LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 7/1 pp. 19-26
  • “L-Iżrael t’Alla” u l-“Folla Kbira”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “L-Iżrael t’Alla” u l-“Folla Kbira”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​“Folla Kbira”
  • “Saltna Taʼ Qassisin” Tipika
  • Stranġieri F’Iżrael
  • Il-​Ġens Spiritwali
  • Twettieq Tas-​Sema
  • Abitanti Flimkien f’“Pajjiż” Restawrat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Xhieda Kristjani b’Ċittadinanza tas-Sema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Saċerdozju Rjali li Se Jkun taʼ Ġid għall-Umanità Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Ċittadini jew Barrani, Alla Jagħtik Merħba!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 7/1 pp. 19-26

“L-​Iżrael t’Alla” u l-​“Folla Kbira”

“Rajt, u, ħares! folla kbira, li l-​ebda bniedem ma kellu l-​ħila jgħodd.”—RIVELAZZJONI 7:9.

1-3. (a) Kristjani midlukin liema prospetti glorjużi tas-​sema għandhom? (b) Satana kif ipprova jeqred lill-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu? (ċ) X’ġara fl-​1919 li wera li l-​isforzi taʼ Satana biex jikkorrompi l-​kongregazzjoni Kristjana midluka fallew?

IT-​TISJIS taʼ “l-​Iżrael t’Alla” fit-​33 E.K. kien pass ewlieni fit-​twettieq taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah. (Galatin 6:16) Il-​membri midlukin tiegħu għandhom it-​tama li jkunu ħlejjaq spirti mmortali u li jsaltnu maʼ Kristu fis-​Saltna tas-​sema t’Alla. (1 Korintin 15:50, 53, 54) F’dik il-​pożizzjoni għandhom parti importanti f’li jqaddsu isem Jehovah u f’li jgħaffġu ras l-​Avversarju l-​kbir, Satana x-​Xitan. (Ġenesi 3:15; Rumani 16:20) Mhux taʼ b’xejn li Satana għamel kulma setaʼ biex jeqred lil din il-​kongregazzjoni ġdida, kemm billi ppersegwitaha kif ukoll billi pprova jikkorrompiha!—2 Timotew 2:18; Ġuda 4; Rivelazzjoni 2:10.

2 Waqt li l-​appostli kienu ħajjin, Satana ma setax jirnexxi. Wara mewthom, madankollu, l-​apostasija nfirxet bla rażan. Eventwalment, f’għajnejn il-​bnedmin, il-​kongregazzjoni Kristjana pura msejsa minn Ġesù dehret li ġiet korrotta meta Satana pproduċa l-​imitazzjoni reliġjuża apostata u ferm inferjuri magħrufa llum bħala l-​Kristjaneżmu. (2 Tessalonkin 2:3-8) Minkejja dan, il-​vera Kristjanità ppersistiet.—Mattew 28:20.

3 Ġesù, fit-​tixbieha tiegħu tal-​qamħ u l-​ħaxix ħażin, bassar li l-​veri Kristjani kellhom jikbru għal xi żmien flimkien mal-​“ħaxix ħażin,” jew Kristjani foloz; u dan seħħ. Imma qal ukoll li matul l-​aħħar jiem, “ulied is-​saltna” kellhom għal darb’oħra jkunu viżibilment separati mill-​“ħaxix ħażin.” (Mattew 13:36-43) Dan ukoll ta prova li kien veru. Fl-​1919 Kristjani midlukin ġenwini ħarġu mill-​jasar taʼ Babilonja. Huma kienu rrikonoxxuti b’mod divin bħala “l-​irsir leali u diskret,” u bil-​qlubija bdew jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mattew 24:14, 45-47; Rivelazzjoni 18:4) Kważi kollha kienu Ġentili; imma minħabba li kellhom il-​fidi t’Abraham, kienu fir-​realtà ‘nisel Abraham.’ Kienu membri taʼ “l-​Iżrael t’Alla.”—Galatin 3:7, 26-29.

Il-​“Folla Kbira”

4. Liema grupp taʼ Kristjani sar evidenti, b’mod partikulari fis-​snin tletin?

4 Inizjalment, dawk li wieġbu għall-​ippridkar taʼ dawn il-​Kristjani midlukin ukoll saru Iżraeliti spiritwali, il-​fdal tal-​144,000, b’tama għas-​sema. (Rivelazzjoni 12:17) Madankollu, partikolarment fis-​snin tletin, grupp ieħor sar evidenti. Dawn kienu identifikati man-​“ngħaġ oħrajn” tat-​tixbieha taʼ l-​imqajel. (Ġwann 10:16) Kienu dixxipli taʼ Kristu bit-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Kienu n-​nisel spiritwali, biex ngħidu hekk, tal-​Kristjani midlukin. (Isaija 59:21; 66:22; qabbel 1 Korintin 4:15, 16.) Huma rrikonoxxew lill-​kongregazzjoni Kristjana midluka bħala l-​irsir leali u diskret, u bħal ħuthom il-​midlukin, kellhom imħabba profonda għal Jehovah, fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, żelu biex ifaħħru lil Alla, u volontà li jsofru minħabba t-​tjieba.

5. Il-​pożizzjoni tan-​ngħaġ l-​oħrajn kif saret mifhuma aħjar b’mod progressiv?

5 Għall-​ewwel il-​pożizzjoni taʼ dawn in-​ngħaġ oħrajn ma kenitx mifhuma tajjeb, imma mal-​medda taż-​żmien, l-​affarijiet iċċaraw. Fl-​1932 Kristjani midlukin kienu nkuraġġiti biex iħeġġu lil ngħaġ oħrajn biex jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar​—xi ħaġa li ħafna ngħaġ oħrajn kienu diġà qegħdin jagħmlu. Fl-​1934 ngħaġ oħrajn kienu nkuraġġiti biex jaċċettaw il-​magħmudija taʼ l-​ilma. Fl-​1935 ġew identifikati mal-​“folla kbira” taʼ Rivelazzjoni kapitlu 7. Fl-​1938 ġew mistednin biex jattendu għall-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu bħala osservaturi. Fl-​1950 sar mifhum li rġiel maturi fosthom kienu fost il-​“prinċpijiet” li jaqdu bħala “post taʼ moħba mir-​riħ u post taʼ satra mill-​maltempata tax-​xita.” (Salm 45:16; Isaija 32:1, 2) Fl-​1953, l-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art​—li l-​parti l-​kbira minnha sa dak iż-​żmien kienet ifformata minn ngħaġ oħrajn—​dehret bħala n-​nukleu tas-​soċjetà taʼ l-​art li kellha teżisti fid-​dinja l-​ġdida. Fl-​1985 kien mifhum li fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, ngħaġ oħrajn huma ddikjarati twajbin bħala ħbieb t’Alla u bi prospett li jibqgħu ħajjin wara Armageddon.

6. Liema huma l-​pożizzjonijiet relattivi tal-​midlukin u n-​ngħaġ l-​oħrajn illum, li jwasslu għal liema mistoqsijiet?

6 S’issa, f’din l-​aħħar parti taʼ “l-​aħħar jiem,” il-​maġġoranza l-​kbira tal-​144,000 mietu u ħadu l-​premju tagħhom tas-​sema. (2 Timotew 3:1; Rivelazzjoni 6:9-11; 14:13) Kristjani b’tama għall-​art issa jagħmlu l-​biċċa l-​kbira mill-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba, u jqisuh bħala privileġġ li jappoġġjaw lill-​aħwa midlukin taʼ Ġesù f’dan. (Mattew 25:40) Madankollu, dawn l-​uħud midlukin huma l-​irsir leali u diskret li permezz tiegħu ikel spiritwali ġie pprovdut matul dawn l-​aħħar jiem. X’se tkun is-​sitwazzjoni tan-​ngħaġ oħrajn meta l-​midlukin kollha jkunu ħadu l-​premju tagħhom tas-​sema? Xi provvedimenti se jintgħamlu mbagħad għan-​ngħaġ oħrajn? Ħarsa ħafifa lejn Iżrael tal-​qedem se tgħinna nwieġbu dawk il-​mistoqsijiet.

“Saltna Taʼ Qassisin” Tipika

7, 8. Iżrael tal-​qedem sa liema punt kien saltna taʼ qassisin u ġens qaddis taħt il-​patt tal-​Liġi?

7 Meta Jehovah għażel lil Iżrael bħala l-​ġens speċjali tiegħu, għamel patt magħhom, billi qal: “Jekk strettament se tobdu leħni u tabilħaqq se żżommu l-​patt tiegħi, imbagħad ċertament li se ssiru l-​propjetà speċjali tiegħi minn fost il-​popli l-​oħrajn kollha, għaliex l-​art kollha kemm hi tappartjeni lili. U intom infuskom se ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Iżrael kien il-​poplu speċjali taʼ Jehovah fuq il-​bażi tal-​patt tal-​Liġi. Kif, iżda, kienet se titwettaq il-​wegħda li tinvolvi saltna taʼ qassisin u ġens qaddis?

8 Iżrael, meta kienu leali, irrikonoxxew is-​sovranità taʼ Jehovah u aċċettawh bħala s-​Sultan tagħhom. (Isaija 33:22) B’hekk, kienu saltna. Imma, bħalma ġie rrivelat iktar tard, il-​wegħda dwar “saltna” kellha tfisser saħansitra iżjed minn dak. Jerġaʼ, meta obdew il-​Liġi taʼ Jehovah, kienu ndaf, separati mill-​ġnus taʼ madwarhom. Kienu ġens qaddis. (Dewteronomju 7:5, 6) Kienu huma saltna taʼ qassisin? Sewwa, f’Iżrael it-​tribù taʼ Levi kien imħolli għal servizz fit-​tempju, u f’dak it-​tribù kien hemm is-​saċerdozju Levitiku. Meta kienet inawgurata l-​Liġi Mosajka, irġiel Leviti ttieħdu minflok l-​ewwel imweldin taʼ kull familja li ma kenitx Levita.a (Eżodu 22:29; Numri 3:11-16, 40-51) B’hekk, kull familja f’Iżrael kienet, biex ngħidu hekk, irrappreżentata fis-​servizz tat-​tempju. Dan kien l-​eqreb li l-​ġens resaq lejn li jkun saċerdozju. Madankollu, huma rrappreżentaw lil Jehovah quddiem il-​ġnus. Kwalunkwe stranġier li xtaq iqim lil dak Alla veru kellu jagħmel dan fi sħubija maʼ Iżrael.—2 Kronaki 6:32, 33; Isaija 60:10.

9. X’ġiegħel lil Jehovah jirrifjuta lis-​saltna tat-​Tramuntana taʼ Iżrael ‘milli taqdi bħala qassis għalih’?

9 Wara l-​mewt taʼ Salamun, il-​poplu t’Alla nqasam fil-​ġens tat-​Tramuntana taʼ Iżrael taħt is-​Sultan Ġeroboam u l-​ġens tan-​Nofs in-Nhar taʼ Ġuda taħt is-​Sultan Reħoboam. Ladarba t-​tempju, iċ-​ċentru tal-​qima pura, kien fit-​territorju taʼ Ġuda, Ġeroboam istitwixxa għamla llegali taʼ qima billi waqqaf xbihat t’għoġġiela fit-​territorju nazzjonali tiegħu stess. Jerġaʼ, “hu beda jagħmel dar taʼ postijiet għoljin u jagħmel qassisin min-​nies inġenerali, li ma nzertawx li jkunu minn ulied Levi.” (1 Slaten 12:31) Il-​ġens tat-​Tramuntana għodos iżjed fil-​fond fil-​qima falza meta s-​Sultan Aħab ħalla lill-​mara stranġiera tiegħu, Ġeżebel, tistabbilixxi l-​qima taʼ Baal fil-​pajjiż. Finalment, Jehovah ippronunzja ġudizzju fuq is-​saltna ribelluża. Permezz taʼ Ħosea, qal: “Il-​poplu tiegħi ċertament li se jiġi msikket, għaliex m’hemm ebda għarfien. Peress li l-​għarfien huwa dak li int innifsek irrifjutajt, jien ukoll se nirrifjutak milli taqdi bħala qassis għalija.” (Ħosea 4:6) Ftit wara, l-​Assirjani qerdu s-​saltna tat-​Tramuntana taʼ Iżrael.

10. Is-​saltna tan-​Nofs in-​Nhar taʼ Ġuda, meta kienet leali, kif irrappreżentat lil Jehovah quddiem il-​ġnus?

10 Xi ngħidu dwar il-​ġens tan-​Nofs in-​Nhar, Ġuda? Fil-​jiem taʼ Ħeżekija, Jehovah qalilhom permezz taʼ Isaija: “Intom ix-​xhieda tiegħi, . . . saħansitra l-​qaddej tiegħi li lilu jien għażilt, . . . il-​poplu li lilu jien sawwart għalija nnifsi, sabiex jirrakkontaw it-​tifħir tiegħi.” (Isaija 43:10, 21; 44:21) Meta kienet leali, is-​saltna tan-​Nofs in-​Nhar serviet biex tipproklama lill-​ġnus il-​glorja taʼ Jehovah u biex tattira wħud taʼ qalb sinċiera biex iqimuh fit-​tempju tiegħu u jkunu mministrati mis-​saċerdozju leġittimu Levita.

Stranġieri F’Iżrael

11, 12. Semmi ftit stranġieri li ġew biex jaqdu lil Jehovah fi sħubija maʼ Iżrael.

11 Inkwantu għall-​istranġieri li wieġbu għal din ix-​xiehda nazzjonali, sar provvediment għalihom fil-​Liġi mogħtija permezz taʼ Mosè​—li martu, Żippora, kienet Midjanita. “Kumpanija vasta mħallta” taʼ nies li ma kinux Iżraeliti ħallew l-​Eġittu maʼ Iżrael u kienu preżenti meta ngħatat il-​Liġi. (Eżodu 2:16-22; 12:38; Numri 11:4) Raħab u l-​familja tagħha ġew salvati minn Ġeriko u iktar tard ġew aċċettati fil-​kongregazzjoni Lhudija. (Ġożwè 6:23-25) Ftit wara, il-​Gibjoniti għamlu paċi maʼ Iżrael u ngħataw xogħlijiet f’konnessjoni mat-​tabernaklu.—Ġożwè 9:3-27; ara wkoll 1 Slaten 8:41-43; Ester 8:17.

12 Eventwalment, stranġieri qdew f’pożizzjonijiet għoljin. Urija l-​Ħitti, ir-​raġel taʼ Batxeba, kien magħdud fost “l-​irġiel setgħanin” taʼ David, bħalma kien ukoll Żelek l-​Ammonit. (1 Kronaki 11:26, 39, 41; 2 Samwel 11:3, 4) Ebedmelek, Etjopjan, qeda fil-​palazz u kellu aċċess għas-​sultan. (Ġeremija 38:7-9) Wara li Iżrael irritornaw mill-​eżilju fil-​Babilonja, Netinim li ma kinux Iżraeliti ngħataw responsabbiltà miżjuda f’li jassistu lill-​qassisin. (Eżra 7:24) Peress li għadd minn dawn l-​istranġieri, jew residenti barranin leali, huma meqjusin bħala li jiffiguraw bil-​quddiem lill-​folla l-​kbira llum, is-​sitwazzjoni tagħhom hija taʼ interess għalina.

13, 14. (a) X’kienu l-​privileġġi u r-​responsabbiltajiet taʼ prożeliti f’Iżrael? (b) L-​Iżraeliti kif kellhom iqisu lil prożeliti leali?

13 Uħud bħal dawn kienu prożeliti, adoraturi ddedikati taʼ Jehovah taħt il-​Liġi Mosajka li kienu sseparati mill-​ġnus flimkien maʼ l-​Iżraeliti. (Levitiku 24:22) Huma offrew sagrifiċċji, żammew ’il bogħod minn qima falza, u astjenew mid-​demm, sewwa sew bħalma għamlu l-​Iżraeliti. (Levitiku 17:10-14; 20:2) Għenu fil-​bini tat-​tempju taʼ Salamun u ngħaqdu fir-​restawrar tal-​qima vera taħt is-​Sultan Asa u s-​Sultan Ħeżekija. (1 Kronaki 22:2; 2 Kronaki 15:8-14; 30:25) Meta Pietru uża l-​ewwel muftieħ tas-​Saltna f’Pentekostè tat-​33 E.K., kliemu kien mismugħ minn ‘Lhud u prożeliti li ma kinux Lhud.’ Possibilment, xi wħud mit-​tlett elef mgħammdin dak in-​nhar kienu prożeliti. (Atti 2:10, 41) Ftit wara, prożelit Etjopjan ġie mgħammed minn Filippu​—qabel Pietru uża l-​aħħar muftieħ tas-​Saltna maʼ Korneljus u l-​familja tiegħu. (Mattew 16:19; Atti 8:26-40; 10:30-48) Jidher ċar li l-​prożeliti ma kinux meqjusin bħala Ġentili.

14 Minkejja dan, il-​pożizzjoni tal-​prożeliti fil-​pajjiż ma kenitx bħal dik taʼ Iżraelit imwieled fil-​post. Il-​prożeliti ma qdewx bħala qassisin, u l-​ewwel imweldin tagħhom ma kinux irrappreżentati fis-​saċerdozju Levitiku.b U prożeliti ma kellhomx wirt taʼ l-​art f’Iżrael. Xorta waħda, l-​Iżraeliti kienu kkmandati biex juru konsiderazzjoni lejn prożeliti leali u biex iqisuhom bħala aħwa.—Levitiku 19:33, 34.

Il-​Ġens Spiritwali

15. X’irriżulta meta Iżrael naturali rrifjuta li jaċċetta lill-​Messija?

15 Il-​Liġi kienet imfassla biex iżżomm lil Iżrael indaf, separati mill-​ġnus taʼ madwarhom. Imma din qdiet skop ieħor. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​Liġi saret it-​tutriċi tagħna li twassal għal Kristu, biex nistgħu niġu ddikjarati twajbin minħabba l-​fidi.” (Galatin 3:24) B’sogħba, il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​Iżraeliti naqsu li jiġu mmexxijin lejn Kristu permezz tal-​Liġi. (Mattew 23:15; Ġwann 1:11) Mela Alla Jehovah irrifjuta lil dak il-​ġens u ġiegħel lill-​“Iżrael t’Alla” jitwieled. Barra minn hekk, hu estenda lil nies li ma kinux Lhud l-​istedina biex isiru ċittadini kompleti għalkollox f’dan l-​Iżrael il-​ġdid. (Galatin 3:28; 6:16) Huwa fuq dan il-​ġens il-​ġdid li l-​wegħda taʼ Jehovah f’Eżodu 19:5, 6 dwar saċerdozju rjali għandha t-​twettieq finali taʼ l-​għaġeb tagħha. Kif?

16, 17. Kristjani midlukin fuq l-​art f’liema sens huma ‘rjali’? “saċerdozju”?

16 Pietru kkwota Eżodu 19:6 meta kiteb lil Kristjani midlukin taʼ żmienu: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu għal pussess speċjali.’” (1 Pietru 2:9) Dan x’ifisser? Huma l-​Kristjani midlukin fuq l-​art slaten? Le, l-​istat taʼ slaten tagħhom għadu futur. (1 Korintin 4:8) Minkejja dan, huma “rjali” fis-​sens li huma mmarkati għal privileġġi rjali futuri. Saħansitra issa huma ġens taħt sultan, Ġesù, maħtur mis-​Sovran il-​Kbir, Alla Jehovah. Pawlu kiteb: “[Jehovah] ħelisna mill-​awtorità tad-​dlam u ttrasferiena għal ġos-​saltna taʼ l-​Iben taʼ mħabbtu.”—Kolossin 1:13.

17 Huma l-​Kristjani midlukin fuq l-​art saċerdozju? F’ċertu sens, iva. Bħala kongregazzjoni, jaqdu funzjoni saċerdotali indisputibbli. Pietru spjega dan meta qal: “Intom infuskom . . . qegħdin tinbnew dar spiritwali bl-​iskop taʼ saċerdozju qaddis.” (1 Pietru 2:5; 1 Korintin 3:16) Illum, il-​fdal taʼ Kristjani midlukin bħala ġemgħa huma “l-​irsir leali u diskret,” il-​mezz għad-​distribuzzjoni taʼ ikel spiritwali. (Mattew 24:45-47) Bħalma kien il-​każ f’Iżrael tal-​qedem, kulmin jixtieq iqim lil Jehovah irid jagħmel dan fi sħubija maʼ dawn il-​Kristjani midlukin.

18. Bħala saċerdozju, il-​kongregazzjoni Kristjana midluka fuq l-​art għandha liema responsabbiltà primarja?

18 Barra minn hekk, Kristjani midlukin ħadu l-​post taʼ Iżrael fil-​privileġġ taʼ l-​għoti taʼ xiehda dwar il-​kobor taʼ Jehovah fost il-​ġnus. Il-​kuntest juri li meta Pietru sejjaħ lil Kristjani midlukin saċerdozju rjali, kellu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’moħħu. Tabilħaqq, hu għaqqad fi kwotazzjoni waħda l-​wegħda taʼ Jehovah f’Eżodu 19:6 mal-​kliem Tiegħu lil Iżrael f’Isaija 43:21 meta qal: “Intom . . . ‘saċerdozju rjali, . . . [sa]biex tiddikjaraw barra l-​pajjiż l-​affarijiet eċċellenti’ tal-​wieħed li sejħilkom ’il barra mid-​dlam għal ġod-​dawl taʼ l-​għaġeb tiegħu.” (1 Pietru 2:9) F’armonija maʼ dan, Pawlu tkellem dwar id-​dikjarazzjoni taʼ l-​affarijiet eċċellenti taʼ Jehovah bħala sagrifiċċju tat-​tempju. Kiteb: “Permezz [taʼ Ġesù] ejjew dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.”—Ebrej 13:15.

Twettieq Tas-​Sema

19. Liema huwa t-​twettieq finali u grandjuż tal-​wegħda li Iżrael kellu jkun saltna taʼ qassisin?

19 Madankollu, Eżodu 19:5, 6 fl-​aħħarnett għandu twettieq bil-​wisq iżjed glorjuż. Fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, l-​appostlu Ġwanni jismaʼ ħlejjaq tas-​sema japplikaw din l-​iskrittura hekk kif ifaħħru lil Ġesù rxoxtat: “Int kont imbiċċer u b’demmek xtrajt persuni għal Alla minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilthom biex ikunu saltna u qassisin għal Alla tagħna, u jridu jaħkmu bħala slaten għal fuq l-​art.” (Rivelazzjoni 5:9, 10) Fis-​sens finali tiegħu, imbagħad, is-​saċerdozju rjali huwa s-​Saltna tas-​sema t’Alla, l-​awtorità renjanti li għaliha Ġesù għallimna nitolbu. (Luqa 11:2) Il-​144,000 Kristjani midlukin kollha li jissaportu leali sat-​tmiem se jkollhom parti f’dak l-​arranġament tas-​Saltna. (Rivelazzjoni 20:4, 6) Xi twettieq taʼ l-​għaġeb tal-​wegħda li saret tant żmien twil ilu permezz taʼ Mosè!

20. Liema mistoqsija għadha trid titwieġeb?

20 Dan kollu x’għandu x’jaqsam mas-​sitwazzjoni tal-​folla l-​kbira u l-​futur tagħhom meta l-​midlukin kollha jkunu rċevew il-​wirt taʼ l-​għaġeb tagħhom? Dan se jsir ċar fl-​artiklu finali taʼ din is-​serje. (w95 7/1)

[Noti taʼ taħt]

a Meta ġie inawgurat is-​saċerdozju taʼ Iżrael, l-​ulied subjien imweldin l-​ewwel tat-​tribujiet taʼ Iżrael li ma kinux Leviti u l-​irġiel tat-​tribù taʼ Levi ġew magħdudin. Kien hemm 273 iżjed imweldin l-​ewwel milli rġiel Leviti. Għalhekk, Jehovah ordna li ħames ixkla għal kull wieħed mill-​273 għandhom jitħallsu bħala rahan għaż-​żejda.

b Il-kotra vasta mħallta taʼ nies li ma kinux Iżraeliti kienu preżenti meta l-​Liġi ġiet inawgurata fl-​1513 Q.E.K., imma l-​ewwel imweldin tagħhom ma kinux ġew inklużi meta l-​Leviti ttieħdu bħala kambju għall-​ewwel imweldin taʼ Iżrael. (Ara paragrafu 8.) Għalhekk, il-​Leviti ma ttiħdux bħala kambju għall-​ewwel imweldin taʼ dawn in-​nies li ma kinux Iżraeliti.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Il-​pożizzjoni tan-​ngħaġ l-​oħrajn kif saret mifhuma aħjar b’mod progressiv?

◻ Jehovah għala rrifjuta s-​saltna tat-​Tramuntana taʼ Iżrael milli taqdi bħala qassis għalih?

◻ Meta kien leali, x’kienet il-​pożizzjoni taʼ Ġuda quddiem il-​ġnus?

◻ X’kienet il-​pożizzjoni taʼ prożeliti leali f’Iżrael?

◻ Il-​kongregazzjoni midluka kif taqdi bħala saltna taʼ qassisin?

[Stampa f’paġna 24]

Bħala saċerdozju rjali, Kristjani midlukin jiddikjaraw il-​glorja taʼ Jehovah fuq l-​art

[Stampa f’paġna 26]

It-​twettieq finali t’Eżodu 19:6 huwa s-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja