LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 8/1 pp. 19-20
  • Il-Qtugħ mis-Sħubija—Provvediment taʼ Mħabba?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Qtugħ mis-Sħubija—Provvediment taʼ Mħabba?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala L-​Protezzjoni Hija Neċessarja
  • Kif Il-​Qtugħ Mis-​Sħubija Huwa Taʼ Mħabba
  • L-​Effett Fuq Oħrajn
  • Għajnuna Taʼ Mħabba Għall-​Membri Tal-​Familja
  • Apprezza L-​Provvediment Taʼ Jehovah
  • Dejjem Aċċetta d-Dixxiplina taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Li wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija hu att taʼ mħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Inżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 8/1 pp. 19-20

Il-​Qtugħ mis-​Sħubija—Provvediment taʼ Mħabba?

“QADDIS, qaddis, qaddis hu Alla Jehovah, li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 4:8) Fi qbil maʼ dik id-​deskrizzjoni, Jehovah hu s-​Sors taʼ livelli qaddisin. Dawn huma mniżżlin fil-​“kitbiet qaddisin,” u l-​Kristjani huma obbligati li jsegwu dawn il-​linji taʼ gwida. Tabilħaqq, iridu jevitaw kwalunkwe ħaġa m’hijiex nadifa f’għajnejn Jehovah.—2 Timotew 3:15; Isaija 52:11.

Il-Bibbja tikkmanda b’mod ċar: “Fi qbil mal-​Wieħed Qaddis li sejħilkom, siru intom ukoll qaddisin fil-​kondotta tagħkom kollha, għaliex huwa miktub: ‘Tridu tkunu qaddisin, għaliex jien qaddis.’” (1 Pietru 1:15, 16) Minn mindu l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet fl-​eżistenza 19-il seklu ilu, il-​veri Kristjani għamlu ġlieda iebsa biex ipproteġewha minn nuqqas taʼ ndafa spiritwali u morali.—Ġuda 3.

Għala L-​Protezzjoni Hija Neċessarja

Il-​qaddejja kollha t’Alla jiffaċċjaw l-​isfida li jżommu moralment u spiritwalment nodfa. Minħabba f’hekk, tliet għedewwa potenti jridu jiġu reżistiti​—Satana, id-​dinja tiegħu, u l-​inklinazzjonijiet midinbin tal-​laħam tagħna. (Rumani 5:12; 2 Korintin 2:11; 1 Ġwann 5:19) Id-​dinja taʼ Satana se tħajrek biex tkun immorali, se tisfidak biex taddotta l-​mogħdijiet tagħha, u se toffrilek għana materjali, fama, pożizzjoni, prominenza, u poter. Imma dawk li huma determinati li jfittxu l-​vera qima jirreżistu dak li joffri Satana u jibqgħu “mingħajr tebgħa mid-​dinja.” Għala? Għax iridu jibqgħu taħt il-​protezzjoni u l-​ħarsien b’imħabba taʼ l-​organizzazzjoni nadifa taʼ Jehovah.—Ġakbu 1:27; 1 Ġwann 2:15-17.

Jehovah ipprovda assistenza għal kwalunkwe membru tal-​kongregazzjoni Kristjana li jaqaʼ vittma tat-​tentazzjonijiet taʼ Satana minħabba dgħjufija umana. Anzjani kwalifikati spiritwalment ġew maħturin biex jipproteġu l-​kongregazzjoni u b’imħabba jgħinu lil uħud li jiżbaljaw biex jindmu mid-​dnub tagħhom u jagħmlu l-​aġġustamenti meħtiġin għal fejqan. Kwalunkwe Kristjan li jiġi involut f’għemil ħażin għandu jiġi mgħejjun bil-​paċenzja biex jindem u jibdel il-​mogħdijiet tiegħu.—Galatin 6:1, 2; Ġakbu 5:13-16.

Kif Il-​Qtugħ Mis-​Sħubija Huwa Taʼ Mħabba

Qaddejja mgħammdin taʼ Jehovah li deliberament isegwu korsa mill-​agħar u jirrifjutaw li jinbidlu jridu jitqiesu bħala wħud li m’humiex nidmin u b’hekk m’humiex denji għal sħubija Kristjana. (Qabbel 1 Ġwann 2:19.) Individwi bħal dawn ma jistgħux jitħallew jibqgħu fil-​kongregazzjoni Kristjana nadifa u għalhekk jikkontaminawha. Iridu jitkeċċew.

Kemm huwa xieraq li jitkeċċew dawk li jipprattikaw għemejjel mill-​agħar jistaʼ jiġi muri mis-​sitwazzjoni li ġejja: Minħabba ż-​żjieda fl-​attakki u fl-​atti kriminali vjolenti kontra l-​istudenti, xi skejjel addottaw regola li “titlob għal sospensjoni permanenti għal studenti li jużaw jew jheddu li jużaw l-​armi,” tirrapporta The Globe and Mail, gazzetta f’Toronto, il-​Kanada. It-​tkeċċija ssir biex jiġu protetti l-​istudenti li jridu jibbenefikaw mill-​programm edukattiv mingħajr ma jiġu suġġetti għal atti vjolenti.

Għala huwa taʼ mħabba li jitkeċċa mill-​kongregazzjoni min jagħmel il-​ħażin u ma jiddispjaċihx? Li jsir hekk huwa espressjoni taʼ mħabba għal Jehovah u l-​mogħdijiet tiegħu. (Salm 97:10) Din l-​azzjoni turi mħabba għal dawk li qegħdin isegwu korsa taʼ tjieba għax din tneħħi minn ġo nofshom wieħed li jistaʼ jeżerċita influwenza ħażina fuqhom. Din tipproteġi wkoll il-​purità tal-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:1-13) Li kieku mmoralità goffa jew nuqqas taʼ ndafa spiritwali kellhom jitħallew jibqgħu fil-​kongregazzjoni, din tiġi kontaminata u ma tkunx xierqa biex tagħti servizz sagru lil Jehovah, li hu qaddis. Iktar minn hekk, it-​tkeċċija taʼ min għamel il-​ħażin tistaʼ tgħinu jara s-​serjetà tal-​korsa xxellerata tiegħu, jindem, u jagħmel it-​tibdiliet neċessarji u b’hekk jiġi aċċettat lura fil-​kongregazzjoni.

L-​Effett Fuq Oħrajn

Meta membru tal-​kongregazzjoni jikkommetti xi dnub serju, bħal adulterju, hu ma jkunx qiegħed iferraħ qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Kwalunkwe Kristjan li jċedi għall-​immoralità sesswali ċertament li mhux qiegħed jaħseb bħal m’għamel Ġużeppi meta l-​mara taʼ Potifar ipprovat iġġiegħlu jkollu relazzjonijiet sesswali magħha. Ir-​reazzjoni taʼ Ġużeppi kienet: “Kif nistaʼ nikkommetti dan il-​ħażen kbir u attwalment nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:6-12) Ġużeppi rrispetta l-​livelli qaddisin taʼ Jehovah u ħarab mis-​sitwazzjoni. Mill-​banda l-​oħra, wieħed adulteru jidher li m’għandux imħabba biżżejjed għal Alla biex irażżan lilu nnifsu milli jissodisfa l-​passjoni tal-​laħam tiegħu.—Galatin 5:19-21.

Persuna mgħammda li tikser il-​kmandamenti t’Alla mhix turi tħassib dwar il-​ħsara u l-​uġigħ li se tikkaġuna lil qrabatha li jemmnu. L-​impatt emozzjonali huwa iktar milli xi wħud jifilħu għalih. Wara li skopriet li binha kien immorali, mara Kristjana stqarret b’dieqa: “Ftit wisq, jekk mhux ħadd, mill-​aħwa ma jidhru li jifhmu kemm aħna mweġġgħin u mfarrkin. . . . Għandna qalbna magħfusa.” Ir-​reputazzjoni tal-​familja kollha kemm hi tistaʼ tiġi ddubitata. Dipressjoni u sens taʼ tort jistgħu jolqtu lill-​membri leali tal-​familja. Il-​korsa mill-​agħar tal-​wieħed li jagħmel il-​ħażin b’hekk iġġib uġigħ taʼ qalb lill-​familja.

Għajnuna Taʼ Mħabba Għall-​Membri Tal-​Familja

Kristjani leali membri tal-​familja taʼ individwi mkeċċijin għandhom bżonn jiftakru li t-​tkeċċija mis-​sħubija hija kemm taʼ mħabba kif ukoll taʼ protezzjoni. Kull sforz possibbli huwa magħmul biex jiġi mgħejjun dak li għamel il-​ħażin. Imma jekk jagħti prova li hu diżubbidjenti lejn Alla u b’ebusija tar-​ras ma jindimx, il-​kongregazzjoni teħtieġ li tiġi protetta u m’għandhiex alternattiva oħra ħlief li taġixxi bħalma tordna l-​Kelma t’Alla: “Neħħu l-​bniedem mill-​agħar minn fostkom.” (1 Korintin 5:13) Bħalma qal wieħed Xhud, “il-​qtugħ mis-​sħubija huwa kwistjoni taʼ lealtà lejn Jehovah.”

Meta membru tal-​familja jiġi maqtugħ mis-​sħubija, qraba Kristjani jesperjenzaw uġigħ. Anzjani maħturin għalhekk għandhom jagħmlu mill-​aħjar li jistgħu biex ikunu taʼ rifreskar spiritwali għalihom. (1 Tessalonkin 5:14) L-​anzjani jistgħu jitolbu għalihom u magħhom. Spiss huwa possibbli li ssir żjara lil dawn il-​Kristjani leali biex jiġu diskussi ħsibijiet Skritturali li jibnu. Ragħajja tal-​merħla għandhom jużaw kull opportunità biex isaħħu spiritwalment lil dawn l-​uħud għeżież qabel u wara l-​laqgħat Kristjani. Iżjed inkuraġġiment jistaʼ jingħata billi jiġu akkumpanjati fuq il-​ministeru taʼ l-​għalqa. (Rumani 1:11, 12) Ragħajja spiritwali jeħtieġu juru lil dawn il-​qaddejja leali taʼ Jehovah l-​imħabba u l-​attenzjoni li tixirqilhom.—1 Tessalonkin 2:7, 8.

Il-korsa midinba taʼ persuna m’hijiex raġuni biex jiġi injorat xi ħadd mill-​familja tiegħu li jibqaʼ leali lejn Jehovah. Is-​Sultan mill-​agħar taʼ Iżrael Sawl kien irriġettat minn Alla, imma David ma ħalliex dan il-​fatt itellfu mill-​affezzjoni tiegħu stess għal bin Sawl Ġonatan. Fil-​fatt, ir-​rabta bejn David u Ġonatan saret b’saħħitha ħafna. (1 Samwel 15:22, 23; 18:1-3; 20:41) Mela kulħadd fil-​kongregazzjoni għandu jappoġġja u juri mħabba lejn Kristjani li qrabathom jidinbu kontra Jehovah.

Kemm ikun nuqqas taʼ mħabba li tinjora jew li ma tkunx ħanin maʼ wħud leali bħal dawn! Membri leali tal-​familja għandhom bżonn speċjali għal inkuraġġiment. Jistgħu jħossuhom waħedhom u jistgħu jsibu s-​sitwazzjoni tagħhom diffiċli ferm. Forsi tistaʼ taqsam magħhom bit-​telefon xi ġawhra spiritwali jew xi esperjenza li tibni. Jekk il-​persuna mkeċċija tirrispondi t-​telefon, sempliċement itlobha biex tkellem lill-​qarib Kristjan. Tistaʼ tistieden lill-​membri leali taʼ dar bħal din għal xi laqgħa soċjali jew għal xi ikla fid-​dar tiegħek. Jekk tiltaqaʼ magħhom waqt li tkun qed tagħmel ix-​xirja, tistaʼ tieħu l-​okkażjoni għal ftit sħubija li tibni. Ftakar, Kristjani leali li għandhom qraba mkeċċijin mis-​sħubija xorta waħda għadhom parti mill-​organizzazzjoni nadifa taʼ Jehovah. Jistgħu faċilment isiru iżolati u skuraġġiti. Għalhekk, kun attent biex turihom ħniena u mħabba. Kompli agħmel is-​sewwa ‘lejn dawk kollha li jiġu minkom fil-​fidi.’—Galatin 6:10.

Apprezza L-​Provvediment Taʼ Jehovah

Kemm għandna nirringrazzjaw ’l Alla Jehovah talli jieħu ħsieb b’mod teneru lil kull wieħed mill-​familja t’adoraturi tiegħu madwar id-​dinja. Permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu hu b’imħabba pprovda arranġament biex jgħinna nimxu quddiemu b’mod taʼ tjieba. Saħansitra jekk membru tal-​familja jipprattika d-​dnub apposta u jrid jiġi mkeċċi mill-​kongregazzjoni, hemm triq lura jekk jindem verament. Dan huwa muri mill-​eżempju li ġej:

L-anzjani kienu ipprovaw jgħinu lil persuna li se nsejħulha Anna, imma hi daret għat-​tipjip, għax-​xorb, u għad-​drogi. Hi ma kenitx niedma u ma baqgħetx fil-​kongregazzjoni. F’qasir żmien, madankollu, Anna, bdiet tħoss in-​nuqqas tas-​sħubija kollha mħabba tal-​kongregazzjoni nadifa taʼ Jehovah u talbitu għall-​għajnuna. Hi tammetti li ma kenitx apprezzat bis-​sħiħ kemm l-​anzjani jimpurtahom minn dawk li jitbiegħdu. Anna bdiet terġaʼ tattendi l-​laqgħat, u dan wassal għall-​indiema. Wara dan, hi ġiet aċċettata lura fil-​kongregazzjoni taʼ mħabba u taʼ protezzjoni. Għal darb’oħra, Anna qiegħda tappoġġja l-​livelli għoljin taʼ moralità taʼ Jehovah. Hi grata għall-​imħabba murija mill-​anzjani u tirrimarka wkoll: “M’għandkomx idea kemm il-​pubblikazzjonijiet Kristjani kienu taʼ għajnuna għalija. Jehovah ċertament jieħu ħsieb sew il-​bżonnijiet tagħna.”

Iva, Alla pprovda triq lura għal dawk li ġew imkeċċijin mill-​kongregazzjoni imma li wara jindmu. Rajna li saħansitra l-​qtugħ innifsu mis-​sħubija huwa provvediment taʼ mħabba. Imma kemm huwa wisq aħjar li nevitaw din l-​esperjenza taʼ niket billi dejjem inżommu fil-​mogħdijiet taʼ tjieba taʼ dak Alla qaddis tagħna! Jalla nkunu dejjem grati għall-​privileġġ li nfaħħru lil Jehovah bħala parti mill-​organizzazzjoni nadifa, taʼ mħabba, u protettiva tiegħu. (w95 7/15)

[Stmapa f’paġna 20]

Qiegħed int turi mħabba lejn qraba leali taʼ dawk imkeċċijin mill-​kongregazzjoni?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja