LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 3/1 pp. 28-32
  • Inwettqu d-Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inwettqu d-Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżempju Perfett
  • Eżempji Taʼ Twissija
  • Huwa Dan Kulma Nistaʼ?
  • Iddedikati—Lil Min?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Qiegħed Int Tgħix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għala Għandek Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Id-Dedikazzjoni u l-Libertà tà l-Għażla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 3/1 pp. 28-32

Inwettqu d-​Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħalli jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu jum wara jum u jsegwini kontinwament.”—LUQA 9:23.

1. Liema huwa mod wieħed li bih nistgħu nkejlu s-​suċċess tagħna bħala Kristjani?

“KONNA aħna verament irġiel iddedikati?” It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija, skond John F. Kennedy, il-​35 President taʼ l-​Istati Uniti, hija fattur f’li jitkejjel is-​suċċess taʼ dawk f’pożizzjonijiet governattivi. Il-​mistoqsija tistaʼ sservi b’sinjifikat iżjed profond bħala prova għas-​suċċess tagħna bħala ministri Kristjani.

2. Dizzjunarju wieħed kif jiddefinixxi l-​kelma “dedikazzjoni”?

2 X’inhija, iżda, id-​dedikazzjoni? Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary jiddefiniha bħala “att jew rit taʼ ddedikar lil xi esseri divin jew għal użu sagru,” “li tagħti jew twarrab apparti għal skop partikulari,” “devozzjoni b’sagrifikar tiegħek innifsek.” John F. Kennedy milli jidher kien qed juża l-​kelma biex tfisser “devozzjoni b’sagrifikar tiegħek innifsek.” Għal wieħed Kristjan, dedikazzjoni tfisser bil-​wisq iżjed.

3. X’inhija d-​dedikazzjoni Kristjana?

3 Ġesù Kristu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħalli jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u kontinwament isegwini.” (Mattew 16:24) Li tkun imwarrab apparti għal użu divin ma jinvolvix sempliċement li twettaq xi att taʼ qima nhar taʼ Ħadd jew meta żżur xi post taʼ qima. Jinvolvi l-​istil taʼ ħajja kollu kemm huwa taʼ l-​individwu. Li tkun Kristjan ifisser li tiċħad lilek innifsek jew tirrifjuta lilek innifsek waqt li taqdi lil dak Alla li lilu Ġesù Kristu qeda, Jehovah. Barra minn hekk, Kristjan jerfaʼ “z-​zokk tat-​tortura” tiegħu billi jissaporti taħt kwalunkwe sofferenza li tistaʼ tiġġarrab minħabba li jkun segwaċi taʼ Kristu.

L-​Eżempju Perfett

4. Il-​magħmudija taʼ Ġesù x’kienet tissimbolizza?

4 Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù wera x’kien jinvolvi li wieħed jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah. Is-​sentimenti tiegħu kienu: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma int ħejjejt ġisem għalija.” Imbagħad żied: “Ħares! Jien ġejt (fir-romblu tal-​ktieb huwa miktub dwari) biex nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla.” (Ebrej 10:5-7) Bħala membru taʼ ġens iddedikat, kien iddedikat lil Jehovah mat-​twelid. Xorta waħda, fil-​bidu tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art, offra lilu nnifsu għall-​magħmudija bħala simbolu tal-​preżentazzjoni tiegħu nnifsu biex jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah, li għalih kellha tinkludi li joffri ħajtu bħala sagrifiċċju taʼ rahan. B’hekk ħalla eżempju għall-​Kristjani biex jagħmlu kwalunkwe ħaġa li tkun ir-​rieda taʼ Jehovah.

5. Ġesù kif wera ħarsa eżemplari lejn l-​affarijiet materjali?

5 Wara l-​magħmudija tiegħu Ġesù segwa korsa taʼ ħajja li fl-​aħħarnett wasslet għal mewta sagrifikali. Ma kienx interessat f’li jagħmel il-​flus jew f’li jgħix ħajja komda. Minflok, ħajtu kienet imsawra madwar il-​ministeru tiegħu. Ammonixxa lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu . . . ifittxu l-​ewwel is-​saltna u t-​tjieba tiegħu,’ u hu nnifsu għex fi qbil maʼ dan il-​kliem. (Mattew 6:33) Iva, darba saħansitra qal: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem ma għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Setaʼ fassal it-​tagħlim tiegħu b’tali mod li jisloħ il-​flus mis-​segwaċi tiegħu. Billi kien mastrudaxxa setaʼ ħa l-​ħin mill-​ministeru tiegħu biex jagħmel biċċa għamara sabiħa ħalli jbigħha biex ikollu ftit biċċiet fidda iżjed. Imma ma wżax il-​kapaċitajiet tiegħu biex ifittex prosperità materjali. Bħala qaddejja ddedikati t’Alla, qegħdin nimitaw lil Ġesù f’li jkollna l-​perspettiva xierqa taʼ l-​affarijiet materjali?—Mattew 6:24-34.

6. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nkunu qaddejja t’Alla ddedikati u li nissagrifikaw lilna nfusna?

6 F’li jpoġġi s-​servizz tiegħu lil Alla l-​ewwel, Ġesù ma fittixx l-​interessi tiegħu stess. Ħajtu matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru pubbliku tiegħu kienet waħda taʼ sagrifikar tiegħu nnifsu. Darba minnhom wara jum mimli attività, mingħajr saħansitra ma ħa l-​ħin biex jiekol, Ġesù kien lest li jgħallem lin-​nies li kienu “mqaxxrin u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36; Mark 6:31-34) Għalkemm “għajjien mill-​vjaġġ,” ħa l-​inizzjattiva f’li jitkellem maʼ mara Samaritana li ġiet ħdejn l-​għajn taʼ Ġakobb f’Sikar. (Ġwann 4:6, 7, 13-15) Dejjem poġġa l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħu stess. (Ġwann 11:5-15) Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi b’mod ġeneruż nissagrifikaw l-​interessi tagħna stess biex naqdu lil Alla u lil oħrajn. (Ġwann 6:38) Billi naħsbu f’termini taʼ kif nistgħu verament nogħġbu lil Alla minflok ma nagħmlu biss il-​minimu meħtieġ, inkunu qegħdin inwettqu d-​dedikazzjoni tagħna.

7. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li dejjem nagħtu unur lil Jehovah?

7 Ġesù ma kien bl-​ebda mod qed jipprova jiġbed l-​attenzjoni fuqu nnifsu billi jgħin lin-​nies. Kien iddedikat lil Alla biex jagħmel ir-​rieda Tiegħu. Għalhekk dejjem żgura li Jehovah, Missieru, irċieva l-​glorja kollha għal kwalunkwe ħaġa li twettqet. Meta ċertu ħakkiem indirizzah “Għalliem Tajjeb,” billi uża l-​kelma “tajjeb” bħala titlu, Ġesù kkorreġieh billi qal: “Ħadd m’hu tajjeb, ħlief wieħed, Alla.” (Luqa 18:18, 19; Ġwann 5:19, 30) Ħfief aħna, bħal Ġesù, biex nidderieġu l-​unur ’il bogħod minna, lejn Jehovah?

8. (a) Bħala raġel iddedikat, Ġesù kif stabbilixxa ruħu apparti mid-​dinja? (b) Kif għandna nimitawh?

8 Matul il-​korsa taʼ ħajja ddedikata tiegħu fuq l-​art, Ġesù wera li kien warrab lilu nnifsu apparti għal servizz divin. Żamm lilu nnifsu nadif sabiex setaʼ joffri lilu nnifsu bħala “ħaruf mingħajr tiċpisa u mingħajr tebgħa” biex ikun is-​sagrifiċċju taʼ rahan. (1 Pietru 1:19; Ebrej 7:26) Osserva l-​preċetti kollha tal-​Liġi Możajka u b’hekk wettaq dik il-​Liġi. (Mattew 5:17; 2 Korintin 1:20) Għex fi qbil mat-​tagħlim tiegħu stess dwar il-​morali. (Mattew 5:27, 28) Ħadd ma setaʼ bi dritt jakkużah b’motivi ħżiena. Tabilħaqq, ‘bagħad l-​illegalità.’ (Ebrej 1:9) Bħala rsiera t’Alla, ejjew nimitaw lil Ġesù f’li nżommu l-​ħajjiet tagħna u saħansitra l-​motivi tagħna ndaf f’għajnejn Jehovah.

Eżempji Taʼ Twissija

9. Pawlu għal liema eżempju taʼ twissija rrefera, u għala għandna nikkunsidraw dan l-​eżempju?

9 F’kuntrast maʼ l-​eżempju taʼ Ġesù, għandna l-​eżempju taʼ twissija taʼ l-​Iżraeliti. Saħansitra wara li ddikjaraw li kienu se jagħmlu dak kollu li Jehovah qalilhom biex jagħmlu, naqsu li jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Danjel 9:11) L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex jitgħallmu minn dak li ġara lill-​Iżraeliti. Ejjew neżaminaw xi inċidenti li Pawlu rrefera għalihom fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin u naraw liema nasbiet iridu jiġu evitati minn qaddejja ddedikati t’Alla fi żmienna.—1 Korintin 10:1-6, 11.

10. (a) L-​Iżraeliti kif ‘xtaqu affarijiet li jweġġgħu’? (b) L-​Iżraeliti għala kienu iżjed miżmumin responsabbli għall-​azzjonijiet tagħhom it-​tieni darba li gergru dwar l-​ikel, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan l-​eżempju taʼ twissija?

10 L-​ewwel, Pawlu wissiena biex ma nkunux “nixtiequ affarijiet li jweġġgħu.” (1 Korintin 10:6) Dak jistaʼ jfakkrek fl-​okkażjoni meta l-​Iżraeliti lmentaw dwar li kellhom biss manna x’jieklu. Jehovah bagħtilhom is-​summien. Xi ħaġa simili kienet ġrat xi sena qabel fix-​xagħri taʼ Sin, eżatt qabel ma l-​Iżraeliti ddikjaraw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. (Eżodu 16:1-3, 12, 13) Imma s-​sitwazzjoni ma kenitx eżatt l-​istess. Meta Jehovah ipprovda s-​summien l-​ewwel darba, ma talabx kont mill-​Iżraeliti minħabba t-​tgergir tagħhom. Din id-​darba, madankollu, l-​affarijiet kienu differenti. “Il-​laħam kien għadu bejn snienhom, qabel ma setaʼ jkun mimgħud, meta r-​rabja taʼ Jehovah xegħlet kontra n-​nies, u Jehovah beda jolqot lin-​nies bi tbiċċir kbir ferm.” (Numri 11:4-6, 31-34) X’kien inbidel? Bħala ġens iddedikat, issa kienu miżmumin responsabbli għall-​azzjonijiet tagħhom. In-​nuqqas t’apprezzament tagħhom għall-​provvedimenti taʼ Jehovah wassalhom biex jilmentaw kontra Jehovah, minkejja li kienu wegħdu li jagħmlu dak kollu li Jehovah kien tkellem! Li tilmenta dwar il-​mejda taʼ Jehovah illum huwa simili. Xi wħud jonqsu li japprezzaw il-​provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47) Ftakar, iżda, li d-​dedikazzjoni tagħna titlob minna li bi gratitudni niftakru dak li Jehovah għamel għalina u naċċettaw l-​ikel spiritwali li Jehovah jissupplixxi.

11. (a) L-​Iżraeliti kif niġġsu l-​qima tagħhom lejn Jehovah bl-​idolatrija? (b) Kif nistgħu aħna niġu effettwati minn għamla taʼ idolatrija?

