LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 5/1 pp. 10-15
  • Għala l-Vera Qima Tirċievi l-Barka t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala l-Vera Qima Tirċievi l-Barka t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Vera Reliġjon Liema Frott Trid Tipproduċi?
  • Ir-​Reliġjon Taʼ Mħabba, Mhux Taʼ Mibegħda
  • Alla Jbierek il-​Purità Fil-​Kondotta u T-​Tagħlim
  • “[I]l-Verità Teħliskom”
  • Isem Li Jiddistingwi
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Nidentifikaw Il-Vera Reliġjon
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-mod kif għandek tqim lil Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 5/1 pp. 10-15

Għala l-​Vera Qima Tirċievi l-​Barka t’Alla

“Ħallelujah! Is-​Salvazzjoni u s-​sebħ u l-​qawwa taʼ Alla tagħna, għax veri u ġusti huma l-​ġudizzji tiegħu.”—APOKALISSI 19:1, 2.

1. Babilonja l-​Kbira kif se tasal għal tmiemha?

“BABEL IL-​KBIRA” waqgħet fil-​ħarsa t’Alla u issa qiegħda tiffaċċja qerda. Il-​profezija Biblika tindika li din il-​prostituta reliġjuża mad-​dinja kollha dalwaqt se tingħata esekuzzjoni minn idejn in-​namrati politiċi tagħha; tmiemha se jkun f’daqqa waħda u bil-​ħeffa. Ir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù lil Ġwanni kien fiha dan il-​kliem profetiku: “Wieħed Anġlu taʼ saħħa kbira refaʼ ġebla, qisha ġebla kbira tal-​mitħna, waddabha fil-​baħar u qal: ‘Hekk b’saħħa tintrema Babel, il-​Belt il-​Kbira, u ma tinstabx iżjed.’”—Apokalissi 18:2, 21.

2. Il-​qaddejja taʼ Jehovah kif se jirreaġixxu għall-​qerda taʼ Babilonja?

2 Il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira se tiġi mibkija minn xi elementi tad-​dinja taʼ Satana imma ċertament mhux mill-​qaddejja t’Alla, tas-​sema jew taʼ l-​art. L-​għajta tagħhom taʼ ferħ lil Alla se tkun: “Ħallelujah! Is-​Salvazzjoni u s-​sebħ u l-​qawwa taʼ Alla tagħna, għax veri u ġusti huma l-​ġudizzji tiegħu; għax għamel ħaqq miż-​Żienja l-​Kbira, dik li ħassret l-​art biż-​żina tagħha, u tħallas minnha tad-​demm tal-​qaddejja tiegħu.”—Apokalissi 18:9, 10; 19:1, 2.

Il-​Vera Reliġjon Liema Frott Trid Tipproduċi?

3. Liema mistoqsijiet jeħtieġu tweġiba?

3 Ladarba l-​art trid titnaddaf għalkollox mir-​reliġjon falza, liema xorta taʼ qima se tibqaʼ? Kif nistgħu llum niddeterminaw liema grupp reliġjuż se jibqaʼ ħaj wara l-​qerda taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza taʼ Satana? X’inhu l-​frott taʼ tjieba li dan il-​grupp irid jipproduċi? Hemm minn taʼ l-​inqas għaxar kriterji biex niddistingwu l-​vera qima taʼ Jehovah.—Malakija 3:18; Mattew 13:43.

4. Liema hi l-​ewwel ħtieġa għal qima vera, u Ġesù kif tana l-​eżempju f’dan ir-​rigward?

4 L-​ewwel u qabel kollox, Kristjani veri jridu jappoġġjaw is-​sovranità li għaliha miet Ġesù​—is-​sovranità taʼ Missieru. Ġesù ma tax ħajtu għal xi kawża politika, tribali, etnika, jew soċjali. Hu poġġa s-​Saltna taʼ Missieru qabel l-​aspirazzjonijiet politiċi u rivoluzzjonarji kollha tal-​Lhud. Hu wieġeb għall-​offerta minn Satana taʼ poter dinji bil-​kliem: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-​Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’” Hu kien jaf mill-​Iskrittura Ebrajka li Jehovah hu l-​veru Sovran fuq l-​art kollha. Liema grupp reliġjuż jappoġġja mingħajr dubju l-​ħakma taʼ Jehovah minflok lis-​sistemi politiċi taʼ din id-​dinja?—Mattew 4:10; Salm 83:19 [Salm 83:18, NW].

5. (a) Il-​veri adoraturi kif għandhom iħarsu lejn l-​isem t’Alla? (b) X’juri li x-​Xhieda taʼ Jehovah tassew jonoraw dak l-​isem?

5 It-​tieni ħtieġa hija li l-​vera qima trid tkabbar u tqaddes l-​isem t’Alla. Dak li Jistaʼ Kollox irrivela ismu Jehovah (tradott Yahweh f’xi verżjonijiet tal-​Bibbja), lill-​poplu tiegħu Israel, u dan jintuża eluf taʼ drabi fl-​Iskrittura Ebrajka. Saħansitra qabel dak iż-​żmien, Adam, Eva, u oħrajn kienu jafu l-​isem, għalkemm mhux dejjem kienu jirrispettawh. (Ġenesi 4:1; 9:26; 22:14; Eżodu 6:2) Fil-​waqt li t-​tradutturi tal-​Kristjaneżmu u tal-​Lhud fil-​biċċa l-​kbira ħallew barra l-​isem divin mill-​Bibbji tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah taw lil dak l-​isem il-​pożizzjoni u r-​rispett dovut lilu fin-​New World Translation of the Holy Scriptures. Huma jonoraw dak l-​isem, saħansitra bħalma għamlu l-​Kristjani bikrin. Ġakbu xehed: “Xmun qalilna kif Alla sa mill-​bidu ħaseb biex jiġbor minn fost il-​pagani poplu li jkun tiegħu [“għal ismu,” NW]. Maʼ dan jaqbel kliem il-​profeti, . . . ‘biex ifittxu l-​Mulej il-​bqija tal-​bnedmin u l-​ġnus kollha li fuqhom issejjaħ ismi, igħid il-​Mulej.’” (Korsiv tagħna.)—Atti 15:14-17; Għamos 9:11, 12.

6. (a) Liema hi t-​tielet ħtieġa għal qima vera? (b) Ġesù u Danjel kif enfasizzaw il-​ħakma tas-​Saltna? (Luqa 17:20, 21)

6 It-​tielet ħtieġa għal qima vera hija li għandha teżalta s-​Saltna t’Alla bħala l-​unika soluzzjoni leġittima u li tistaʼ tirnexxi għall-​problemi taʼ ħakma taʼ l-​umanità. Ġesù għallem biċ-​ċar lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għal dik is-​Saltna biex tiġi, għall-​ħakma t’Alla biex tieħu l-​kontroll taʼ l-​art. Danjel kien ispirat biex jipprofetizza rigward l-​aħħar jiem: “Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt. . . . Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet [dinjin, politiċi] l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Min huma dawk li wrew bil-​korsa t’azzjoni tagħhom f’dan is-​seklu 20 li huma jagħtu appoġġ sħiħ lil dik is-​Saltna​—ir-​reliġjonijiet taʼ Babilonja l-​Kbira jew ix-​Xhieda taʼ Jehovah?—Danjel 2:44; Mattew 6:10; 24:14.

7. Adoraturi veri kif iħarsu lejn il-​Bibbja?

7 Ir-​rabaʼ rekwiżit għall-​approvazzjoni t’Alla huwa li l-​veri qaddejja t’Alla għandhom jappoġġjaw il-​Bibbja bħala l-​Kelma ispirata t’Alla. Għalhekk ma kellhomx isiru vittmi taʼ kritika fina żżejjed, li tipprova twaqqaʼ l-​Bibbja għal sempliċi xogħol letterarju uman bin-​nuqqasijiet kollha li dan jimplika. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma ispirata t’Alla, saħansitra bħalma Pawlu kiteb lil Timotju: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbha minn Alla, u tiswa biex wieħed igħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, imhejji għal kull ħidma tajba.”a Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jieħdu l-​Bibbja bħala l-​gwida tagħhom, il-​manwâl tagħhom għall-​għixien taʼ kuljum, u l-​funtana tagħhom taʼ tama għall-​futur.—2 Timotju 3:16, 17.

Ir-​Reliġjon Taʼ Mħabba, Mhux Taʼ Mibegħda

8. Liema hu l-​ħames rekwiżit għal qima vera?

8 Ġesù kif iddistingwa lill-​veri segwaċi tiegħu? It-​tweġiba tiegħu ġġibna għall-​ħames marka vitali li tidentifika l-​vera qima. Ġesù qal: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Korsiv tagħna.) (Ġwann 13:34, 35) Ġesù kif wera l-​imħabba tiegħu? Billi ta ħajtu f’sagrifiċċju bħala rahan. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Imħabba ġenwina għala hija kwalità essenzjali għal Kristjani veri? Ġwanni spjega: “Egħżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-​imħabba ġejja minn Alla . . . Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.”—1 Ġwann 4:7, 8.

9. Min wera mħabba vera, u kif?

9 Min fi żmienna wera din ix-​xorta taʼ mħabba, saħansitra meta ffaċċjati minn mibgħeda razzjali, nazzjonali, jew etnika? Min għadda l-​prova suprema, saħansitra sal-​mewt, sabiex imħabbithom tkun tistaʼ tissupera? Nistgħu aħna ngħidu li huma l-​qassisin u s-​sorijiet Kattoliċi li bħalma ġie ammess għandhom ftit mir-​responsabbiltà għall-​ġenoċidju li seħħ fl-​Irwanda fl-​1994? Huma l-​Ortodossi tas-​Serbja jew il-​Kattoliċi tal-​Kroazja li ħadu sehem f’“tindif etniku” u atti mhux Kristjani oħrajn f’dik il-​gwerra ċivili fil-​Balkani? Jew huma l-​membri tal-​kleru Kattoliku jew Protestant li rewħu l-​fjammi tal-​preġudizzju u l-​mibgħeda fl-​Irlanda taʼ Fuq matul dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin? Ċertament li x-​Xhieda taʼ Jehovah ma jistgħux jiġu akkużati li pparteċipaw fi kwalunkwe konflitt bħal dawn. Huma ppreferew isofru f’ħabsijiet u kampijiet tal-​konċentrament, saħansitra sal-​mewt, milli jiċħdu l-​imħabba Kristjana tagħhom.—Ġwann 15:17.

10. Kristjani veri għala jibqgħu newtrali?

10 Is-​sitt rekwiżit għal qima aċċettabbli għal Alla huwa dak taʼ newtralità rigward il-​kwistjonijiet politiċi taʼ din id-​dinja. Il-​Kristjani għala għandhom jibqgħu newtrali fil-​politika? Pawlu, Ġakbu, u Ġwanni jagħtuna raġuni solida għal dik il-​pożizzjoni. L-​appostlu Pawlu kiteb li Satana huwa “l-​alla taʼ din id-​dinja,” li qiegħed jagħmi l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux b’kull mezz possibbli, inkluża politika li tifred. Id-​dixxiplu Ġakbu stqarr li “l-​ħbiberija mad-​dinja hija l-​għadu taʼ Alla,” u l-​appostlu Ġwanni qal li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​[wieħed] ħażin.” Kristjan veru, għalhekk, ma jistax jagħmel kompromess fid-​devozzjoni tiegħu lejn Alla billi jkun involut fid-​dinja korrotta taʼ Satana taʼ politika u poter.—2 Korintin 4:4; Ġakbu 4:4; 1 Ġwann 5:19.

11. (a) Il-​Kristjani kif iħarsu lejn il-​gwerra? (b) Liema bażi Skritturali hemm għal din il-​pożizzjoni? (2 Korintin 10:3-5)

11 Meta nqisu ż-​żewġ ħtiġijiet taʼ qabel, is-​sebaʼ waħda ssir ovvja, jiġifieri, li adoraturi Kristjani veri m’għandhomx jieħdu sehem fi gwerer. Ladarba l-​vera reliġjon hija fratellanza mad-​dinja kollha bbażata fuq l-​imħabba, allura xejn ma jistaʼ jifred jew jirvina dik is-​“sħubija kollha kemm hi taʼ . . . ħuthom fid-​dinja.” Ġesù għallem imħabba, mhux mibgħeda; paċi, mhux gwerra. (1 Pietru 5:9, NW; Mattew 26:51, 52) L-​istess “wieħed ħażin,” Satana, li ġiegħel lil Kajjin joqtol lil Abel ikompli jiżraʼ mibgħeda fost il-​bnedmin u jipprovoka konflitti u tixrid taʼ demm fuq il-​bażi taʼ firdiet politiċi, reliġjużi, u etniċi. Kristjani veri ‘ma jitgħallmux gwerra iżjed,’ minkejja l-​prezz li jrid jitħallas. Figurattivament, huma diġà ‘bidlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.’ Huma jipproduċu l-​frott mimli paċi taʼ l-​ispirtu t’Alla.—1 Ġwann 3:10-12; Isaija 2:2-4; Galatin 5:22, 23.

Alla Jbierek il-​Purità Fil-​Kondotta u T-​Tagħlim

12. (a) Liema hi t-​tmien ħtieġa, imma liema firdiet reliġjużi tistaʼ ssemmi? (b) Pawlu kif enfasizza din it-​tmien ħtieġa?

12 Unità Kristjana hija t-​tmien ħtieġa għal qima vera. Madankollu, ir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu li jikkaġunaw firdiet m’għenux għal dan l-​għan. Ħafna hekk imsejħin denominazzjonijiet prinċipali nqasmu f’diversi setet, u r-​riżultat huwa konfużjoni. Ħu, per eżempju, ir-​reliġjon Battista fl-​Istati Uniti, li hija maqsuma bejn Battisti tat-​Tramuntana (Knejjes Amerikani Battisti fl-​Istati Uniti) u Battisti tan-​Nofs in-​Nhar (Konvenzjoni Battista tan-​Nofs in-​Nhar), kif ukoll tużżani taʼ gruppi Battisti oħrajn li rriżultaw minn xiżmi. (World Christian Encyclopedia, paġna 714) Ħafna firdiet nibtu minn differenzi fid-​duttrina jew fit-​tmexxija tal-​knisja (per eżempju, Presbiterjan, Episkopaljan, Kongregazzjonali). Il-​firdiet tal-​Kristjaneżmu huma paralleli maʼ dawk taʼ reliġjonijiet barra mill-​Kristjaneżmu​—kemm jekk huwa l-​Buddiżmu, l-​Islam, jew l-​Induiżmu. L-​appostlu Pawlu liema parir ta lill-​Kristjani bikrin? “Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ruħ waħda u fehma waħda.”—1 Korintin 1:10; 2 Korintin 13:11.

13, 14. (a) Xi jfisser li ‘tkun qaddis’? (b) Il-​vera qima kif tinżamm nadifa?

13 Liema hija d-​disaʼ ħtieġa għal reliġjon approvata minn Alla? Prinċipju Bibliku huwa espress f’Levitiku 11:45: “Intom tkunu qaddisin, għax jien qaddis.” L-​appostlu Pietru rrepeta din il-​ħtieġa meta kiteb: “Bħalma qaddis hu dak li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-​imġiba tagħkom kollha.” (Korsiv tagħna.)—1 Pietru 1:15.

14 X’inhu implikat minn dan il-​bżonn li nkunu qaddisin? Li l-​adoraturi taʼ Jehovah għandhom ikunu ndaf spiritwalment u moralment. (2 Pietru 3:14) M’hemmx lok għal dawk li jidinbu apposta, bla ma jindmu, li bil-​kondotta tagħhom juru stmerrija għas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu. (Lhud 6:4-6) Jehovah jirrikjedi li l-​kongregazzjoni Kristjana tinżamm nadifa u qaddisa. Dak kif jitwettaq? F’parti permezz tal-​proċess ġudizzjarju taʼ qtugħ mis-​sħubija għal dawk li jtebbgħu l-​kongregazzjoni.—1 Korintin 5:9-13.

15, 16. Ħafna Kristjani liema bidliet għamlu fil-​ħajjiet tagħhom?

15 Qabel ma kienu jafu l-​verità tal-​Bibbja, ħafna għexu ħajjiet laxki, taʼ xalar, iċċentrati fuqhom infushom. Imma l-​kelma dwar il-​Kristu bidlithom, u kisbu maħfra għal dnubiethom. Pawlu esprimieha b’qawwa meta kiteb: “Ma tafux li l-​inġusti ma jirtuhiex is-​saltna taʼ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-​nies, la ħattafa, ma jirtu s-​saltna taʼ Alla! U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu.” (Korsiv tagħna.)—1 Korintin 6:9-11.

16 Huwa evidenti li Jehovah japprova lil dawk li jindmu mill-​kondotta mhix Skritturali tagħhom, iduru lura, u jsiru segwaċi veri taʼ Kristu u t-​tagħlim tiegħu. Huma verament iħobbu lill-​ġirien tagħhom bħalhom infushom u juru dan b’ħafna modi, bħal billi jippersistu f’ministeru li joffri l-​messaġġ taʼ ħajja lil dawk kollha li jridu jisimgħu.—2 Timotju 4:5.

“[I]l-Verità Teħliskom”

17. Liema hi l-​għaxar ħtieġa għal qima vera? Agħti eżempji.

17 Hemm l-​għaxar ħtieġa li Jehovah għandu għal dawk li jqimuh fl-​ispirtu u fil-​verità​—tagħlim pur. (Ġwann 4:23, 24) Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Tagħarfu l-​verità u l-​verità teħliskom.” (Ġwann 8:32) Il-​verità tal-​Bibbja teħlisna minn duttrini li jiddiżonoraw lil Alla, bħalma huma r-​ruħ immortali, in-​nar taʼ l-​infern, u l-​purgatorju. (Koħelet 9:5, 6, 10; Eżekjel 18:4, 20) Teħlisna mill-​misteru Babilonjan tat-​“Trinità Mqaddsa” tal-​Kristjaneżmu. (Dewteronomju 4:35; 6:4; 1 Korintin 15:27, 28) Ubbidjenza lejn verità Biblika tirriżulta f’nies li juru mħabba, jieħdu interess, qalbhom tajba, u mimlijin ħniena. Il-​vera Kristjanità qatt ma nkuraġġiet inkwiżituri mimlijin vendetta u intolleranza, bħalma kien Tomás de Torquemada, jew uħud li jqajmu l-​gwerer mimlijin mibgħeda, bħalma kienu l-​promoturi papali tal-​Kruċjati. Madankollu, Babilonja l-​Kbira pproduċiet din ix-​xorta taʼ frott matul l-​istorja, minn taʼ l-​inqas minn żmien Nimrod s’issa.—Ġenesi 10:8, 9.

Isem Li Jiddistingwi

18. (a) Min jilħaq l-​għaxar ħtiġijiet għal qima vera u kif? (b) X’irridu nagħmlu individwalment biex nirtu l-​barka li tinsab quddiemna?

18 Min illum tassew iwettaq dawn l-​għaxar ħtiġijiet taʼ qima vera? Min huma magħrufin u rrikonoxxuti minn oħrajn għar-​rekord tagħhom taʼ integrità u żamma taʼ paċi? Madwar il-​globu x-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin bħala li “m’humiex tad-​dinja.” (Ġwann 15:19; 17:14, 16; 18:36) In-​nies taʼ Jehovah huma onorati li jġorru ismu u li jkunu x-​Xhieda tiegħu, saħansitra bħalma Ġesù Kristu kien xhud leali għal Missieru. Aħna nġorru dak l-​isem qaddis, konxji tar-​responsabbiltà tagħna li ngħixu fi qbil maʼ dak li jirrappreżenta. U, bħala x-​Xhieda tiegħu, xi prospett glorjuż jinsab quddiemna! Dan huwa li nkunu parti minn familja umana ubbidjenti u magħquda, li tqim lis-​Sovran Universali f’ġenna restawrata hawn fuq l-​art. Biex nirċievu barka bħal din, ejjew inkomplu nidentifikaw lilna nfusna b’mod ċar mal-​vera qima u nġorru l-​isem Xhieda taʼ Jehovah bi kburija “għax veri u ġusti huma l-​ġudizzji tiegħu”!—Apokalissi 19:2; Isaija 43:10-12; Eżekjel 3:11. (w96 4/15)

[Nota taʼ taħt]

a It-traduzzjonijiet infushom tal-​Bibbja m’humiex ispirati minn Alla. It-​traduzzjonijiet, min-​natura tagħhom stess, jistgħu jirriflettu varjazzjonijiet tal-​fehma tal-​lingwi oriġinali li bihom inkitbet il-​Bibbja.

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​qaddejja taʼ Jehovah kif iqisu l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira?

◻ Liema huma xi ħtiġijiet ewlenin għall-​qima vera?

◻ Il-​verità kif teħilsek?

◻ Liema unur speċjali għandna bħala Xhieda taʼ Jehovah?

[Stampi f’paġna 11]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jippridkaw u jgħallmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla

[Stampa f’paġna 12]

Kristjani veri dejjem baqgħu newtrali inkwantu għal politika u gwerer dinjin

[Sors]

Ajruplan: Bil-​kortesija tal-​Ministeru tad-​Difiża, Londra

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja