Iċ-Ċelibat—Bieb Għal Attività Mingħajr Distrazzjoni
“Dan qiegħed . . . biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ.”—1 KORINTIN 7:35.
1. Liema aħbarijiet inkwetanti waslu lil Pawlu dwar il-Kristjani ġewwa Korintu?
L-APPOSTLU Pawlu kien ikkonċernat dwar ħutu Kristjani ġewwa Korintu, fil-Greċja. Madwar ħames snin qabel, kien stabbilixxa l-kongregazzjoni f’dik il-belt prosperuża magħrufa għall-immoralità li kien fiha. Issa, madwar is-sena 55 E.K., fil-waqt li kien ġewwa Efesu, fl-Asja Minuri, hu rċieva rapporti allarmanti minn Korintu dwar firdiet partiġjani u l-ittollerar taʼ każ ikrah taʼ immoralità. Barra minn hekk, Pawlu kien irċieva ittra mingħand il-Kristjani Korintin fejn staqsew għal gwida fuq relazzjonijiet sesswali, iċ-ċelibat, iż-żwieġ, is-separazzjoni, u ż-żwieġ mill-ġdid.
2. L-immoralità li kienet prevalenti ġewwa Korintu, milli jidher kif kienet qiegħda teffettwa lill-Kristjani f’dik il-belt?
2 L-immoralità grassa li kienet prevalenti ġewwa Korintu kienet qisha qiegħda teffettwa l-kongregazzjoni lokali b’żewġ modi. Xi Kristjani kienu qegħdin iċedu għall-atmosfera taʼ llaxkar morali u kienu qegħdin jittolleraw l-immoralità. (1 Korintin 5:1; 6:15-17) Apparentement oħrajn, b’reazzjoni għal pjaċiri karnali li kienu omnipreżenti fil-belt, marru fl-estremità li jirrikmandaw astinenza minn kull att sesswali, saħansitra għall-koppji miżżewġin.—1 Korintin 7:5.
3. Pawlu liema kwistjonijiet ittratta l-ewwel, fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin?
3 Fl-ittra twila li Pawlu kiteb lill-Korintin, hu l-ewwel indirizza l-problema tan-nuqqas t’unità. (1 Korintin, kapitli 1-4) Ħeġġiġhom biex jevitaw li jimxu wara bnedmin, li jistaʼ jwassal biss għall-xiżmi li jagħmlu ħsara. Kellhom ikunu uniti bħala “ħaddiema” sħab m’Alla. Imbagħad tahom istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif iżommu l-kongregazzjoni nadifa moralment. (Kapitli 5, 6) L-appostlu mbagħad ittratta l-ittra tagħhom.
Irrikmandat Iċ-Ċelibat
4. Pawlu x’ried ifisser meta qal li “tajjeb li raġel ma jmissx mara”?
4 Hu beda: “Issa ngħidu xi ħaġa fuq li ktibtuli: tajjeb li raġel ma jmissx mara.” (1 Korintin 7:1) L-espressjoni “ma jmissx mara” hawnhekk tfisser li tevita kuntatt fiżiku maʼ mara għal pjaċir sesswali. Ladarba Pawlu kien diġà kkundanna l-fornikazzjoni, hu kien issa qiegħed jirreferi għal relazzjonijiet sesswali fl-arranġament taż-żwieġ. Għalhekk, Pawlu kien issa qiegħed jirrikmanda l-istat taʼ li wieħed ma jkunx miżżewweġ. (1 Korintin 6:9, 16, 18; qabbel Ġenesi 20:6; Proverbji 6:29.) Ftit iżjed ’il quddiem, hu kiteb: “Lil dawk li mhumiex miżżewġa jew huma romol, ngħidilhom li jkun tajjeb għalihom li jibqgħu bħali.” (1 Korintin 7:8) Pawlu ma kienx miżżewweġ, forsi armel.—1 Korintin 9:5.
5, 6. (a) Għala jidher ċar li Pawlu ma kienx qiegħed jirrikmanda stil taʼ ħajja ġewwa monasterju? (b) Pawlu għala rrikmanda ċ-ċelibat?
5 X’aktarx li l-Kristjani ġewwa Korintu kienu ġew f’kuntatt maʼ filosofija Griega, li tagħha, ċerti skejjel faħħru l-axxetiċiżmu estrem, jew iċ-ċaħda persunali. Setaʼ dak kien għala l-Korintin staqsew lil Pawlu jekk kellux ikun “tajjeb” għal Kristjani li jevitaw kull att sesswali? It-tweġiba taʼ Pawlu ma rriflettietx filosofija Griega. (Kolossin 2:8) Kuntrarju għat-teoloġi Kattoliċi, hu mkien ma rrikmanda ħajja taʼ ċelibat axxetiku f’xi monasterju jew kunvent, bħal li kieku persuni mhux miżżewġin kienu partikolarment qaddisin u setgħu jikkontribwixxu għas-salvazzjoni tagħhom stess bil-mod taʼ ħajja u t-talb tagħhom.
6 Pawlu rrikmanda ċ-ċelibat “minħabba t-taħbit [“l-bżonn,” NW] tal-lum.” (1 Korintin 7:26) Hu għandu mnejn kien qiegħed jirreferi għaż-żminijiet diffiċli li l-Kristjani kienu għaddejjin minnhom, li setgħu jiggravaw biż-żwieġ. (1 Korintin 7:28) Il-parir tiegħu lil Kristjani mhux miżżewġin kien: ‘Ikun tajjeb għalikom li tibqgħu bħali.’ Lir-romol, stqarrilhom: “Maħlul minn mara? Tfittixx mara.” Dwar armla Kristjana, kiteb: “Skond il-fehma tiegħi tkun iktar hienja jekk tibqaʼ kif tkun; u jien naħseb li jien ukoll għandi l-ispirtu taʼ Alla.”—1 Korintin 7:8, 27, 40.
Mhux Bilfors Li Tibqaʼ Ġuvni
7, 8. X’juri li Pawlu ma kienx qiegħed iġiegħel lil kwalunkwe Kristjan biex jibqaʼ ġuvni?
7 L-ispirtu qaddis taʼ Jehovah kien mingħajr dubju qiegħed jiggwida lil Pawlu meta ta dan il-parir. Il-preżentazzjoni tiegħu kollha kemm hi taċ-ċelibat u ż-żwieġ turi bilanċ u rażna. Ma jpoġġihiex bħala kwistjoni taʼ fedeltà jew infedeltà. Din hija, minflok, kwistjoni t’għażla ħielsa, bil-bilanċ ixaqleb favur iċ-ċelibat għal dawk li kapaċi jibqgħu kasti f’dan l-istat.
8 Immedjatament wara li stqarr “tajjeb li raġel ma jmissx mara,” Pawlu żied: “Iżda minħabba ż-żina kull wieħed għandu jkollu martu u kull mara jkollha żewġha.” (1 Korintin 7:1, 2) Wara li ta parir lil persuni mhux miżżewġin u romol biex “jibqgħu bħali,” hu malajr żied: “Jekk imbagħad ma jifilħux jaħkmu lilhom infushom, ħalli jiżżewġu; aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-passjoni.” (1 Korintin 7:8, 9) Għal darb’oħra, il-parir tiegħu lir-romol kien: “Tfittixx mara. Imma wkoll jekk tiżżewweġ, ma tidnibx.” (1 Korintin 7:27, 28) Dan il-parir ibbilanċjat jirrifletti l-libertà taʼ l-għażla.
9. Skond Ġesù u Pawlu, kemm iż-żwieġ u kemm iċ-ċelibat kif inhuma għotjiet mingħand Alla?
9 Pawlu wera li kemm iż-żwieġ u kemm iċ-ċelibat huma għotjiet mingħand Alla. “Irrid li kulħadd ikun bħali; iżda kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla: min ħaġa u min oħra.” (1 Korintin 7:7) Hu mingħajr dubju kellu f’moħħu dak li qal Ġesù. Wara li stabbilixxa li ż-żwieġ ġej mingħand Alla, Ġesù wera li ċ-ċelibat volontarju sabiex wieħed jaqdi l-interessi tas-Saltna huwa għotja partikulari: “Mhux kulħadd jifhimha [“jagħmel il-wisaʼ għal,” NW] din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jistaʼ jifhem, jifhem [“jagħmel il-wisaʼ għalih jagħmel wisaʼ għalih,” NW]!”—Mattew 19:4-6, 11, 12.
