jagħmlux dan bil-mod it-tajjeb. Spiss ir-“restawrar” hu taʼ wġigħ bla bżonn jew mhux komplut għal kollox, billi jħalli marki koroh li jibqgħu jidhru.
Xi Kristjani jfittxu li jinvolvu bla bżonn anzjani maħturin fi kwistjonijiet li jistgħu jsolvu huma nfushom. Dan jistaʼ jkun hekk għax m’humiex ċerti x’iridu jagħmlu. “Ħafna minn ħutna ma jafux kif japplikaw pariri mill-Bibbja biex jirranġaw id-differenzi tagħhom,” ikkummenta wieħed ħu bl-esperjenza f’li jagħti pariri mill-Bibbja. “Bosta drabi,” hu kompla, “ma jsegwux il-mod taʼ kif Ġesù għamel l-affarijiet.” Mela, x’qal Ġesù attwalment dwar kif Kristjan għandu jirranġa differenzi maʼ ħuh? Għala huwa vitali li ssir midħla sewwa maʼ dan il-parir u li titgħallem kif tapplikah?
Differenzi Żgħar
“Jekk, allura, qiegħed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, itlaq l-għotja tiegħek hemm quddiem l-artal, u mur ’l hemm; l-ewwel agħmel il-paċi tiegħek maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.”—Mattew 5:23, 24.
Meta Ġesù tkellem dak il-kliem, il-Lhud skond id-drawwa offrew sagrifiċċji, jew ippreżentaw għotjiet, fuq l-artal tat-tempju ġewwa Ġerusalemm. Jekk Lhudi kien naqas lil Iżraelit sieħbu, dak li għamel l-offiża setaʼ joffri offerta maħruqa sħiħa jew offerta tad-dnub. L-eżempju rrakkontat minn Ġesù jiġi fil-punt l-iktar kritiku. Meta xi ħadd ikun maʼ l-artal u jasal biex joffri l-għotja tiegħu ’l Alla, jiftakar li ħuh għandu xi ħaġa kontra tiegħu. Iva, l-Iżraelit kellu jifhem illi li jirrikonċilja maʼ ħuh għandu jieħu preċedenza fuq it-twettieq taʼ dmir reliġjuż bħal dan.
Għalkemm offerti bħal dawn kienu mitlubin mil-Liġi Mosajka, fihom infushom ma kellhomx l-akbar valur f’għajnejn Alla. Il-profeta Samwel qal lis-Sultan mhux leali Sawl: “Għandu Jehovah għaxqa b’offerti maħruqin u sagrifiċċji daqskemm b’li wieħed jobdi l-leħen taʼ Jehovah? Ħares! Li tobdi huwa aħjar minn sagrifiċċju, li tagħti attenzjoni mix-xaħam tal-kbiex.”—1 Samwel 15:22.
Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù rrepeta din l-ordni taʼ preċedenza u wera lid-dixxipli tiegħu li għandhom jirranġaw id-differenzi qabel ma jagħmlu l-offerti tagħhom. Illum, l-offerti meħtiġin mill-Kristjani huma taʼ natura spiritwali—“sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.” (Ebrej 13:15) Minkejja dan, il-prinċipju jibqaʼ validu. L-appostlu Ġwanni b’mod simili juri li jkun taʼ xejn li xi ħadd isostni li jħobb ’l Alla jekk jobgħod lil ħuh.—1 Ġwann 4:20, 21.
Taʼ interess, il-wieħed li jiftakar li ħuh għandu xi ħaġa kontra tiegħu jrid jagħmel l-ewwel pass. L-umiltaʼ li hu b’hekk juri probabbilment se tipproduċi riżultati tajbin. X’aktarx, wieħed li jkun ġie offiż ma jirrifjutax li jikkoopera maʼ xi ħadd li jiġi għandu waqt li jammetti n-nuqqasijiet tiegħu nnifsu. Il-Liġi Mosajka stipulat li kwalunkwe ħaġa meħuda bil-qerq kellha tiġi mogħtija lura kompletament u waħda minn kull ħamsa addizzjonali kellha tiżdied magħha. (Levitiku 6:5) Li tirrestawra relazzjonijiet paċifiċi u armonjużi b’mod simili se jkun iffaċilitat jekk dak li offenda juri x-xewqa tiegħu li jmur iktar lil hinn milli meħtieġ, fl-iktar sens strett tal-kelma, li jsewwi kull ħsara li setaʼ kkaġuna.
