Il-Milied—Huwa Verament Kristjan?
SKOND The World Book Encyclopedia, “il-Milied huwa l-jum li fih il-Kristjani jiċċelebraw għeluq snin Ġesù Kristu.” Minkejja dan, l-enċiklopedija tistqarr ukoll: “Il-Kristjani bikrin ma ċċelebrawx it-twelid taʼ [Ġesù] għaliex kienu jqisu ċ-ċelebrazzjoni tat-twelid taʼ xi ħadd bħala drawwa pagana.”
The Making of the Modern Christmas, minn Golby u Purdue, jaqbel: “Il-Kristjani bikrin ma ċċelebrawx it-twelid taʼ Kristu. Iċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq snin taʼ xi ħadd fihom infushom kienu assoċjati maʼ prattiċi pagani; il-Vanġeli ma jsemmu xejn dwar id-data attwali tat-twelid taʼ Kristu.”
Jekk iċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq snin taʼ xi ħadd ma kellhomx sfond Kristjan, għeluq snin Kristu kif sar festa “Kristjana” daqstant prominenti?
L-Oriġini Pagan Tal-“Milied”
“Kulħadd iffesteġġja u feraħ, xogħol u negozju kienu għal staġun kompletament sospiżi, id-djar kienu mballati bir-rand u bi pjanti jħaddru, kien hemm tpartit taʼ żjajjar u rigali bejn il-ħbieb, u l-klijenti taw rigali lill-patruni tagħhom. L-istaġun kollu kien wieħed taʼ ferħ u rieda tajba, u kull xorta t’affarijiet taʼ gost ġew gawduti min-nies.”—Paganism in Christian Festivals, minn J. M. Wheeler.
Taqbel din id-deskrizzjoni mal-festi tal-Milied li taf bihom int? B’mod sorprendenti dan ma kienx il-Milied! Minflok, dik hija deskrizzjoni tas-Saturnalja—festa li ddum sejra ġimgħa assoċjata mas-solstizju tax-xitwa (muri fil-paġna taʼ faċċata). Għeluq snin ix-xemx m’hijiex ikkonkwistata ġie ċċelebrat fil-25 taʼ Diċembru, jum prinċipali taʼ festa fir-reliġjon Mitrajka taʼ Ruma.
Skond The New Encyclopædia Britannica, “il-25 taʼ Diċembru, għeluq snin Mitra, l-alla Iranjan tad-dawl u . . . il-jum iddedikat lix-xemx invinċibbli, kif ukoll il-jum taʼ wara s-Saturnalja, ġie adottat mill-knisja bħala l-Milied, in-natività taʼ Kristu, biex ixejjen l-effetti taʼ dawk il-festi.” Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni pagana t’għeluq is-snin kompliet b’tibdila sempliċi fl-ismijiet, minn Mitra għal Kristu!
Madankollu, int forsi tħoss li t-twelid taʼ l-Iben t’Alla, Ġesù, kien xi ħaġa speċjali, li jixraqlu li jiġi mfakkar. Ħarsa lejn dak li tirrakkonta l-Bibbja dwar dan se tagħti prova li hija ferm taʼ tidwil.
Ġrajja Ferriħija
It-tieni kapitlu tal-Vanġelu taʼ Luqa jipprovdilna x-xena. Luqa jgħidilna kif l-anġli tas-sema, ragħajja umlin, qaddejja devoti t’Alla, u Marija nfisha rreaġixxew għal din il-ġrajja notevoli.
Ikkunsidra l-ewwel ir-“ragħajja li kienu jgħixu barra minn darhom” u li kienu “għassa bil-lejl mal-merħliet tagħhom,” li ma kinux se jagħmlu fl-eqqel tax-xitwa. Meta “l-anġlu taʼ Jehovah” deher u l-glorja t’Alla ddiet madwarhom, ir-ragħajja għall-ewwel beżgħu. Rassiguranza ġiet meta l-anġlu spjega: “Tibżgħux, għax, ħares! qiegħed niddikjara lilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li n-nies kollha se jkollhom, għaliex kien hemm imwieled għalikom illum Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.” Meta “kotra taʼ l-armata tas-sema” t’anġli dehret f’daqqa waħda, ir-ragħajja kienu jafu li dan it-twelid kien differenti mill-oħrajn kollha. Taʼ interess, l-anġli ma ġabu ebda rigal għat-tarbija tat-twelid. Minflok, l-anġli faħħru lil Jehovah, jgħidu: “Glorja lil Alla fl-għoli fuq, u fuq l-art paċi fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.”—Luqa 2:8-14.
Naturalment, ir-ragħajja riedu jaraw lil din it-tarbija b’għajnejhom stess, għax kien Jehovah li ħabbar il-ġrajja hienja. Meta sabu lit-tarbija mimduda fil-maxtura, qalu lill-ġenituri dak li kienu qalulhom l-anġli. Ir-ragħajja mbagħad telqu, “jigglorifikaw u jfaħħru lil Alla,” mhux lit-tarbija.—Luqa 2:15-18, 20.
Marija, omm Ġesù, bla dubju ferħet minħabba l-ħlas b’wiċċ il-ġid taʼ l-ewwel tarbija tagħha. Imma hi waslet ukoll għal “konklużjonijiet f’qalbha.” Imbagħad, akkumpanjata minn żewġha, Ġużeppi, ivvjaġġat lejn Ġerusalemm b’ubbidjenza għal-Liġi Mosajka. Din ma kenitx xi ċelebrazzjoni t’għeluq is-snin. Minflok, kien żmien biex tippreżenta lit-tarbija lil Alla “sewwa sew bħalma huwa miktub fil-liġi taʼ Jehovah: ‘Kull maskil li jiftaħ ġuf irid jissejjaħ qaddis għal Jehovah.’”—Luqa 2:19, 22-24.
Fit-tempju f’Ġerusalemm, Marija u Ġużeppi ltaqgħu maʼ Simeon, li Luqa jiddeskrivih bħala “twajjeb u reverenzjali, jistenna l-konsolazzjoni t’Iżrael.” Taħt ispirazzjoni, kien intqallu li ma kellux imut qabel ma jara “lill-Kristu taʼ Jehovah.” Dak li ġara wara kien ukoll “taħt il-qawwa taʼ l-ispirtu [t’Alla].” Simeon ħa lit-tarbija f’dirgħajh, le, mhux biex jagħtih rigal, imma, minflok, biex ibierek lil Alla, billi jgħid: “Issa, Mulej Sovran, int qiegħed tħalli lill-irsir tiegħek imur ħieles fil-paċi skond id-dikjarazzjoni tiegħek; għaliex għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvâr li int lestejt fid-dehra tal-popli kollha.”—Luqa 2:25-32.
Imbagħad, Anna, il-profetessa mdaħħla fiż-żmien resqet qrib. Hi wkoll “bdiet trodd il-ħajr lil Alla u titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qegħdin jistennew il-ħelsien taʼ Ġerusalemm.”—Luqa 2:36-38.
Marija, Simeon, Anna, ir-ragħajja, kif ukoll l-anġli tas-smewwiet, ilkoll ferħu fit-twelid taʼ Ġesù. Jekk jogħġbok innota, madankollu, li ma ħadu sehem f’ebda xalar t’għeluq is-snin, lanqas ma ħadu sehem f’li jagħtu r-rigali. Minflok, igglorifikaw lil Jehovah, Dak il-Wieħed tas-sema li Pprovda l-mezz tagħhom għas-salvazzjoni.
Però, xi wħud jistgħu jirraġunaw, ‘Żgur li l-għoti tar-rigali fil-Milied ma jistax ikun ħażin, għax ma onorawhx it-“tlett irġiel għorrief” lil Ġesù bir-rigali?’
Rigali Tal-Milied
Ejjew nerġgħu neżaminaw ir-rakkont Bibliku. Se ssibu mniżżel fil-Vanġelu taʼ Mattew, kapitlu 2. Qatt ma tissemma xi ċelebrazzjoni t’għeluq is-snin, lanqas ma ġie mogħti xi żmien speċifiku, għalkemm ovvjament kien xi żmien wara t-twelid taʼ Ġesù. Fl-ewwel vers, Mattew isejjaħ lill-viżitaturi “astroloġi [Grieg, maʹgoi] minn partijiet tal-Lvant,” b’hekk pagani bla ebda għarfien t’Alla Jehovah. Il-kewkba li dawn l-irġiel segwew wasslithom, mhux direttament fil-post tat-twelid taʼ Ġesù f’Betlehem, imma lejn Ġerusalemm, fejn kien jaħkem is-Sultan Erodi.
Meta dan il-ħakkiem mill-agħar semagħhom jistaqsu dwar “[i]l-wieħed imwieled sultan tal-Lhud,” fittex lill-qassisin biex isir jaf eżattament “fejn il-Kristu kellu jitwieled” sabiex setaʼ jġiegħel li tinqatel it-tarbija. Il-qassisin wieġbu billi kkwotaw il-profezija taʼ Mikea li allokat il-post tat-twelid tal-Messija f’Betlehem. (Mikea 5:2) Erodi bl-ipokrezija kollha ta struzzjoni lill-viżitaturi tiegħu: “Morru agħmlu tfittxija bir-reqqa għat-tfajjel żgħir, u meta tkunu sibtuh irrapportaw lura għandi, biex jien ukoll inkun nistaʼ mmur u mmil quddiemu.” L-astroloġi telqu għal triqthom, u l-kewkba “marret qabilhom, sakemm waqfet fuq fejn kien hemm it-tfajjel żgħir.” Innota li hu deskritt bħala “tfajjel żgħir,” mhux bħala tarbija tat-twelid.—Mattew 2:1-10.
Kif kien xieraq għal nies importanti Orjentali meta jżuru ħakkiem, l-astroloġi pagani mielu u “ppreżentawlu [lit-tfajjel żgħir] rigali, deheb u lubien u mirra.” Mattew iżid: “Madankollu, billi ngħataw twissija divina f’ħolma biex ma jerġgħux lura għand Erodi, irtiraw lejn pajjiżhom minn mogħdija oħra.”—Mattew 2:11, 12.
Minn dan ir-rakkont Skritturali fil-qosor, xi nies jistgħu jagħmlu attentat biex isibu appoġġ għall-għoti tagħhom tar-rigali tal-Milied. Madankollu, Discovering Christmas Customs and Folklore jispjega li d-drawwa kurrenti taʼ l-għoti tar-rigali għandha l-għeruq tagħha fir-rigali tas-Saturnalja li r-Rumani offrew lill-ġirien fqar tagħhom. “Il-knisja bikrija . . . bil-makakkerija ttrasferiet is-sinjifikat tagħha għal kommemorazzjoni ritwali tar-rigali tal-Maġi.” X’kuntrast huwa dan għall-adoraturi veri—bħar-ragħajja umlin—li sempliċement faħħru lil Alla fit-twelid taʼ Ġesù!
Onora Lil Kristu Bħala Sultan
Illum Ġesù m’għadux iktar tarbija. Hu Potentat qawwi, Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, u għandu jiġi onorat b’dan il-mod.—1 Timotew 6:15, 16.
Jekk int issa adult, qatt ħassejtek imbarazzat meta, fil-preżenza tiegħek, in-nies urew ritratti tiegħek bħala tarbija? Veru, stampi bħal dawn ifakkru lill-ġenituri tiegħek dwar il-ferħ tagħhom fit-twelid tiegħek. Imma issa li int għandek identità għalik innifsek, ma tippreferix ġeneralment li oħrajn jarawk kif int? Bl-istess mod, aħseb ftit kemm huwa nuqqas taʼ rispett lejn Kristu Ġesù meta dawk li jsostnu li huma s-segwaċi tiegħu isiru tant aljenati kull sena fit-tradizzjonijiet pagani tal-Milied u f’li jonoraw tarbija li jonqsu li jonorawh bħala Sultan. Iva, saħansitra fl-ewwel seklu, l-appostlu Kristjan Pawlu rraġuna fuq kif inhu xieraq li taħseb dwar Kristu kif inhu issa—Sultan fis-sema. Pawlu kiteb: “Saħansitra jekk konna nafu lil Kristu skond il-laħam, ċertament li issa ma nafuhx hekk iktar”!—2 Korintin 5:16.
Kristu, bħala Sultan tas-Saltna t’Alla, dalwaqt se jġiegħel li sseħħ il-wegħda profetika biex jitneħħew l-uġigħ, is-sofferenza, il-mard, u l-mewt. Hu l-Wieħed li se jiżżgura djar adekwati u xogħol premjanti għal kulħadd taħt kundizzjonijiet taʼ Ġenna hawn fuq l-art. (Isaija 65:21-23; Luqa 23:43; 2 Korintin 1:20; Rivelazzjoni 21:3, 4) Żgur li dawn huma raġunijiet biżżejjed biex nevitaw li niddiżonoraw lil Ġesù!
Billi jsegwu l-eżempju nnifsu taʼ Kristu, il-Kristjani veri jistinkaw biex jagħtu lill-ġirien tagħhom wieħed mill-akbar rigali li xi ħadd jistaʼ joffri—fehma taʼ l-għan t’Alla, li tistaʼ twassal għall-ħajja eterna. (Ġwann 17:3) Dan it-tip t’għoti taʼ rigali jġibilhom ħafna ferħ, saħansitra bħalma qal Ġesù: “Hemm iktar hena f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.”—Atti 20:35; Luqa 11:27, 28.
Il-Kristjani li għandhom interess ġenwin f’xulxin ma jsibu ebda diffikultà f’li jesprimu spontanjament l-imħabba tagħhom fi kwalunkwe żmien tas-sena. (Filippin 2:3, 4) Bħala eżempju sempliċi, kemm tieħu gost li kieku taqlaʼ tpinġija mingħand tifel żgħir Kristjan li, wara li jkun samaʼ taħdita dwar il-Bibbja, pinġieha bħala espressjoni taʼ ringrazzjament! Daqshekk ieħor ikun inkuraġġanti r-rigal m’huwiex mistenni mingħand xi qarib bħala turija taʼ l-imħabba tiegħu. Bl-istess mod, ġenituri Kristjani jiksbu tant ferħ meta jagħżlu okkażjonijiet xierqa matul is-sena biex jagħtu rigali lil uliedhom. Din ix-xorta taʼ ġenerożità Kristjana lanqas ma hija mħassra minn xi obligazzjoni mmaġinarja f’jiem taʼ ċelebrazzjoni jew minħabba tradizzjoni pagana.
Għaldaqstant, illum iktar minn erbaʼ miljuni u nofs Kristjani mill-ġnus kollha ma jiċċelebrawx il-Milied. Dawn huma x-Xhieda taʼ Jehovah, li regolarment iħabirku f’li jagħtu lill-ġirien xiehda dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Int x’aktarx li tiltaqaʼ magħhom meta jżuru lid-dar tiegħek, forsi f’qasir żmien. Jalla l-mod ħerqan li bih tilqaʼ dak li jġibulek iwassal lill-familja tiegħek għal ferħ kbir, hekk kif titgħallem kif tfaħħar lil Alla Jehovah kull ġurnata tas-sena.—Salm 145:1, 2.
(w94 12/15)