Nagħmlu L-Wisaʼ Għall-Għotja Taċ-Ċelibat
10. Persuna kif tistaʼ ‘tagħmel il-wisaʼ’ għall-għotja taċ-ċelibat?
10 Fil-waqt li kemm Ġesù u kemm Pawlu tkellmu fuq iċ-ċelibat bħala li huwa ‘għotja,’ l-ebda wieħed minnhom ma qal li huwa għotja mirakoluża li għandhom xi wħud biss. Ġesù qal li ‘mhux kulħadd jagħmel il-wisaʼ’ għal din l-għotja, u ħeġġeġ lil dawk li jistgħu biex ‘jagħmlu l-wisaʼ għaliha,’ bħalma għamlu Ġesù u Pawlu. Veru, Pawlu kiteb: “Aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-passjoni,” imma hu kien qiegħed jitkellem dwar dawk li “ma jifilħux jaħkmu lilhom infushom.” (1 Korintin 7:9) F’kitbiet iżjed bikrin, Pawlu wera li l-Kristjani jistgħu jevitaw li jkunu mimlijin bil-passjoni. (Galatin 5:16, 22-24) Li nimxu bl-ispirtu jfisser li nħallu lill-ispirtu taʼ Jehovah jiggwida kull pass li nagħmlu. Jistgħu żgħażagħ Kristjani jagħmluh dan? Iva, jekk isegwu mill-qrib il-Kelma taʼ Jehovah. Is-salmista kiteb: “Kif jistaʼ żagħżugħ [jew żagħżugħa] jimxi safi fi triqtu [triqtha]? Billi jħares il-kelma tiegħek.”—Salm 119:9.
11. X’ifisser li wieħed ‘ħsiebu fil-ħwejjeġ taʼ l-Ispirtu’?
11 Dan jinvolvi li ngħassu kontra ideat permissivi li jinfirxu permezz taʼ ħafna programmi tat-TV, films, artikli f’rivisti, kotba, u lirika taʼ kanzunetti. Ideat bħal dawn huma orjentati fuq il-laħam. Żgħażagħ Kristjani jkunu taʼ liema sess ikunu li jridu jagħmlu l-wisaʼ għaċ-ċelibat għandhom ‘jgħixu, imma skond l-Ispirtu u mhux skond il-ġisem. Dawk li jgħixu skond il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skond l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ taʼ l-Ispirtu.’ (Korsiv tagħna.) (Rumani 8:4, 5) L-affarijiet taʼ l-ispirtu huma taʼ tjieba, kasti, taʼ min iħobbhom, virtużi. Kristjani, żgħar u kbar, jagħmlu tajjeb li ‘jaħsbu f’dan kollu.’—Filippin 4:8, 9.
12. X’inhu l-iżjed involut f’li wieħed jagħmel il-wisaʼ għall-għotja taċ-ċelibat?
12 Li wieħed jagħmel il-wisaʼ għall-għotja taċ-ċelibat huwa iżjed kwistjoni taʼ li wieħed ikun deċiż f’qalbu dwar dik il-mira u li jitlob lil Jehovah għall-għajnuna biex iwettaqha. (Filippin 4:6, 7) Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd qiegħed sewwa f’qalbu, billi m’għandu ebda neċessità, imma għandu awtorità fuq ir-rieda tiegħu stess u għamel din id-deċiżjoni f’qalbu stess, biex iżomm il-verġinità tiegħu stess, se jagħmel sewwa. Għaldaqstant dak ukoll li jagħti l-verġinità tiegħu fiż-żwieġ jagħmel sewwa, imma dak li ma jagħtihiex fiż-żwieġ se jagħmel aħjar.”—1 Korintin 7:37, 38, NW.
Iċ-Ċelibat Bi Skop
13, 14. (a) L-appostlu Pawlu liema paragun għamel bejn Kristjani mhux miżżewġin u dawk miżżewġin? (b) Kristjan mhux miżżewweġ kif biss jistaʼ jagħmel “aħjar” minn dawk li huma miżżewġin?
13 Iċ-ċelibat m’għandux mertu fih innifsu. F’liema sens, allura, jistaʼ dan ikun “aħjar”? Dan kollu jiddependi fuq kif persuna tuża l-libertà li dan iġib miegħu. Pawlu kiteb: “Iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu. Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha. Dan qiegħed ngħidulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ.”—1 Korintin 7:32-35.
14 Kristjan li hu ġuvni u li juża l-istat mhux miżżewweġ tiegħu biex jiġri wara miri egoisti m’huwiex jagħmel “aħjar” minn Kristjani miżżewġin. Hu qiegħed jibqaʼ ġuvni, mhux “minħabba s-Saltna,” imma għal raġunijiet persunali. (Mattew 19:12) Ir-raġel jew mara mhux miżżewġin għandhom ikunu “ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej,” ikunu anzjużi biex ‘jogħġbu lill-Mulej,’ u biex ‘jgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ.’ Dan ifisser li tiddedika attenzjoni sħiħa biex taqdi lil Jehovah u lil Kristu Ġesù. Huwa biss billi jagħmlu hekk li Kristjani rġiel u nisa mhux miżżewġin ikunu qegħdin jagħmlu “aħjar” minn Kristjani miżżewġin.
Attività Mingħajr Distrazzjoni
15. X’inhu l-punt prinċipali taʼ l-argument taʼ Pawlu fl-1 Korintin kapitlu 7?
15 L-argument kollu kemm hu taʼ Pawlu f’dan il-kapitlu huwa dan: Fil-waqt li ż-żwieġ huwa leġittimu u, taħt ċerti ċirkostanzi, taʼ min jirrikmandah għal xi wħud, iċ-ċelibat huwa mingħajr dubju vantaġġuż għall-Kristjan jew Kristjana li jridu jaqdu lil Jehovah bl-inqas distrazzjoni. Fejn il-persuna miżżewġa hija ‘mifruda fiha nfisha,’ il-Kristjan mhux miżżewweġ huwa liberu li jikkonċentra fuq “il-ħwejjeġ tal-Mulej.”
16, 17. Kristjan mhux miżżewweġ kif jistaʼ jikkonċentra aħjar l-attenzjoni fuq il-“ħwejjeġ tal-Mulej”?
16 Liema huma l-affarijiet tal-Mulej li Kristjan mhux miżżewweġ jistaʼ jagħtihom attenzjoni iżjed liberament minn nies li huma miżżewġin? F’kuntest ieħor, Ġesù tkellem dwar “dak li hu taʼ Alla”—affarijiet li Kristjan ma jistax jagħti lil Ċesri. (Mattew 22:21) Dawn l-affarijiet jikkonċernaw essenzjalment il-ħajja, il-qima, u l-ministeru taʼ Kristjan.—Mattew 4:10; Rumani 14:8; 2 Korintin 2:17; 3:5, 6; 4:1.
17 Persuni mhux miżżewġin huma ġeneralment iżjed liberi li jiddedikaw ħin għas-servizz taʼ Jehovah, u dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għall-ispiritwalità u l-medda tal-ministeru tagħhom. Huma jistgħu jqattgħu iżjed ħin fuq studju persunali u meditazzjoni. Kristjani mhux miżżewġin jistgħu taʼ spiss isibu ħin fl-iskeda tagħhom għall-qari tal-Bibbja iżjed faċilment milli jsibu dawk li huma miżżewġin. Jistgħu jippreparaw aħjar għal-laqgħat u għas-servizz taʼ l-għalqa. Dan kollu huwa għall-‘ġid tagħhom.’—1 Korintin 7:35.
18. Ħafna aħwa ġuvintur kif jistgħu juru li jridu jaqdu lil Jehovah “bla tixrid taʼ moħħ”?
18 Ħafna aħwa ġuvintur li diġà qegħdin jaqdu bħala qaddejja ministerjali huma liberi li jgħidu lil Jehovah: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Jistgħu japplikaw biex jattendu l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, li hija rriservata għal qaddejja ministerjali u anzjani mhux miżżewġin li huma liberi li jaqdu fejn il-ħtieġa hija akbar. Saħansitra aħwa ġuvintur li m’humiex liberi li jitilqu l-kongregazzjoni tagħhom jistgħu jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jaqdu lil ħuthom bħala qaddejja ministerjali jew anzjani.—Filippin 2:20-23.
19. Ħafna aħwa xebbiet kif inhuma mberkin, u liema hu mod wieħed kif jistgħu jkunu taʼ barka għall-kongregazzjonijiet?
19 Aħwa xebbiet, li m’għandhomx raġel lil min jikkonsultaw u f’min jafdaw, jistgħu jkunu iżjed disposti li ‘jqiegħdu t-tagħbija tagħhom fuq il-Mulej.’ (Salm 55:22, KŻ; 1 Korintin 11:3) Dan huwa partikolarment importanti għal aħwa nisa li sforz l-imħabba tagħhom għal Jehovah ma żżewġux. Jekk ’il quddiem jiżżewġu, dan jagħmluh “basta fil-Mulej,” jiġifieri, biss lil xi ħadd iddedikat lil Jehovah. (1 Korintin 7:39) L-anzjani huma grati li għandhom aħwa nisa xebbiet fil-kongregazzjonijiet tagħhom; dawn sikwit iżuru u jgħinu lill-morda u lix-xjuħ. Dan iġib ferħ lil dawk kollha kkonċernati.—Atti 20:35.
20. Ħafna Kristjani kif qegħdin juru li huma “marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ”?
20 Ħafna Kristjani żgħażagħ irranġaw l-affarijiet tagħhom sabiex ikunu “marbutin mal-Mulej bla tixrid taʼ moħħ.” (1 Korintin 7:35) Qegħdin jaqdu lil Jehovah bħala ministri pijunieri full-time, missjunarji, jew f’xi wieħed mill-uffiċini tal-fergħa tal-Watch Tower Society. U xi grupp hieni huma! Kemm hija rifreskanti l-preżenza tagħhom! Iva, f’għajnejn Jehovah u Ġesù, huma “bħan-nida.”—Salm 110:3.
Ebda Wegħda Taʼ Ċelibat Perpetwu
21. (a) Għala huwa ċar li Pawlu ma inkuraġġiex li wieħed jieħu l-vot taċ-ċelibat? (b) X’implika hu meta tkellem dwar li wieħed ikun “għadda l-fjur taż-żgħożija”?
21 Punt prinċipali fil-parir taʼ Pawlu huwa li Kristjani jagħmlu “tajjeb” li jagħmlu l-wisaʼ f’ħajjithom għaċ-ċelibat. (1 Korintin 7:1, 8, 26, 37) Bl-ebda mod, madankollu, ma jistedinhom biex jieħdu l-vot taċ-ċelibat. Għall-kuntrarju, hu kiteb: “Jekk xi ħadd jaħseb li qiegħed iġib ruħu b’mod li mhux xieraq lejn il-verġinità tiegħu, jekk dak għadda l-fjur taż-żgħożija, u dan huwa l-mod kif dan għandu jseħħ, ħallih jagħmel li jrid hu; ma jidnibx. Ħallihom jiżżewġu.” (1 Korintin 7:36, NW) Il-kelma Griega (hy·peʹra·kmos) tradotta “għadda l-fjur taż-żgħożija” litteralment tfisser “lil hinn mill-ogħla punt” u tirreferi għal li wieħed jgħaddi l-ogħla punt taʼ tqanqil taʼ xewqa sesswali. Mela dawk li baqgħu għal diversi snin bħala ġuvintur u li eventwalment iħossu li għandhom jiżżewġu huma kompletament liberi li jiżżewġu kredenti sħabhom.—2 Korintin 6:14.
22. Għala huwa vantaġġuż minn kull lat għal Kristjan li ma jiżżewwiġx żgħir ħafna?
22 Is-snin li Kristjani żgħażagħ iqattgħu jaqdu lil Jehovah mingħajr distrazzjoni huma investiment għaqli. Dawn jgħinuhom jiksbu għerf prattiku, esperjenza, u dehen. (Proverbji 1:3, 4) Persuna li ma żżewġitx minħabba s-Saltna tkun f’pożizzjoni bil-wisq aħjar iżjed ’il quddiem, jekk hi tiddeċiedi hekk, biex tassumi r-responsabbiltajiet taʼ ħajja miżżewġa u forsi taʼ ġenitur.
23. Xi wħud li jikkontemplaw iż-żwieġ x’għandhom mnejn ikollhom f’moħħhom, imma liema mistoqsija se tiġi kkunsidrata fl-artikli li jmiss?
23 Xi Kristjani li qattgħu diversi snin jaqdu lil Jehovah full-time meta jkunu għadhom ma żżewġux, jagħżlu bir-reqqa s-sieħeb jew is-sieħba futura tagħhom bil-mira li jkomplu f’xi forma taʼ servizz full-time. Dan huwa ċertament ferm taʼ min jirrikmandah. Xi wħud jistgħu saħansitra jikkontemplaw li jiżżewġu bl-idea li ma jħallux iż-żwieġ tagħhom ifixkel is-servizz tagħhom bl-ebda mod. Imma għandu Kristjan miżżewweġ iħossu liberu li jikkonċentra fuq is-servizz tiegħu lejn Jehovah bħal meta hu jew hi kienu għadhom ma żżewġux? Din il-mistoqsija se tiġi kkunsidrata fl-artikli li jmiss. (w96 10/15)
Bħala Reviżjoni
◻ L-appostlu Pawlu għala ħass il-ħtieġa li jikteb lill-kongregazzjoni ġewwa Korintu?
◻ Għala nafu li Pawlu ma kienx qiegħed jirrikmanda stil taʼ ħajja ġewwa monasterju?
◻ Persuna kif tistaʼ ‘tagħmel il-wisaʼ’ għaċ-ċelibat?
◻ Aħwa xebbiet kif jistgħu japprofittaw ruħhom mill-istat taċ-ċelibat tagħhom?
◻ Aħwa ġuvintur b’liema modi jistgħu jieħdu vantaġġ mil-libertà tagħhom biex jaqdu lil Jehovah “bla tixrid taʼ moħħ”?