11 Imbagħad, Pawlu wissa: “Lanqas issiru idolatri, bħalma għamlu xi wħud minnhom.” (1 Korintin 10:7) Hawn l-​appostlu kien milli jidher qed jirreferi għall-​qima taʼ l-​għoġol li seħħet eżatt wara li l-​Iżraeliti kkonkludew il-​patt maʼ Jehovah ħdejn il-​Muntanja Sinaj. Forsi tistaʼ tgħid, ‘Bħala qaddej iddedikat taʼ Jehovah, jien qatt ma se ninvolvi ruħi fl-​idolatrija.’ Innota, madankollu, li mill-​ħarsa taʼ l-​Iżraeliti, ma waqfux iqimu lil Jehovah; madankollu, daħħlu drawwa taʼ qima taʼ l-​għoġol​—xi ħaġa mistmerra għal Alla. X’kienet tinvolvi din il-​forma taʼ qima? In-​nies għamlu sagrifiċċji quddiem l-​għoġol, u mbagħad “qagħdu bil-​qiegħda biex jieklu u jixorbu. Imbagħad qamu biex jieħdu pjaċir.” (Eżodu 32:4-6) Illum, xi wħud jistgħu jsostnu li jqimu lil Jehovah. Imma l-​ħajjiet tagħhom għandhm mnejn ikunu ċċentrati, mhux fuq il-​qima taʼ Jehovah, imma fuq tgawdija taʼ l-​affarijiet taʼ did-dinja, u jipprovaw ideffsu s-​servizz tagħhom lil Jehovah madwar dawn. Veru, dan m’huwiex estrem daqs li tmil quddiem għoġol tad-​deheb, imma ma tantx huwa differenti fil-​prinċipju. Li wieħed jagħmel ix-​xewqa tiegħu stess bħala alla huwa ’l bogħod milli dan iwettaq id-​dedikazzjoni tiegħu lil Jehovah.—Filippin 3:19.

12. Mill-​esperjenza taʼ l-​Iżraeliti maʼ Baal taʼ Peor, x’nitgħallmu dwar li niċħdu lilna nfusna?

12 Għamla taʼ divertiment kien ukoll involut fl-​eżempju taʼ twissija li jmiss li semma Pawlu. “Lanqas ma nipprattikaw il-​fornikazzjoni, bħalma xi wħud minnhom ikkommettew il-​fornikazzjoni, biss biex jaqgħu, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed.” (1 Korintin 10:8) L-​Iżraeliti, imħajrin minn pjaċir immorali offrut mill-​bniet taʼ Moab, inġarrew f’li jqimu lil Baal taʼ Peor f’Xittim. (Numri 25:1-3, 9) Li niċħdu lilna nfusna biex nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah jinkludi li naċċettaw il-​livelli tiegħu għal dak li huwa moralment nadif. (Mattew 5:27-30) F’din l-​era taʼ livelli li qegħdin jiddeterjoraw, aħna mfakkrin dwar il-​ħtieġa li nżommu lilna nfusna ndaf minn kull xorta taʼ kondotta mmorali, billi nissottomettu għall-​awtorità taʼ Jehovah biex jiddeċiedi dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin.—1 Korintin 6:9-11.

13. L-​eżempju taʼ Fineħas kif jgħinna nifhmu x’tinkludi dedikazzjoni lil Jehovah?

13 Fil-​waqt li ħafna waqgħu fin-​nassa tal-​fornikazzjoni f’Xittim, xi wħud wettqu d-​dedikazzjoni nazzjonali lil Jehovah. Minn dawn, Fineħas kien jispikka fiż-​żelu. Meta lemaħ lil Kaptan Iżraelit idaħħal Midjanita fit-​tinda tiegħu, Fineħas mill-​ewwel ħa lanza f’idu u niffidhom biha. Jehovah qal lil Mosè: “Fineħas . . . dawwar lura l-​korla tiegħi minn fuq ulied Iżrael billi ma ttollera ebda rivalità assolutament lejja f’nofshom, u b’hekk jien ma qridtx għalkollox lil ulied Iżrael fl-​insistenza tiegħi fuq id-​devozzjoni esklussiva.” (Numri 25:11) Li ma tittollera ebda rivalità assolutament lejn Jehovah​—dak huwa li tfisser id-​dedikazzjoni. Ma nistgħu nħallu ebda ħaġa li tieħu l-​post li dedikazzjoni lejn Jehovah għandha tokkupa fi qlubna. Iż-​żelu tagħna għal Jehovah iqanqalna wkoll biex inżommu l-​kongregazzjoni nadifa billi nirrapportaw immoralità serja lill-​anzjani, mhux nittollerawha.

14. (a) L-​Iżraeliti kif poġġew lil Jehovah għall-​prova? (b) Dedikazzjoni sħiħa lil Jehovah kif tgħinna biex ma “ngħajjewx”?

14 Pawlu rrefera għal eżempju ieħor taʼ twissija: “Lanqas ma npoġġu lil Jehovah għall-​prova, bħalma poġġewh xi wħud minnhom għall-​prova, biss biex jgħibu permezz tas-​serpenti.” (1 Korintin 10:9) Pawlu hawn kien qed jitkellem dwar iż-​żmien meta l-​Iżraeliti lmentaw kontra Alla maʼ Mosè meta ‘bdew jgħajjew minħabba l-​mogħdija.’ (Numri 21:4) Int qatt tagħmlu dak l-​iżball? Meta ddedikajt lilek innifsek lil Jehovah, ħsibt li Armageddon kienet eżatt wara l-​kantuniera? Damet il-​paċenzja taʼ Jehovah iżjed milli stennejt? Ftakar, ma ddedikajniex lilna nfusna lil Jehovah biss għal xi perijodu taʼ żmien jew sempliċement s’Armageddon. Id-​dedikazzjoni tagħna tibqaʼ għal dejjem. Mela, allura, “ejjew ma naqtgħux qalbna f’li nagħmlu dak li huwa mill-​aħjar, għax fl-​istaġun f’waqtu se naħsdu jekk ma ngħajjewx.”—Galatin 6:9.

15. (a) L-​Iżraeliti kontra min gergru? (b) Id-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah kif tqanqalna biex nirrispettaw l-​awtorità teokratika?

15 Finalment, Pawlu wissa dwar li nsiru “gemgiema” kontra l-​qaddejja maħturin taʼ Jehovah. (1 Korintin 10:10) L-​Iżraeliti gergru bil-​kbir kontra Mosè u Aronne meta 10 mit-​12-il spija mibgħutin biex jitkixxfu l-​art taʼ Kangħan ġabu lura rapporti ħżiena. Saħansitra tkellmu dwar li jpoġġu lil xi ħadd ieħor flok Mosè bħala l-​mexxej tagħhom u jerġgħu lura lejn l-​Eġittu. (Numri 14:1-4) Illum, naċċettaw aħna t-​tmexxija li tingħata lilna permezz taʼ l-​azzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah? Meta naraw il-​mejda spiritwali abbundanti li hija pprovduta mill-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret, huwa ċar lil min Ġesù qed juża biex iqassam “ikel . . . fiż-​żmien xieraq.” (Mattew 24:45) Dedikazzjoni b’ruħna kollha lil Jehovah tirrikjedi minna li nuru rispett għall-​qaddejja maħturin tiegħu. Jalla qatt ma nsiru bħal xi gemgiema taż-​żmien modern li daru lejn kap ġdid, biex ngħidu hekk, sabiex jeħodhom lura fid-​dinja.

Huwa Dan Kulma Nistaʼ?

16. Qaddejja ddedikati t’Alla liema mistoqsijiet forsi jixtiequ jistaqsu lilhom infushom?

16 L-​Iżraeliti ma kinux jaqgħu fi żbalji serji bħal dawn kieku ftakru li d-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah kienet assoluta. Kuntrarju għal dawk l-​Iżraeliti bla fidi, Ġesù Kristu wettaq id-​dedikazzjoni tiegħu sat-​tmiem. Bħala segwaċi taʼ Kristu, aħna nimitaw l-​eżempju tiegħu taʼ devozzjoni b’ruħna kollha, billi ngħixu l-​ħajjiet tagħna “mhux iktar għax-​xewqat tal-​bnedmin, imma għar-​rieda t’Alla.” (1 Pietru 4:2; qabbel 2 Korintin 5:15.) Ir-​rieda taʼ Jehovah illum hija li “kull xorta taʼ bnedmin għandhom jiġu salvati u jiġu għal għarfien eżatt tal-​verità.” (1 Timotew 2:4) Għal dak l-​għan, irridu nippridkaw “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” qabel jiġi t-​tmiem. (Mattew 24:14) Kemm nagħmlu sforz f’dan is-​servizz? Forsi nixtiequ nistaqsu lilna nfusna, ‘Huwa dan kulma nistaʼ?’ (2 Timotew 2:15) Iċ-​ċirkostanzi jvarjaw. Jehovah kuntent li jkun moqdi “skond dak li persuna għandha, mhux skond dak li persuna m’għandhiex.” (2 Korintin 8:12; Luqa 21:1-4) Ħadd m’għandu jiġġudika l-​profondità u s-​sinċerità tad-​dedikazzjoni taʼ xi ħaddieħor. Kull wieħed għandu personalment jikkalkula d-​daqs tad-​devozzjoni tiegħu stess lejn Jehovah. (Galatin 6:4) Imħabbitna għal Jehovah għandha tqanqalna biex nistaqsu, ‘Kif nistaʼ nagħmel lil Jehovah hieni?’

17. X’inhija r-​relazzjoni bejn devozzjoni u apprezzament? Agħti tixbieha.

17 Id-​devozzjoni tagħna lejn Jehovah tikber hekk kif nikbru fl-​apprezzament tagħna għalih. Tifel taʼ 14-il sena fil-​Ġappun iddedika lilu nnifsu lil Jehovah u ssimbolizza din id-​dedikazzjoni bil-​magħmudija taʼ l-​ilma. Iktar tard, ried isegwi edukazzjoni għolja u jsir xjenzat. Qatt ma ħaseb dwar il-​ministeru full-time, imma bħala qaddej iddedikat, ma riedx iħalli lil Jehovah u l-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu. Biex iwettaq il-​mira tal-​karriera tiegħu, attenda l-​università. Hemm ra gradwati taʼ l-​università jiġu sfurzati li jiddedikaw il-​ħajja tagħhom kollha kemm hija lill-​kumpaniji tagħhom jew lill-​istudji tagħhom. Ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘X’qed nagħmel hawn? Nistaʼ verament insegwi l-​mod taʼ ħajja tagħhom u niddedika lili nnifsi lix-​xogħol sekulari? M’inix jien diġà ddedikat lil Jehovah?’ B’apprezzament imġedded, sar pijunier regulari. Il-​fehma tiegħu dwar id-​dedikazzjoni tiegħu kibret u qanqlitu biex jiddetermina f’qalbu li jmur fi kwalunkwe post fejn kien meħtieġ. Attenda l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali u rċieva inkarigu biex jaqdi bħala missjunarju f’pajjiż barrani.

18. (a) Kemm huwa involut fid-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah? (b) Liema premju nistgħu naħsdu mid-​dedikazzjoni tagħna lil Jehovah?

18 Id-​dedikazzjoni tinvolvi l-​ħajja tagħna kollha kemm hija. Irridu niċħdu lilna nfusna u “jum wara jum” insegwu l-​eżempju mill-​aħjar taʼ Ġesù. (Luqa 9:23) Billi nkunu ċħadna lilna nfusna, ma nistaqsux lil Jehovah għal permess biex nieqfu mix-​xogħol, vaganza. Ħajjietna jikkonformaw mal-​prinċipji li Jehovah jistabbilixxi għall-​qaddejja tiegħu. Saħansitra f’oqsma fejn nistgħu nagħmlu għażla persunali, ikun tajjeb għalina li naraw jekk aħniex nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu ħajja ddedikata lil Jehovah. Hekk kif naqduh jum wara jum, billi nagħmlu kulma nistgħu biex nogħġbuh, se nirnexxu bħala Kristjani u se nkunu mberkin bi tbissima t’approvazzjoni mingħand Jehovah, il-​Wieħed denju tad-​devozzjoni tagħna b’ruħna kollha. (w95 3/1)

Tistaʼ Tispjega Int?

◻ Id-​dedikazzjoni x’kienet tinvolvi għal Ġesù Kristu?

◻ Għala għandna nevitaw li ngergru kontra Jehovah?

◻ B’liema mod nistgħu nevitaw li nħallu l-​idolatrija tinfiltra b’mod sottili fil-​ħajjiet tagħna?

◻ Li niftakru liema ħaġa se jgħinna biex ma “ngħajjewx” f’li nagħmlu r-​rieda t’Alla?

[Stampa f’paġna 31]

Kristjani ddedikati ‘ma jaqtgħux qalbhom f’li jagħmlu dak li huwa mill-​aħjar’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja