Aħbar Tajba fil-Futur!
ILKOLL kemm aħna nsewdu qalbna meta nirċievu aħbarijiet ħżiena taʼ natura persunali. Mill-banda l-oħra, nithennew meta jaslu aħbarijiet tajbin—bxajjar taʼ ferħ għalina stess jew għall-maħbubin tagħna. Imma meta aħbar ħażina teffettwa lil oħrajn u mhux lilna, taʼ spiss ikun hemm element taʼ kurżità; xi wħud saħansitra jieħdu gost isiru jafu dwar l-iżventura t’oħrajn. Dan jistaʼ jispjega xi ftit għala aħbarijiet ħżiena tant jagħmlu furûr!
Hemm, madankollu, raġuni għala l-aħbarijiet ħżiena żdiedu fis-seklu 20. Din ir-raġuni hija mistqarra b’mod ċar fil-Bibbja, li bassret li l-umanità fis-seklu 20 kellha tidħol f’perijodu uniku taʼ żmien magħruf bħala l-“aħħar jiem” jew iż-“żmien taʼ l-aħħar.” (2 Timotju 3:1, Karm Żammit; Danjel 12:4) Il-profezija tal-Bibbja u l-kronoloġija Biblika jidentifikaw dan il-“perijodu tat-tmiem,” li beda fl-1914.
L-aħħar jiem kellhom jibdew bi ġrajja li kellha awtomatikament tikkaġuna li l-aħbarijiet koroh fuq l-art jiżdiedu. X’kienet dik il-ġrajja? Kien it-tfigħ ’l isfel mis-sema taʼ Satana x-Xitan u l-qtajjaʼ demoniċi tiegħu. Int tistaʼ taqra din id-deskrizzjoni ħajja taż-żjieda inevitabbli t’aħbarijiet ħżiena f’Apokalissi 12:9, 12: “U ġie mwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu. . . . ‘Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.’”
Mela fiż-żmien li għad baqaʼ sakemm l-aħħar jiem jiġu fi tmiemhom, nistgħu nistennew li l-aħbarijiet ħżiena se jkomplu u saħansitra se jiżdiedu fl-ammont u fl-intensità.
Dan Mhux Dejjem Se Jkun Hekk
B’ferħ għall-abitanti taʼ l-art, is-sitwazzjoni miżera li qiegħda tipproduċi l-epidemija tal-lum t’aħbarijiet ħżiena m’hijiex se tibqaʼ teżisti għal dejjem. Fil-fatt, nistgħu ngħidu b’fiduċja sħiħa li l-jiem t’aħbarijiet ħżiena huma magħdudin. Is-sitwazzjoni m’hijiex bla tama, minkejja dak li jistaʼ jidher minn barra. It-tmiem taʼ l-aħbarijiet ħżiena kollha qiegħed fil-qrib u se jiġi mingħajr ebda dubju fiż-żmien xieraq t’Alla.
Nistgħu nkunu ċerti dwar dan għaliex l-aħħar jiem huma pprofetizzati li jilħqu l-quċċata jew jikkonkludu billi Alla se jeqred u jneħħi dak kollu li qiegħed jikkaġuna aħbarijiet ħżiena. Hu se jneħħi x-xewwiexa umani mill-agħar li jqanqlu l-ġlied u li jirrifjutaw li jinbidlu u jduru lura mill-korsa ħażina tagħhom. Dan jasal għall-quċċata fil-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox, taʼ spiss magħrufa bħala l-battalja t’Armageddon. (Apokalissi 16:16) Immedjatament wara dan, Satana x-Xitan u l-qtajjaʼ taʼ forzi demoniċi tiegħu se jiġu mneħħijin min-nofs. Apokalissi 20:1-3 jiddeskrivi l-irbit taʼ Satana, l-oriġinatur taʼ l-aħbarijiet ħżiena kollha: “Rajt nieżel mis-sema Anġlu, bil-muftieħ tal-bir bla qiegħ u katina kbira f’idu. U huwa qabad id-Dragun, is-Serp tal-qedem, li hu d-Demonju u Xitan, u rabtu għal elf sena, u waddbu fil-bir bla qiegħ, li mbagħad għalqu fuqu u ssiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus.”
Wara dawn il-ġrajjiet drammatiċi, se jiġi għall-art u għall-abitanti tagħha żmien t’aħbarijiet tajbin li qatt ma kien hawn bħalhom. Dawn l-abitanti se jinkludu l-miljuni li jkunu baqgħu ħajjin wara l-gwerra finali t’Armageddon u l-biljuni li se jiġu rxoxtati mir-raqda tagħhom fil-mewt ġewwa l-oqbra. Din l-aqwa fost kull aħbar tajba hija deskritta fl-aħħar ktieb tal-Bibbja: “L-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:3, 4.
Tistaʼ timmaġinah dak iż-żmien hieni? Tabilħaqq futur glorjuż fejn ma jeżistux iktar aħbarijiet koroh. Iva, l-aħbarijiet koroh kollha se jkunu ntemmu u m’humiex se jerġgħu jinstemgħu. Imbagħad aħbarijiet tajbin se jirrenjaw b’mod suprem, u se jkunu abbundanti għall-eternità kollha. (w96 4/15)