Madankollu, attentati biex jiġu rrestawrati relazzjonijiet paċifiċi m’humiex dejjem taʼ suċċess. Il-ktieb taʼ Proverbji jfakkarna li huwa diffiċli li tirranġa differenzi maʼ xi ħadd li jsibha bi tqila biex jirreaġixxi. Proverbji 18:19 jgħid: “Ħu li sar nuqqas kontra tiegħu hu iktar minn belt b’saħħitha; u hemm taqbid li huwa bħall-istanga taʼ torri li jgħammru fih.” Traduzzjoni oħra taqra: “Ħu offiż hu iktar iebes biex jintrebaħ minn belt b’saħħitha: U t-taqbid tagħhom hu bħall-istaneg taʼ kastell.” (The Englishman’s Bible) Eventwalment, madankollu, sforzi sinċieri u umlin x’aktarx li jkollhom suċċess fil-każ taʼ mseħbin li jemmnu li jixtiequ jogħoġbu ’l Alla. Imma fejn ikun allegat dnub oħxon, il-parir taʼ Ġesù rrekordjat f’Mattew kapitlu 18 għandu bżonn jiġi applikat.
Nirranġaw Differenzi Serji
“Iktar minn hekk, jekk ħuk jikkommetti dnub, mur ikxef in-nuqqas tiegħu bejnek u bejnu waħedkom. Jekk jismaʼ minnek, int tkun ksibt lil ħuk. Imma jekk ma jismax, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex bil-fomm taʼ tnejn jew tliet xhieda kull kwistjoni tistaʼ tkun stabbilita. Jekk ma jismax minnhom, kellem lill-kongregazzjoni. Jekk ma jismax saħansitra mill-kongregazzjoni, ħa jkun għalik sewwa sew bħal bniedem tal-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.”—Mattew 18:15-17.
Xi ngħidu jekk Lhudi (jew iktar tard, Kristjan) iltaqaʼ maʼ diffikultajiet serji m’adoratur sieħbu taʼ Jehovah? Il-wieħed li ħaseb li xi ħadd dineb kontra tiegħu kellu jagħmel l-ewwel pass. Hu kellu jiddiskuti l-affarijiet fil-privat maʼ min għamel l-offiża. Billi ma jipprovax jiġbor appoġġ għall-mod taʼ kif hu jħares lejn is-sitwazzjoni, hu żgur li sejjer ikollu iktar ċans li jikseb lil ħuh, speċjalment jekk kien hemm biss nuqqas taʼ ftehim li setaʼ jiġi ċċarat malajr. Kollox jiġi rranġat b’mod iktar faċli jekk dawk involuti direttament ikunu l-uniċi li jkunu jafu dwar il-ħaġa.
Madankollu, l-ewwel pass jistaʼ ma jkunx biżżejjed. Biex tittratta maʼ dik is-sitwazzjoni, Ġesù qal: “Ħu . . . wieħed jew tnejn oħrajn.” Dawn jistgħu jkunu xhieda li raw b’għajnejhom stess. Forsi kienu semgħu lil wieħed mill-individwi jinġurja lill-ieħor, jew jistaʼ jkun li dawk imtellgħin kienu xhieda għal qbil bil-miktub li dwaru ż-żewġ partijiet issa ma jaqblux. Mill-banda l-oħra, dawk imtellgħin jistgħu jsiru xhieda meta xi fatturi, bħal testimonjanzi bil-miktub jew bil-fomm, huma żviluppati biex jistabbilixxu r-raġuni għall-problema. Hawn ukoll, l-inqas numru possibbli—“wieħed jew tnejn oħrajn”—għandhom ikunu jafu dwar il-problema. Dan sejjer iżomm l-affarijiet milli jeħżienu jekk il-ħaġa kienet biss nuqqas taʼ ftehim.
X’motivi għandu jkollu l-wieħed offiż? Għandu hu jipprova jumilja lil sieħbu Kristjan u javvelih? Minħabba l-parir taʼ Ġesù, il-Kristjani m’għandhomx ikunu ħfief biex jikkundannaw lil ħuthom. Jekk min naqas jagħraf il-ħtija tiegħu, jitlob skuża, u jipprova jsewwi l-affarijiet, dak li jkun sar id-dnub kontra tiegħu ikun ‘kiseb lil ħuh.’—Mattew 18:15.
Jekk il-kwistjoni ma setgħetx tiġi rranġata, kellha tittieħed quddiem il-kongregazzjoni. Għall-bidu, dan kien ifisser l-anzjani tal-Lhud imma iktar tard, l-anzjani tal-kongregazzjoni Kristjana. Dak li naqas u ma ddispjaċihx jistaʼ jkollu jitkeċċa mill-kongregazzjoni. Dak hu li jfisser illi jiġi meqjus “sewwa sew bħal bniedem tal-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi,” individwi li minnhom il-Lhud żammew il-bogħod. Din il-miżura serja ma setgħetx tittieħed minn kwalunkwe Kristjan individwali. L-anzjani maħturin, li jirrappreżentaw il-kongregazzjoni, huma l-uniċi wħud awtorizzati li jieħdu azzjoni bħal din.—Qabbel 1 Korintin 5:13.
Il-possibiltà li xi ħadd li naqas u ma ddispjaċihx jiġi mkeċċi mis-sħubija turi li Mattew 18:15-17 ma jgħoddx għal differenzi żgħar. Ġesù kien qiegħed jirreferi għal offiżi serji, madankollu tat-tip li jistgħu jiġu rranġati bejn iż-żewġ individwi kkonċernati waħedhom. Per eżempju, l-offiża tistaʼ tkun malafama, li teffettwa serjament ir-reputazzjoni tal-vittma. Jew tistaʼ tgħodd għal kwistjonijiet finanzjarji, għax versi li jiġu wara fihom it-tixbieha taʼ Ġesù dwar l-irsir bla ħniena li lilu ġie maħfur dejn kbir. (Mattew 18:23-35) Self mhux imħallas lura fiż-żmien allokat jistaʼ jkun biss diffikultà tal-mument li faċilment tistaʼ tiġi solvuta bejn iż-żewġ individwi. Imma tistaʼ ssir dnub serju, jiġifieri, serq, jekk min issellef irrifjuta b’mod stinat li jħallas lura dak li kellu jagħti.
Dnubiet oħrajn ma jistgħux jiġu rranġati sempliċement bejn żewġ Kristjani. Taħt il-Liġi Mosajka, dnubiet serji kellhom jiġu rrapportati. (Levitiku 5:1; Proverbji 29:24) B’mod simili, dnubiet kbar li jinvolvu l-purità tal-kongregazzjoni għandhom jiġu rrapportati lill-anzjani Kristjani.
Madankollu, bosta każi taʼ nuqqas taʼ ftehim bejn il-Kristjani ma jaqgħux taħt din il-proċedura.
Tistaʼ Sempliċement Taħfer?
Eżatt wara li Ġesù spjega kif jiġu rranġati differenzi serji, hu għallem lezzjoni importanti oħra. Naqraw: “Imbagħad Pietru ġie u qallu: ‘Mulej, kemm-il darba għandu ħija jidneb kontra tiegħi u jien għandi naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?’ Ġesù qallu: ‘Ngħidlek, mhux, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.’” (Mattew 18:21, 22) F’okkażjoni oħra Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jaħfru “sebaʼ darbiet kuljum.” (Luqa 17:3, 4) B’mod ċar, allura, is-segwaċi taʼ Kristu huma mħeġġin biex jirranġaw id-differenzi billi jaħfru lil xulxin liberament.
Dan huwa qasam li jeħtieġ sforz konsiderevoli. “Xi aħwa sempliċement ma jafux kif jaħfru,” qal l-individwu kkwotat fil-bidu. Hu kompla: “Jidhru sorpriżi meta xi ħadd jispjega li jistgħu jagħżlu li jaħfru, l-ewwel u qabel kollox, biex iżommu l-paċi fil-kongregazzjoni Kristjana.”
L-appostlu Pawlu kiteb: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Qabel ma mmorru fuq ħu li setaʼ offendiena, għalhekk, ikun tajjeb li nirriflettu fuq il-mistoqsijiet li ġejjin: Jistħoqqilha l-offiża li nitkellmu miegħu dwarha? Huwa tassew impossibbli għalija li nħalli kollox għaddej mar-riħ fl-ispirtu veru tal-Kristjanità? Li kieku kont minfloku, ma kontx irrid niġi maħfur? U jekk nagħżel li ma naħfirx, nistaʼ nistenna li Alla jismaʼ t-talb tiegħi u jaħfirli? (Mattew 6:12, 14, 15) Mistoqsijiet bħal dawn jistgħu verament jgħinuna nkunu lesti li naħfru.
Bħala Kristjani, waħda mill-iktar responsabbiltajiet importanti tagħna hi li nżommu l-paċi fil-kongregazzjoni tal-poplu taʼ Jehovah. Għalhekk, ħalli npoġġu l-parir taʼ Ġesù fil-prattika. Dan sejjer jgħinna naħfru liberament. Spirtu bħal dan li lest li jaħfer se jikkontribwixxi għall-imħabba taʼ l-aħwa li hija l-marka li tidentifika lid-dixxipli taʼ Ġesù.—Ġwann 13:34, 35. (w94 7/15)
[Stampa f’paġna 19]
Il-Kristjani jistgħu jirranġaw id-differenzi tagħhom billi jsegwu l-parir taʼ Ġesù