LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 10/1 pp. 20-27
  • “Segwu l-Korsa taʼ l-Ospitalità”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Segwu l-Korsa taʼ l-Ospitalità”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ngħożżu Lill-​Istranġieri
  • Jehovah, Il-​Wieħed Perfett F’Li Juri Ospitalità
  • Wieħed Li Wera Ospitalità Maʼ Xi Anġli
  • Poplu Ospitabbli
  • Ilqagħhom bl-ospitalità
    Kanta mill-qalb lil Ġeħova
  • Ilqagħhom bl-Ospitalità
    Għannu lil Ġeħova
  • Aqsam “affarijiet tajbin” m’oħrajn billi tkun ospitabbli (Mt. 12:35a)
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
  • “Uru l-Ospitalità maʼ Xulxin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 10/1 pp. 20-27

“Segwu l-​Korsa taʼ l-​Ospitalità”

“Aqsmu mal-​qaddisin skond il-​ħtiġijiet tagħhom. Segwu l-​korsa taʼ l-​ospitalità.”—RUMANI 12:13, NW.

1. X’inhi ħtieġa umana bażika, u kif tintwera?

LI TIMXI fi triq imwarrba f’inħawi li ma tafhomx tard bil-​lejl tistaʼ tkun esperjenza tal-​biżaʼ fiż-​żminijiet tal-​lum. Imma jistaʼ jkun daqstant stressanti li tkun ġo folla u ma tkun taf lil ħadd jew ħadd ma jagħrfek. Tabilħaqq, parti integrali min-​natura umana hi l-​ħtieġa li xi ħadd jimpurtah minnek, iġagħlek tħossok utli, u maħbub. Ħadd ma jieħu gost li jiġi ttrattat bħala stranġier jew barrani.

2. Jehovah kif ipprovda għall-​bżonn tagħna għal sħubija?

2 Alla Jehovah, il-​Ħallieq u Dak li Għamel l-​affarijiet kollha, jaf tajjeb bil-​bżonn tal-​bnedmin għal sħubija. Bħala d-​Disinjatur tal-​ħolqien uman tiegħu, preċiż mill-​bidu Alla kien jaf li ma kienx “sewwa li l-​bniedem jibqaʼ waħdu,” u hu għamel xi ħaġa dwar dan. (Ġenesi 2:18, 21, 22) Ir-​rekord tal-​Bibbja huwa miżgħud b’eżempji t’atti taʼ qalb tajba li ġew murijin lill-​bnedmin minn Jehovah u mill-​qaddejja tiegħu. Dan jagħmilna kapaċi nitgħallmu kif ‘insegwu l-​korsa taʼ l-​ospitalità,’ għall-​ferħ u l-​għaxqa t’oħrajn u għas-​sodisfazzjon tagħna stess.—Rumani 12:13.

Ngħożżu Lill-​Istranġieri

3. Spjega t-​tifsira bażika taʼ l-​ospitalità.

3 Il-​kelma “ospitalità” kif inhi wżata fil-​Bibbja hija tradotta mill-​kelma Griega phi·lo·xe·niʹa, li hija komposta minn żewġ kelmiet taʼ l-​għerq li jfissru “mħabba” u “stranġier.” B’hekk, ospitalità bażikament tfisser “imħabba għall-​istranġieri.” Madankollu, din m’hijiex biss formalità jew kwistjoni taʼ kortesija. Tinvolvi s-​sentimenti u l-​affezzjonijiet taʼ dak li jkun. Il-​verb phi·leʹo, skond l-​Exhaustive Concordance of the Bible taʼ James Strong, ifisser “li tkun ħabib taʼ (tgħożż [individwu jew oġġett]), jiġifieri jkollok affezzjoni għal (li jindika ġibda persunali, f’dik li hija emozzjoni jew sentiment).” Għalhekk, l-​ospitalità tinkludi iktar minn imħabba bbażata fuq prinċipju, forsi minħabba sens taʼ dover jew obbligu. Din ġeneralment hija espressjoni t’għożża ġenwina, affezzjoni, u ħbiberija.

4. Lejn min għandha tintwera l-​ospitalità?

4 Dak li jirċievi din l-​għożża u affezzjoni hu l-​“istranġier” (Grieg, xeʹnos). Dan min jistaʼ jkun? Għal darb’oħra, il-​Concordance taʼ Strong jiddefinixxi l-​kelma xeʹnos bħala ‘frustier (litteralment għarib, jew figurattivament taʼ bixra ġdida; billi jimplika mistieden jew (viċeversa) stranġier.’ Mela l-​ospitalità, kif murija fil-​Bibbja, tistaʼ tirrifletti qalb tajba murija lejn xi ħadd li aħna ngħożżu, jew tistaʼ tiġi estiża saħansitra lejn wieħed li hu kompletament stranġier. Ġesù spjega: “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-​pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-​pagani wkoll jagħmluh dan?” (Mattew 5:46, 47) L-​ospitalità ġenwina tegħleb il-​firda u d-​diskriminazzjoni imposti minħabba l-​preġudizzju u l-​biżaʼ.

Jehovah, Il-​Wieħed Perfett F’Li Juri Ospitalità

5, 6. (a) Ġesù x’kellu f’moħħu meta qal, ‘Missierkom li hu fis-​smewwiet hu perfett’? (b) Il-​ġenerożità taʼ Jehovah kif tidher?

5 Wara li wera d-​defiċjenzi taʼ l-​imħabba li l-​bnedmin juru lejn xulxin, kif inhu ċċitat hawn fuq, Ġesù żied din ir-​rimarka: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:48) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah hu perfett f’kull aspett. (Dewteronomju 32:4) Ġesù, madankollu, kien qiegħed jenfasizza aspett partikulari wieħed tal-​perfezzjoni taʼ Jehovah, bħalma hu qal qabel: “[Alla] jtellaʼ x-​xemx tiegħu sew fuq il-​ħżiena u sew fuq it-​tajbin, u jniżżel ix-​xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:45) Fejn tidħol il-​qalb tajba, Jehovah ma juri ebda parzjalità.

6 Bħala l-​Ħallieq, Jehovah hu l-​propjetarju taʼ kollox. “Tiegħi huma l-​bhejjem tax-​xagħri, eluf huma l-​bhejjem fuq il-​għoljiet tiegħi. Jien nagħraf it-​tjur kollha taʼ l-​ajru, taħt għajnejja kull ma jimxi fir-​rabaʼ,” jgħid Jehovah. (Salm 50:10, 11) Madankollu, hu xejn ma jgeddes b’mod egoistiku. Fil-​ġenerożità tiegħu, jipprovdi għall-​ħlejjaq tiegħu kollha. Is-​salmista qal dwar Jehovah: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-​ġid.”—Salm 145:16.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Jehovah jittratta lill-​istranġieri u lil dawk fil-​bżonn?

7 Jehovah lin-​nies jagħtihom dak li għandhom bżonn​—saħansitra lil nies li ma jafuhx, li huma stranġieri għalih. Pawlu u Barnabas fakkru lill-​adoraturi taʼ l-​idoli fil-​belt taʼ Listra li Jehovah “ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-​ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-​ikel u jimlielkom qalbkom bil-​hena.” (Atti 14:17) Speċjalment maʼ dawk fil-​bżonn, Jehovah hu qalbu tajba u ġeneruż. (Dewteronomju 10:17, 18) Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn Jehovah f’li nuru qalb tajba u ġenerożità​—li nkunu ospitabbli—​m’oħrajn.

8. Jehovah kif wera l-​ġenerożità tiegħu f’li jieħu ħsieb tal-​ħtiġijiet spiritwali tagħna?

8 Barra milli jipprovdi b’abbundanza għall-​bżonnijiet materjali tal-​ħlejjaq tiegħu, Jehovah jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom b’mod spiritwali. Jehovah aġixxa bl-​iktar mod nobbli għall-​ġid spiritwali tagħna, saħansitra qabel ma kwalunkwe wieħed minna rrealizza li konna spiritwalment fi stat iddisprat. Naqraw f’Rumani 5:8, 10: “Alla wriena l-​imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. . . . Meta konna għadna egħdewwa taʼ Alla tħabbibna miegħu bis-​saħħa tal-​mewt taʼ Ibnu.” Dak il-​provvediment jagħmilha possibbli għal bnedmin midinbin biex jidħlu f’relazzjoni taʼ familja hienja maʼ Missierna tas-​sema. (Rumani 8:20, 21) Jehovah ħa ħsieb ukoll li aħna niġu pprovduti bi gwida u direzzjoni xierqa sabiex ikun jistaʼ jkollna suċċess fil-​ħajja minkejja l-​istat midneb u imperfett tagħna.—Salm 119:105; 2 Timotju 3:16.

9, 10. (a) Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu l-​wieħed perfett f’li juri ospitalità? (b) Il-​veri adoraturi kif għandhom jimitaw lil Jehovah f’dan ir-​rigward?

9 Meta nqisu dan, nistgħu ngħidu li Jehovah b’tant modi hu verament il-​wieħed perfett f’li juri ospitalità. Hu ma jinjorax lil uħud fil-​bżonn, l-​umlin, u l-​uħud baxxi. Juri interess ġenwin fi u tħassib għall-​istranġieri, saħansitra l-​għedewwa tiegħu, u ma jfittex ebda ħlas materjali. F’dan kollu, m’huwiex hu l-​aqwa eżempju taʼ wieħed perfett f’li juri ospitalità?

10 Bħala Alla taʼ qalb tajba bl-​imħabba u ġenerożità bħal dawn, Jehovah irid li l-​adoraturi tiegħu jimitawh. Fil-​Bibbja kollha, naraw eżempji li jispikkaw taʼ din il-​kwalità taʼ qalb tajba. L-​Encyclopaedia Judaica tosserva li “f’Israel tal-​qedem, l-​ospitalità ma kinitx sempliċement kwistjoni taʼ manjieri tajbin, imma istituzzjoni morali . . . Id-​drawwiet bibliċi taʼ li wieħed jagħti merħba lill-​vjaġġatur għajjien u taʼ li jilqaʼ lill-​istranġieri kienu l-​matriċi li minnha l-​ospitalità u l-​aspetti relatati kollha tagħha żviluppaw għal ġo virtù li hija stmata ferm fit-​tradizzjoni Lhudija.” L-​ospitalità għandha tkun karatteristika taʼ l-​adoraturi veri kollha taʼ Jehovah, iktar milli xi tikketta taʼ kwalunkwe nazzjonalità jew grupp etniku partikulari.

Wieħed Li Wera Ospitalità Maʼ Xi Anġli

11. Liema eżempju li jispikka juri li l-​ospitalità ġabet barkiet mhux mistennijin? (Ara wkoll Ġenesi 19:1-3; Imħallfin 13:11-16.)

11 Wieħed mill-​iktar rakkonti magħrufin tal-​Bibbja dwar turija t’ospitalità huwa dak t’Abraham u Sarah meta kienu qegħdin jikkampjaw qalb is-​siġar kbar taʼ Mamre, qrib Ħebron. (Ġenesi 18:1-10; 23:19) L-​appostlu Pawlu bla dubju kellu f’moħħu din il-​ġrajja meta pprovda din it-​twissija: “Tinsewx tilqgħu lill-​barranin [“turu l-​ospitalità,” NW]; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-​anġli bla ma kienu jafu.” (Lhud 13:2) Studju taʼ dan ir-​rakkont se jgħinna naraw li l-​ospitalità m’hijiex sempliċement kwistjoni taʼ kif wieħed ikun imdorri jew imrobbi. Minflok, hija kwalità qaddisa li ġġib barkiet meraviljużi.

12. Abraham kif wera l-​imħabba tiegħu għall-​istranġieri?

12 Ġenesi 18:1, 2 jindika li Abraham la kien jafhom lill-​viżitaturi u lanqas ma kien qiegħed jistenniehom, daqs li kieku kienu sempliċement tliet stranġieri għaddejjin fi triqthom. Id-​drawwa fost in-​nies tal-​Lvant, skond xi kummentaturi, kienet li vjaġġatur f’pajjiż stranġier kellu d-​dritt jistenna l-​ospitalità avolja ma kien ikun jaf lil ħadd hemmhekk. Imma Abraham ma stenniex li l-​istranġieri jeżerċitaw id-​dritt li kellhom; hu ħa l-​inizjattiva. “Mar jiġri” biex jiltaqaʼ maʼ dawn l-​istranġieri li kienu naqra ’l bogħod minnu​—dan kollu f’“l-​aqwa tas-​sħana tal-​jum,” u Abraham kellu 99 sena! Ma jurix dan għala Pawlu rrefera għal Abraham bħala mudell għalina biex nimitawh? Dan hu li tfisser l-​ospitalità, li tgħożż jew tħobb lill-​istranġieri, turi tħassib għall-​bżonnijiet tagħhom. Hija kwalità pożittiva.

13. Abraham għala ‘miel sa l-​art’ quddiem il-​viżitaturi?

13 Ir-​rakkont jgħidilna wkoll li wara li ltaqaʼ maʼ l-​istranġieri, Abraham “issokta jmil sa l-​art.” [NW] Imil quddiem stranġieri li qatt ma rahom b’għajnejh? Iva, li wieħed imil, bħalma għamel Abraham, kien mod taʼ tislima lejn mistieden onorat jew xi ħadd f’pożizzjoni għolja, u m’għandux x’jaqsam m’att taʼ qima, li huwa rriservat biss għal Alla. (Qabbel Atti 10:25, 26; Apokalissi 19:10.) Billi miel, mhux billi sempliċement baxxa rasu imma billi miel “sa l-​art,” Abraham ta lil dawn l-​istranġieri l-​unur f’li jqishom importanti. Hu kien il-​kap taʼ familja patrijarkali kbira u prosperuża, u madankollu lil dawn l-​istranġieri qieshom bħala li jixirqilhom unur akbar minnu nnifsu. Kemm hu differenti dan mis-​soltu suspett li wieħed ikollu fl-​istranġieri, illi wieħed juri prudenza żejda! Abraham verament wera t-​tifsira taʼ l-​istqarrija: “Fittxu li tistmaw [“turu unur,” NW] lil xulxin.”—Rumani 12:10.

14. Liema sforz u sagrifiċċju kienu involuti f’li Abraham juri ospitalità lill-​istranġieri?

14 Il-​kumplament tar-​rakkont juri li s-​sentimenti t’Abraham kienu ġenwini. L-​ikla nfisha kienet straordinarja. Saħansitra f’dar fejn kellhom ħafna bhejjem, “għoġol tari u sabiħ” ma kienx xi ħaġa taʼ kuljum. Rigward id-​drawwiet prevalenti taʼ l-​inħawi, id-​Daily Bible Illustrations taʼ John Kitto jinnota: “Ma kienx isir lussu ħlief f’xi festi, jew mal-​wasla taʼ xi stranġier; u huwa biss f’okkażjonijiet bħal dawn li qatt xi darba jittiekel il-​laħam taʼ l-​annimali, saħansitra minn dawk li jippossiedu merħliet numerużi taʼ bhejjem.” Il-​klima sħuna ma kinitx tippermetti li jiġi maħżun kwalunkwe ikel li jnawwar, u għalhekk biex wieħed iservi ikla bħal din, kollox kellu jsir dak il-​ħin. Mhux taʼ b’xejn li f’dan ir-​rakkont qasir, il-​kelma “fittex” jew “ħaffef” jidhru tliet darbiet b’kollox, u Abraham litteralment “mar jiġri” biex ilesti l-​ikla!—Ġenesi 18:6-8.

15. Liema hija l-​ħarsa xierqa lejn il-​provvedimenti materjali f’li nuru l-​ospitalità, bħalma hu eżemplifikat minn Abraham?

15 L-​iskop, madankollu, m’huwiex sempliċement li ssir xi festa kbira biex jiġi impressjonat xi ħadd. Avolja Abraham u Sarah għamlu dak l-​isforz kollu biex jippreparaw u jippreżentaw dik l-​ikla, innota kif Abraham irrefera għaliha iktar qabel: “Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-​siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex tittrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin​—għax għalhekk għaddejtu għand il-​qaddej tagħkom.” (Ġenesi 18:4, 5) Dik il-​“gidma ħobż” irriżultat li kienet pranzu t’għoġol imsemmen flimkien maʼ ftajjar tondi taʼ dqiq fin, butir, u ħalib​—festa denja taʼ xi re. X’inhi l-lezzjoni? Meta tintwera l-​ospitalità, l-​importanti, jew dak li għandu jiġi enfasizzat, m’huwiex kemm se jkun lussuż l-​ikel u x-​xorb, jew kemm se jiġi pprovdut divertiment elaborat, u affarijiet bħal dawn. L-​ospitalità ma tiddependix fuq jekk wieħed jistax jixtri affarijiet għaljin. Minflok, din hija bbażata fuq tħassib ġenwin għal benesseri t’oħrajn u fuq xewqa li jsir il-​ġid lil oħrajn skond kemm ikun jistaʼ dak li jkun. “Aħjar platt ħaxix mogħti bl-​imħabba, minn gendus smin bil-​mibgħeda miegħu.” jgħid proverbju Bibliku, u ġo fih hemm il-​qofol taʼ l-​ospitalità ġenwina.—Proverbji 15:17.

16. Abraham kif wera apprezzament għal affarijiet spiritwali f’dak li għamel għall-​viżitaturi?

16 Taʼ min jinnota, madankollu, li kien hemm ukoll effett spiritwali fil-​ġrajja kollha kemm hi. Abraham b’xi mod induna li dawn il-​viżitaturi kienu messaġġiera mingħand Jehovah. Dan huwa indikat mill-​mod kif hu indirizzahom bil-​kliem: “Ja Sidi [“Jehovah,” NW], jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-​qaddej tiegħek.”a (Ġenesi 18:3; qabbel Eżodu 33:20.) Abraham ma kienx jaf minn qabel jekk huma kellhomx xi messaġġ għalih jew jekk kinux sempliċement għaddejjin minn hemm. Kien x’kien, hu apprezza li kien se jseħħ twettiq taʼ l-​iskop taʼ Jehovah. Dawn l-​individwi kienu involuti f’xi missjoni mingħand Jehovah. Jekk setaʼ jagħmel xi ħaġa biex jikkontribwixxi għal dak, hu kien se jagħmel dan minn qalbu. Hu rrealizza li l-​qaddejja taʼ Jehovah jixirqilhom l-​aħjar, u kien se jipprovdi l-​aħjar f’dawn iċ-​ċirkostanzi. Billi jagħmel hekk, kien se jkun hemm barka spiritwali, sew għalih innifsu u sew għal xi ħaddieħor. Bħalma rriżulta, Abraham u Sarah ġew imberkin bil-​kbir għall-​ospitalità sinċiera tagħhom.—Ġenesi 18:9-15; 21:1, 2.

Poplu Ospitabbli

17. Jehovah x’irrikjeda mill-​Israeliti rigward l-​istranġieri u dawk fil-​bżonn fosthom?

17 L-​eżempju li jispikka t’Abraham ma kellux jintesa mill-​ġens li ħareġ minnu. Il-​Liġi li Jehovah ta lill-​Israeliti inkludiet provvedimenti biex tintwera ospitalità maʼ l-​istranġieri f’nofshom. “Ikun għalikom il-​barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-​art taʼ l-​Eġittu. Jien hu l-​Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:34) In-​nies kellhom juru konsiderazzjoni speċjali lil dawk fil-​bżonn t’appoġġ materjali u ma jinjorawhomx. Meta Jehovah berikhom bi ħsad abbundanti, meta thennew fil-​festi tagħhom, meta straħu mix-​xogħlijiet tagħhom matul is-​snin tas-​Sabat, u f’okkażjonijiet oħrajn, in-​nies kellhom jiftakru f’dawk inqas ixxurtjati​—ir-​romol, l-​iltiema, u r-​residenti barranin.—Dewteronomju 16:9-14; 24:19-21; 26:12, 13.

18. L-​ospitalità kemm hija importanti f’relazzjoni maʼ li nirċievu l-​favur u l-​barka taʼ Jehovah?

18 L-​importanza tal-​qalb tajba, ġenerożità, u ospitalità lejn oħrajn, speċjalment lejn dawk fil-​bżonn, tistaʼ tidher fil-​mod li bih Jehovah mexa maʼ l-​Israeliti meta huma ttraskuraw li jeżerċitaw dawn il-​kwalitajiet. Jehovah għamilha ċara li l-​qalb tajba u l-​ġenerożità lejn l-​istranġieri u dawk fil-​bżonn huma fost il-​ħtiġijiet għall-​poplu tiegħu biex jirċievu l-​barkiet kontinwi tiegħu. (Salm 82:2, 3; Isaija 1:17; Ġeremija 7:5-7; Eżekjel 22:7; Żakkarija 7:9-11) Meta l-​ġens kien iħabrek f’li jwettaq dawn il-​ħtiġijiet u oħrajn, huma pprosperaw u gawdew abbundanza materjali u spiritwali. Meta kienu jsiru mehdijin fil-​ġiri wara affarijiet persunali u ttraskuraw li juru dawn il-​kwalitajiet taʼ qalb tajba lil dawk fil-​bżonn, huma ħadu l-​kundanna taʼ Jehovah, u eventwalment ġew iġġudikati b’mod avvers.—Dewteronomju 27:19; 28:15, 45.

19. X’irridu nikkunsidraw iktar?

19 Kemm huwa importanti, allura, li aħna neżaminaw lilna nfusna u naraw jekk aħniex ngħixu skond l-​istennijiet taʼ Jehovah f’dan ir-​rigward! Dan huwa minnu speċjalment illum meta nqisu l-​ispirtu egoist u li jifred fid-​dinja. Kif nistgħu nuru ospitalità Kristjana f’dinja maqsuma? Dan huwa s-​suġġett diskuss fl-​artiklu li jmiss. (w96 10/1)

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni iktar fid-​dettall dwar dan il-​punt, ara l-​artiklu “Has Anyone Seen God?” f’The Watchtower tal-​15 taʼ Mejju, 1988, paġni 21-3.

Tiftakar?

◻ X’inhi t-​tifsira tal-​kelma Biblika tradotta “ospitalità”?

◻ Jehovah b’liema modi hu l-​eżempju perfett f’li juri l-​ospitalità?

◻ Abraham sa liema punt wasal biex ikun ospitabbli?

◻ Il-​veri adoraturi kollha għala jridu ‘jsegwu l-​korsa taʼ l-​ospitalità’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja