Iż-Żminijiet Inbidlu
X’FERĦ żgur li kien hemm f’li tgħix f’Iżrael tal-qedem taħt ir-renju glorjuż tas-Sultan leali Salamun! Kienet era taʼ paċi, prosperità, u hena. Matul iż-żmien li Salamun appoġġja lealment il-vera qima, Jehovah bierek lin-nazzjon b’mod abbundanti. Lis-Sultan Salamun, Alla tah mhux biss ġid kbir imma wkoll “qalb għarfa u li tifhem” sabiex Salamun jaħkem fit-tjieba u l-imħabba. (1 Slaten 3:12) Tistqarr il-Bibbja: “Is-slaten kollha taʼ l-art kienu qegħdin ifittxu wiċċ Salamun biex jisimgħu l-għerf tiegħu, li dak Alla veru kien poġġa f’qalbu.”—2 Kronaki 9:23.
Lill-poplu, Jehovah tah sigurtà, paċi, u abbundanza t’affarijiet tajbin. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Ġuda u Iżrael kienu ħafna, bħall-frak tar-ramel li hemm ħdejn il-baħar fil-kotra, jieklu u jixorbu u jithennew.” Kemm litteralment kif ukoll figurattivament, in-nies “komplew jgħammru fis-sigurtà, kulħadd taħt id-dielja tiegħu stess u taħt it-tina tiegħu stess . . . il-jiem kollha taʼ Salamun.”—1 Slaten 4:20, 25.
Iż-żminijiet inbidlu. Il-ħajja llum m’għandhiex x’taqsam maʼ dawk il-jiem henjin taʼ żmien ilu. Kuntrarju għal żmien Salamun, problema kbira ferm illum hija l-faqar. Saħansitra fi ġnus għonja, hemm il-faqar. Per eżempju, kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, kważi 15 fil-mija tan-nies jgħixu fil-faqar, jinnota l-Programm Taʼ Żvilupp Tal-Ġnus Magħquda.
Rigward l-istampa globali, The State of the World’s Children 1994, rapport mill-UNICEF (United Nations Children’s Fund), josserva li wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni dinjija jgħix f’faqar assolut, u jżid jgħid li l-ħajja għall-maġġoranza tal-foqra tad-dinja qed “issir dejjem iktar iebsa u ddisprata.”
F’xi pajjiżi, inflazzjoni m’għola s-sema żżid mad-diffikultajiet tal-foqra. Qalet waħda mara minn pajjiż Afrikan: “Tara xi ħaġa fis-suq, u tgħid, ‘OK, ħa mmur id-dar u nġib il-flus biex nixtriha.’ Tmur lura siegħa wara biex jgħidulek li ma tistax tixtriha għax il-prezz għadu kemm żdied. X’se tagħmel persuna? Dan huwa tassew taʼ qtigħ il-qalb.”
Mara oħra minn hemmhekk qalet: ‘Biex insalvaw, ninsew dwar bżonnijiet oħrajn. Kif inġibu l-ikel huwa issa l-preokkupazzjoni tagħna.’
Skond il-Ġnus Magħquda, il-futur ma tantx jidher sabiħ. L-UNICEF, per eżempju, tistma li jekk il-bixra tal-popolazzjoni preżenti tkompli, in-numru taʼ nies foqra madwar id-dinja se jiżdied b’erbaʼ darbiet “matul għomor wieħed.”
Madankollu, minkejja li l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali dejjem jeħżienu, il-qaddejja t’Alla għandhom għalfejn iħossuhom ottimisti. Għalkemm jgħixu fost dawk li jħarsu lejn il-futur b’pessimiżmu dejjem jiżdied, il-qaddejja t’Alla jħarsu lejn il-futur b’ferħ u fiduċja. L-artiklu li jmiss se jesplora r-raġunijiet għala. (w95 8/1)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
De Grunne/Sipa Press