LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 4/1 pp. 13-18
  • Benefiċċji taʼ li Wieħed Jibżaʼ Minn dak Alla Veru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Benefiċċji taʼ li Wieħed Jibżaʼ Minn dak Alla Veru
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għerf​—Iżjed Prezzjuż Mid-​Deheb
  • Salvagwardja Kontra Għemil Ħażin
  • Protezzjoni Kontra Tregħid Mill-​Bnedmin
  • L-​Ippreservar Tal-​Ħajja
  • Nitgħallmu Nsibu Tgawdija fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibżaʼ minn Jehovah u Ħares il-Kmandamenti Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibżaʼ Minn Jehovah u Igglorifika lill-Isem Qaddis Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 4/1 pp. 13-18

Benefiċċji taʼ li Wieħed Jibżaʼ Minn dak Alla Veru

“Jien, Jehovah, Alla tiegħek, il-​Wieħed li qiegħed jgħallmek biex tibbenefika lilek innifsek, il-​Wieħed li qiegħed iġiegħlek tirfes fil-​mogħdija li fiha għandek timxi.”—ISAIJA 48:17.

1. Liema gwajiet setgħu ġew evitati permezz tal-​biżaʼ t’Alla?

LI KIEKU Adam kien ikkultiva l-​biżaʼ t’Alla, dan setaʼ jżommu lura mid-​dnub li wassal għall-​mewt eterna tiegħu stess u għal eluf taʼ snin taʼ niket għan-​nisel tiegħu. Li kieku l-​ġens antik taʼ Iżrael kien ta kas tal-​parir taʼ Jehovah biex jibżaʼ minnu u jħobbu, dak il-​ġens ma kienx jittieħed imjassar lejn Babilonja, lanqas ma kien jirrifjuta lill-​Iben t’Alla u jsir ħati li xerridlu demmu. Li kieku d-​dinja llum beżgħet minn Alla, ma kien ikun hemm ebda korruzzjoni fil-​gvern jew fin-​negozju, ebda kriminalità, ebda gwerra.—Proverbji 3:7.

2. Minkejja kundizzjonijiet fid-​dinja madwarna, għala għandna nikkultivaw il-​biżaʼ taʼ Jehovah?

2 Minkejja dak li tagħmel id-​dinja taʼ madwarna, madankollu, aħna bħala individwi, bħala familji, u bħala kongregazzjonijiet taʼ qaddejja taʼ Jehovah nistgħu nibbenefikaw milli nikkultivaw biżaʼ minn dak Alla veru. Dan huwa f’armonija mat-​tfakkira li Mosè ta lill-​ġens taʼ Iżrael: “Jehovah Alla tiegħek x’qiegħed jitlob minnek ħlief li tibżaʼ minn Jehovah Alla tiegħek, sabiex timxi fil-​mogħdijiet kollha tiegħu u biex tħobbu u biex taqdi lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u ruħek kollha; biex iżżomm il-​kmandamenti taʼ Jehovah . . . għall-​ġid tiegħek?” (Dewteronomju 10:12, 13) X’inhuma xi ftit mill-​benefiċċji li jiġu għandna meta nibżgħu minn Jehovah, dak Alla veru?

Għerf​—Iżjed Prezzjuż Mid-​Deheb

3. (a) Liema huwa l-​benefiċċju ewlieni li nistgħu nirċievu? (b) X’inhu t-​tifsir taʼ Salm 111:10?

3 Il-​benefiċċju ewlieni huwa għerf veru. Salm 111:10 jiddikjara: “Il-​biżaʼ taʼ Jehovah huwa l-​bidu taʼ l-​għerf.” Dak xi jfisser? L-​għerf huwa l-​abbiltà li tuża l-​għarfien b’suċċess biex issolvi l-​problemi, tevita l-​periklu, u tikseb ċerti miri. Jinvolvi ġudizzju f’loku. Il-​bidu, l-​ewwel parti, il-​pedament t’għerf bħal dan, huwa l-​biżaʼ taʼ Jehovah. Għala? Għaliex il-​ħolqien kollu huwa xogħol idejh. Jiddependi minnu. Hu żejjen lill-​umanità b’rieda ħielsa imma mhux bl-​abbiltà li jidderieġu l-​passi tagħhom stess b’suċċess mingħajr il-​gwida tiegħu. (Ġożwè 24:15; Ġeremija 10:23) Huwa biss jekk napprezzaw dawk il-​fatti fundamentali dwar il-​ħajja u ngħixu f’armonija magħhom li jistaʼ jkollna suċċess dejjiemi. Jekk l-​għarfien tagħna dwar Jehovah jagħtina konvinzjoni soda li r-​rieda t’Alla hija ċerta minn suċċess u li l-​wegħda u l-​abbiltà tiegħu biex jippremja l-​fedeltà huma ċerti, allura l-​biżaʼ t’Alla se jimmotivana biex naġixxu bil-​għaqal.—Proverbji 3:21-26; Ebrej 11:6.

4, 5. (a) L-​edukazzjoni universitarja taʼ wieħed żagħżugħ għala ħallietu mingħajr għerf veru? (b) Dan ir-​raġel u martu iktar tard kif kisbu għerf tassew, u b’liema mod dan biddel il-​ħajjiet tagħhom?

4 Ikkunsidra eżempju. Xi għaxriet taʼ snin ilu, wieħed żagħżugħ kien qed jattendi l-​Università taʼ Saskatchewan, fil-​Kanada. Inkluża fil-​kurrikulum kien hemm il-​bijoloġija, u hu kien mgħallem l-​evoluzzjoni. Wara li ggradwa, speċjalizza fil-​fiżika atomika u rċieva borża taʼ studju biex ikompli l-​istudji tiegħu fl-​Università taʼ Toronto. Matul l-​istudji tiegħu ra evidenza meraviljuża t’ordni u disinn fl-​istrutturi taʼ l-​atomi. Imma ebda tweġibiet ma ngħataw għall-​mistoqsijiet: Min iddisinnja dan kollu? Meta? U għala? Mingħajr dawk it-​tweġibiet, setaʼ hu possibilment juża l-​għarfien tiegħu b’mod għaqli f’dinja li dak iż-​żmien kienet qed tiggwerra? X’kien se jiggwidah? In-​nazzjonaliżmu? Xewqa għal premjijiet materjalistiċi? Tabilħaqq, kien hu akkwista għerf veru?

5 Mhux wisq wara l-​gradwazzjoni tiegħu, dak iż-​żagħżugħ u martu bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Mill-​Kelma t’Alla stess, bdew ikollhom it-​tweġibiet li ma kienx irnexxielhom jiksbu qabel. Saru jafu lill-​Ħallieq, Alla Jehovah. Hekk kif studjaw dwar Mosè ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar u dwar Danjel u sħabu fil-​Babilonja, tgħallmu l-​importanza li jibżgħu mhux min-​nies imma minn Alla. (Eżodu 14:10-31; Danjel 3:8-30) Biżaʼ minn Alla bħal dan flimkien maʼ mħabba vera għal Jehovah beda jimmotivahom. Malajr il-​korsa taʼ ħajjiethom kollha kemm hi nbidlet. Sa fl-​aħħar dan iż-​żagħżugħ sar jaf lill-​Wieħed li x-​xogħol taʼ jdejh kien studja dwaru fil-​bijoloġija. Beda jifhem l-​iskop tal-​Wieħed li l-​għerf tiegħu hu kien ra rifless fl-​istudji tiegħu tal-​fiżika. Minflok ma uża l-​għarfien tiegħu biex jipproduċi strumenti li kienu se jeqirdu lill-​bnedmin sħabu, hu flimkien maʼ martu ried li jgħin lil oħrajn iħobbu lil Alla u jħobbu lil għajrhom. Huma daħlu għal servizz full-time bħala proklamaturi tas-​Saltna t’Alla. Iktar tard attendew il-​Watchtower Bible School taʼ Gilead u ntbagħtu bħala missjunarji.

6. Jekk għandna għerf li għandu l-​għeruq tiegħu fil-​biżaʼ taʼ Jehovah, liema miri bla dehen se nevitaw, u minflok x’se nkunu qegħdin nagħmlu?

6 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd jistaʼ jkun missjunarju. Imma lkoll kemm aħna nistgħu ngawdu l-​għerf li għandu l-​għeruq fil-​biżaʼ taʼ Jehovah. Jekk nikkultivaw dak l-​għerf, ma nassorbux b’mod ħerqan il-​filosofiji tal-​bnedmin li fil-​fatt qegħdin biss jispekolaw dwar x’inhi eżattament il-​ħajja. Aħna se nkunu qegħdin napplikaw lilna nfusna għall-​istudju tal-​Bibbja, imnebbħa mis-​Sors tal-​ħajja, Alla Jehovah, il-​wieħed li jistaʼ jagħtina l-​ħajja eterna. (Salm 36:9; Kolossin 2:8) Minflok ma nsiru skjavi taʼ sistema kummerċjali li hija nfisha qiegħda titbandal fix-​xifer tar-​rovina, se nagħtu kas il-​parir taʼ Jehovah biex nikkuntentaw bl-​ikel u bl-​ilbies waqt li npoġġu r-​relazzjoni tagħna m’Alla l-​ewwel ħaġa f’ħajjitna. (1 Timotew 6:8-12) Minflok ma naġixxu bħal li kieku l-​futur tagħna jiddependi fuq li nkunu stabbiliti tajjeb f’did-dinja, se nemmnu l-​Kelma taʼ Jehovah meta tgħidilna li d-​dinja se tgħaddi kif ukoll ix-​xewqa tagħha, imma dak li jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.—1 Ġwann 2:17.

7. (a) Proverbji 16:16 kif jgħinna sabiex ikollna sens taʼ valuri bbilanċjat? (b) Liema premjijiet jiġu milli nagħmlu r-​rieda t’Alla ċ-​ċentru tal-​ħajjiet tagħna?

7 Proverbji 16:16 jinkuraġġina billi jistqarr b’verità: “Li tikseb l-​għerf [l-għerf li jibda bil-​biżaʼ taʼ Jehovah] huwa O kemm aħjar mid-​deheb! U li tikseb il-​fehma għandu jintgħażel iktar mill-​fidda.” Għerf u fehma bħal dawn se jqanqluna biex nagħmlu l-​attwâr tar-​rieda t’Alla ċ-​ċentru tal-​ħajjiet tagħna. U x’inhu x-​xogħol li Alla fada lix-​Xhieda tiegħu għal dan il-​perijodu fl-​istorja umana? Li jippridkaw dwar is-​Saltna tiegħu u li jgħinu lil uħud b’qalb onesta biex isiru dixxipli ġenwini taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Dan huwa xogħol li jrendi premjijiet taʼ sodisfazzjon veru u ħafna hena. B’raġuni tajba, allura, il-​Bibbja tgħid: “Hieni hu r-​raġel li sab l-​għerf.”—Proverbji 3:13.

Salvagwardja Kontra Għemil Ħażin

8. (a) Semmi benefiċċju ieħor li jiġi mill-​biżaʼ t’Alla. (b) Liema huwa l-​ħażen li minnu niġu ssalvagwardjati? (ċ) Il-​biżaʼ t’Alla kif isir forza qawwija li timmotivana?

8 Benefiċċju ieħor f’li nibżgħu minn Alla huwa li aħna b’hekk niġu ssalvagwardjati kontra li nagħmlu dak li huwa ħażin. Dawk li jirrispettaw profondament lil Alla ma jiddeċidux għalihom infushom dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. Ma jqisux bħala ħażin dak li Alla jgħid li huwa tajjeb, lanqas ma jikkunsidraw affarijiet li Alla jgħid li huma ħżiena bħala tajbin. (Salm 37:1, 27; Isaija 5:20, 21) Barra minn hekk, wieħed li hu mmotivat mill-​biżaʼ t’Alla ma jiqafx sempliċement b’li jkun jaf dak li Jehovah jgħid li huwa tajjeb u dak li jgħid li huwa ħażin. Bniedem bħal dan iħobb dak li Jehovah iħobb u jobgħod dak li Jehovah jobgħod. Bħala riżultat, jaġixxi f’armonija mal-​livelli t’Alla. B’hekk, bħalma jistqarr Proverbji 16:6, “fil-​biżaʼ taʼ Jehovah wieħed idur lil hinn mill-​ħażen.” Biżaʼ t’Alla bħal dan isir forza qawwija li timmotiva lil dak li jkun biex jikseb dak li ma jkunx jistaʼ jagħmel bis-​saħħa tiegħu stess.

9. Xewqa qawwija biex ma tagħtix dispjaċir lil Alla kif influwenzat id-​deċiżjoni taʼ waħda mara fil-​Messiku, u b’liema riżultat?

9 Saħansitra jekk il-​biżaʼ t’Alla jkun għadu jibda jiżviluppa f’individwu, jistaʼ jiffortifikah biex jevita li jagħmel xi ħaġa li jistaʼ jisgħobih dwarha għall-​bqija taʼ ħajtu. Per eżempju, mara tqila fil-​Messiku staqsiet lil waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah dwar l-​abort. Ix-​Xhud qrat bosta skritturi lil din il-​mara u mbagħad irraġunat: “Għall-​Ħallieq, il-​ħajja hija importanti ħafna, saħansitra l-​ħajja taʼ dawk li għadhom ma tweldux.” (Eżodu 21:22, 23; Salm 139:13-16) Eżami mediku kien issuġġerixxa li t-​tarbija tagħha setgħet ma tkunx normali. Imma issa, immotivata minn dak li kienet rat fil-​Kelma t’Alla, il-​mara ddeċidiet li twelled lit-​tarbija tagħha. It-​tabib tagħha rrifjuta li jerġaʼ jaraha, u żewġha hedded li jitlaqha, imma hi kienet soda. Eventwalment, welldet tifla​—normali, f’saħħitha, u sabiħa. Imqanqla bil-​gratitudni, għamlet tfittxija għax-​Xhieda, u huma bdew jistudjaw il-​Kelma t’Alla magħha. Fi żmien sena, hi u żewġha tgħammdu. F’konvenzjoni distrettwali xi ftit tas-​snin wara, huma thennew ħafna meta ltaqgħu mill-​ġdid max-​Xhud li kienet kelmitha l-​ewwel darba, u ntroduċewha mas-​sbejħa binthom t’erbaʼ snin. Rispett xieraq lejn Alla u xewqa qawwija li ma nagħtuhx dispjaċir, ċertament li jeżerċita influwenzi qawwijin fil-​ħajja taʼ dak li jkun.

10. Il-​biżaʼ t’Alla jistaʼ jiffortifika lin-​nies biex jinħelsu minn liema għamliet t’għemil ħażin?

10 Il-​biżaʼ t’Alla jiffortifikana kontra sfera wiesgħa t’għemejjel ħżiena. (2 Korintin 7:1) Meta jkun ikkultivat kif jixraq, jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex iwaqqaf dnubiet sigrieti, magħrufin biss minnu u minn Jehovah. Jistaʼ jgħinu jinħeles mill-​jasar għall-​abbuż taʼ l-​alkoħol jew l-​abbuż tad-​droga. Wieħed ex-drogat fl-​Afrika t’Isfel spjega: “Hekk kif ħadt għarfien dwar Alla, żviluppajt ukoll biżaʼ li nweġġgħu jew li nagħtih dispjaċir. Kont naf li kien qed jarani, u kelli xewqa kbira li nkun approvat quddiemu. Dan qanqalni biex neqred id-​drogi li kienu fil-​pussess tiegħi billi fflaxxjajthom fid-​WC.” Il-​biżaʼ t’Alla għen lil eluf t’oħrajn b’modi simili.—Proverbji 5:21; 15:3.

Protezzjoni Kontra Tregħid Mill-​Bnedmin

11. Biżaʼ bnin minn Jehovah kontra liema nasba komuni jistaʼ jissalvagwardjana?

11 Biżaʼ bnin minn Alla jissalvagwardjana wkoll kontra biżaʼ mill-​bniedem. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies huma maħkumin minn biżaʼ mill-​bniedem xi ftit jew wisq. Saħansitra l-​appostli taʼ Ġesù Kristu abbandunawh u ħarbu meta hu ġie maħtuf mis-​suldati fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Iktar tard, fil-​bitħa tal-​qassis il-​kbir, żbilanċjat u maħkum mill-​biżaʼ, Pietru ċaħad li kien wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù u li saħansitra kien jafu. (Mark 14:48-50, 66-72; Ġwann 18:15-27) Imma l-​appostli ġew mgħejjunin biex jiksbu mill-​ġdid il-​bilanċ spiritwali. Mill-​banda l-​oħra, fi żmien is-​Sultan Ġeħojakim, Urija bin Xemija tant ġie maħkum mill-​biżaʼ li abbanduna s-​servizz tiegħu bħala profeta taʼ Jehovah u ħarab mill-​pajjiż, sempliċement biex inħataf u nqatel xorta waħda.—Ġeremija 26:20-23.

12. (a) Proverbji 29:25 jipponta lejn liema protezzjoni kontra l-​biżaʼ mill-​bniedem? (b) Fiduċja f’Alla kif tiġi żviluppata?

12 X’jistaʼ jgħin lil individwu biex jegħleb il-​biżaʼ mill-​bniedem? Wara li wissa illi “li titriegħed min-​nies huwa dak li jqiegħed nassa,” Proverbji 29:25 iżid: “Dak li qiegħed jafda f’Jehovah se jkun protett.” Fiduċja f’Jehovah hija l-​muftieħ. Fiduċja bħal din hija bbażata fuq għarfien u esperjenza. Billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu, naraw evidenza taʼ kemm huma sewwa l-​mogħdijiet taʼ Jehovah. Insiru midħla maʼ ġrajjiet li juru kemm hu taʼ min joqgħod fuqu, iċ-​ċertezza tal-​wegħdi tiegħu (inkluża dik taʼ l-​irxoxt), imħabbtu u l-​qawwa tiegħu li tistaʼ kollox. Imbagħad meta naġixxu fuq dak l-​għarfien, billi nagħmlu l-​affarijiet li jindika Jehovah u b’mod sod nirrifjutaw dak li kontra tiegħu jwissina, nibdew nesperjenzaw għalina nfusna l-​ħarsien tiegħu taʼ mħabba u kemm hu taʼ min joqgħod fuqu. Aħna personalment naraw evidenza li l-​qawwa tiegħu ssir operattiva biex twettaq ir-​rieda tiegħu. Il-​fiduċja tagħna fih tikber u, magħha, imħabbitna għalih u x-​xewqa serja tagħna biex nevitaw li nagħtuh dispjaċir. Fiduċja bħal din hija mibnija fuq pedament solidu. Isservi bħala tarka kontra l-​biżaʼ mill-​bniedem.

13. Il-​biżaʼ t’Alla kif jistaʼ jgħinna fix-​xogħol sekulari tagħna, fid-​dar, u fl-​iskola?

13 Li aħna nafdaw f’Jehovah, flimkien mal-​biżaʼ t’Alla, se jagħmilna sodi għal dak li huwa sewwa jekk dak li jħaddimna jheddidna bit-​telfien taʼ l-​impjieg tagħna jekk nirrifjutaw li nipparteċipaw fi prattiċi diżonesti tan-​negozju. (Qabbel Mikea 6:11, 12.) Biżaʼ t’Alla bħal dan jgħin lil bosta eluf taʼ Kristjani biex jipperseveraw fil-​qima vera minkejja oppożizzjoni minn membri tal-​familja li ma jemmnux. Jagħti wkoll lil żgħażagħ li jattendu l-​iskola l-​kuraġġ biex jidentifikaw lilhom infushom bħala Xhieda taʼ Jehovah, u jiffortifikahom biex ikampaw maʼ redikolar minn sħabhom tal-​klassi li jwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​livelli tal-​Bibbja. B’hekk, waħda Xhud li hi teenager qalet: “Dak li jaħsbu huma m’huwiex importanti. Dak li jaħseb Jehovah jgħodd.”

14. Il-​qaddejja taʼ Jehovah kif jistgħu joħorġu rebbiħin saħansitra meta l-​ħajjiet tagħhom huma mheddin?

14 Dik l-​istess konvinzjoni ssaħħaħ Kristjani veri biex iżommu sod mal-​mogħdijiet taʼ Jehovah saħansitra meta l-​ħajjiet tagħhom huma mheddin. Jafu li jridu jistennew persekuzzjoni mid-​dinja. Jirrealizzaw li l-​appostli ġew imsawtin u li Ġesù Kristu nnifsu kien imsawwat u maqtul minn bnedmin mill-​agħar. (Mark 14:65; 15:15-39; Atti 5:40; qabbel Danjel 3:16-18.) Imma l-​qaddejja taʼ Jehovah għandhom fiduċja sħiħa li hu jistaʼ jsaħħaħhom biex jissaportu; li bl-​għajnuna t’Alla jistgħu joħorġu rebbiħin; li mingħajr ma jonqos Jehovah se jippremja lil dawk li huma leali​—jekk ikun hemm bżonn saħansitra b’irxoxt għall-​ħajja fid-​dinja ġdida tiegħu. L-​imħabba tagħhom għal Alla flimkien maʼ biżaʼ minnu jimmotivawhom b’mod qawwi biex jevitaw li jagħmlu kwalunkwe ħaġa li tagħtih dispjaċir.

15. Liema ħaġa għamlet possibbli għax-​Xhieda taʼ Jehovah li jżommu l-​integrità tagħhom fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi?

15 Din il-​motivazzjoni għamlitu possibbli li x-​Xhieda taʼ Jehovah jissaportu t-​terruri tal-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi matul is-​snin tletin u s-​snin erbgħin. Huma daħħlu f’qalbhom il-​parir taʼ Ġesù misjub f’Luqa 12:4, 5: “Ngħidilkom, ħbieb tiegħi, Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-​ġisem u wara dan m’għandhom il-​ħila jagħmlu xejn iktar. Imma jien se nindikalkom minn min tridu tibżgħu: Ibżgħu minn dak li wara li joqtol għandu l-​awtorità li jitfaʼ ġo Geħenna. Iva, ngħidilkom, ibżgħu minn dan il-​Wieħed.” B’hekk, Gustav Auschner, Xhud li kien fil-​kamp tal-​konċentrament taʼ Sachsenhausen, iktar tard kiteb: ‘L-​SS sparaw lil August Dickmann u heddew li jisparaw lilna li kien baqaʼ jekk ma konniex se niffirmaw dokument biex nirrinunzjaw il-​fidi tagħna. Ħadd minna ma ffirma. Konna iżjed nibżgħu li nagħtu dispjaċir lil Jehovah milli mill-​balal tagħhom.’ Biżaʼ mill-​bniedem iwassal għal kompromess, imma biżaʼ minn Alla jagħmel lil dak li jkun reżolut għal dak li huwa sewwa.

L-​Ippreservar Tal-​Ħajja

16. Liema ħaġa għamlet possibbli għal Noè li jżomm korsa xierqa għal għaxriet taʼ snin sa l-​Għarqa, u x’kien ir-​riżultat għalih u għall-​familja tiegħu?

16 Noè għex matul l-​aħħar jiem tad-​dinja taʼ qabel id-​dilluvju. Jehovah kien iddetermina li jeqred lid-​dinja mill-​agħar taʼ dak iż-​żmien minħabba l-​ħażen tal-​bniedem. Sadattant, madankollu, Noè kien f’dik id-​dinja li kienet mimlija vjolenza, immoralità vulgari, u indifferenza lejn ir-​rieda divina. Minkejja l-​ippridkar taʼ tjieba taʼ Noè, “ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mattew 24:39) Madankollu Noè ma ġiex imfixkel mix-​xogħol li Alla poġġa quddiemu. Għamel “skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Hu għamel sewwa sew hekk.” (Ġenesi 6:22) X’żamm lil Noè fuq korsa tajba sena wara sena sakemm ġiet l-​Għarqa? Ebrej 11:7 jwieġeb: “Bil-​fidi Noè, wara li ngħata twissija divina t’affarijiet li kienu għadhom ma ntlemħux, wera biżaʼ t’Alla.” Bħala riżultat, hu u martu u wliedu subjien u n-​nisa tagħhom ġew ippreservati matul l-​Għarqa.

17. (a) Jagħmlu x’jagħmlu nies oħrajn, aħna x’għandna nagħmlu? (b) Dawk li jibżgħu minn Jehovah għala huma n-​nies verament henjin?

17 Aħna ngħixu f’perijodu simili f’ħafna aspetti għal żmien Noè. (Luqa 17:26, 27) Mill-​ġdid twissija qiegħda tingħata. Rivelazzjoni 14:6, 7 jitkellem dwar anġlu jittajjar f’nofs is-​sema li jħeġġeġ lil nies minn kull ġens u tribù u lsien biex ‘jibżgħu minn Alla u jagħtuh glorja.’ Tagħmel x’tagħmel id-​dinja taʼ madwarek, agħti kas dak il-​kliem, u mbagħad estendi l-​istedina lil oħrajn. Bħal Noè, aġixxi bil-​fidi u uri biżaʼ t’Alla. Li tagħmel dan jistaʼ jwassal għall-​preservazzjoni taʼ ħajtek u l-​ħajjiet taʼ ħafna oħrajn. Hekk kif nikkontemplaw il-​benefiċċji gawduti minn dawk li jibżgħu minn dak Alla veru, aħna ma nistgħux ma naqblux mas-​salmista mnebbaħ li kanta: “Hieni hu l-​bniedem fil-​biżaʼ taʼ Jehovah, li fil-​kmandamenti tiegħu hu sab għaxqa kbira ferm.”—Salm 112:1. (w95 3/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Liema huma xi benefiċċji notevoli li jiġu mill-​biżaʼ taʼ dak Alla veru?

◻ L-​għerf li għandu l-​għeruq tiegħu fil-​biżaʼ t’Alla kif jistaʼ jipproteġina?

◻ Il-​biżaʼ t’Alla għala jġegħilna nduru lil hinn mill-​ħażen?

◻ Il-​biżaʼ t’Alla kif jipproteġina kontra l-​biżaʼ mill-​bniedem?

◻ Il-​biżaʼ t’Alla x’konnessjoni għandu mal-​prospetti tal-​ħajja tagħna għall-​futur?

[Stampi f’paġni 16, 17]

“Hieni hu l-​bniedem fil-​biżaʼ taʼ Jehovah, li fil-​kmandamenti tiegħu hu sab għaxqa kbira ferm.”—Salm 112:1

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja