LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 2/1 pp. 4-9
  • Naqdu Bħala Messaġġiera tal-Paċi Divina

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdu Bħala Messaġġiera tal-Paċi Divina
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Alla Tiegħek Isaltan!”
  • L-​Aqwa Messaġġier tal-​Paċi Taʼ Jehovah
  • Imħarrġin Biex Jimxu fil-​Passi taʼ Kristu
  • Paċifiċi f’Dinja Mqallba
  • Ħalli “l-Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Il-​paċi—Kif tistaʼ ssibha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Paċi Vera—Minn Liema Sors?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Fittex Il-paċi Vera u Sus Warajha!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 2/1 pp. 4-9

Naqdu Bħala Messaġġiera tal-​Paċi Divina

“Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn . . . taʼ min ixandar is-​sliem.”—ISAIJA 52:7.

1, 2. (a) Kif imbassar f’Isaija 52:7, liema aħbar tajba trid tiġi mxandra? (b) Il-​kliem profetiku taʼ Isaija x’kien ifisser fil-​każ taʼ Israel tal-​qedem?

HEMM aħbar tajba li trid tixxandar! Hija aħbar taʼ paċi​—paċi reali. Dan huwa messaġġ taʼ salvazzjoni li għandu x’jaqsam mas-​Saltna t’Alla. Żmien twil ilu l-​profeta Isaija kiteb dwaru, u kliemu ġie ppreservat għalina f’Isaija 52:7, 8, fejn naqraw: “Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn taʼ min iħabbar il-​bxara, taʼ min ixandar is-​sliem, taʼ min iħabbar ir-​riżq, taʼ min ixandar is-​salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’”

2 Jehovah nebbaħ lill-​profeta tiegħu Isaija biex jikteb dak il-​messaġġ għall-​benefiċċju taʼ Israel tal-​qedem u għall-​benefiċċju tagħna llum. Dan x’ifisser? Fiż-​żmien li Isaija kiteb dak il-​kliem, is-​saltna tat-​Tramuntana taʼ Israel għandu mnejn kienet diġà ttieħdet fl-​eżilju mill-​Assirjani. Iktar tard, l-​abitanti taʼ Ġuda, is-​saltna tan-​Nofsinhar, kienu se jittieħdu bħala eżiljati lejn Babilonja. Dawk kienu jiem taʼ wġigħ il-​qalb u taqlib fil-​ġens minħabba li n-​nies ma kinux ubbidjenti lejn Jehovah u għalhekk ma kinux fil-​paċi m’Alla. Bħalma qalilhom Jehovah, il-​kondotta midinba tagħhom kienet qiegħda tikkaġuna firda bejnhom u bejn Alla tagħhom. (Isaija 42:24; 59:2-4) Permezz taʼ Isaija, madankollu, Jehovah bassar li fiż-​żmien xieraq il-​bibien taʼ Babilonja kellhom jinfetħu beraħ. In-​nies t’Alla kellhom ikunu ħielsa biex jirritornaw lejn art twelidhom, biex hemmhekk jibnu mill-​ġdid it-​tempju taʼ Jehovah. Sijon kellha tiġi rrestawrata, u l-​qima taʼ dak Alla veru kellha terġaʼ tiġi pprattikata f’Ġerusalemm.—Isaija 44:28; 52:1, 2.

3. Il-​wegħda taʼ restawr għal Israel kif kienet ukoll profezija taʼ paċi?

3 Din il-​wegħda taʼ ħelsien kienet ukoll profezija taʼ paċi. Il-​fatt li l-​Israeliti kienu qegħdin jiġu rrestawrati lejn l-​art li Jehovah kien tahom kellu jkun evidenza tal-​ħniena t’Alla u taʼ l-​indiema tagħhom. Kellu jindika li huma kienu fil-​paċi m’Alla.—Isaija 14:1; 48:17, 18.

“Alla Tiegħek Isaltan!”

4. (a) Fis-​sena 537 Q.E.K. f’liema sens setaʼ jingħad li ‘Jehovah kien sar sultan’? (b) Jehovah kif immanuvra l-​affarijiet fis-​snin li segwew għall-​benefiċċju tal-​poplu tiegħu?

4 Meta Jehovah wettaq dan il-​ħelsien fis-​sena 537 Q.E.K., it-​tħabbira setgħet b’mod xieraq issir lil Sijon: “Alla tiegħek isaltan!” Veru, Jehovah hu s-​“Sultan taʼ l-​eternità.” (Rivelazzjoni 15:3, NW) Imma dan il-​ħelsien tal-​poplu tiegħu kien turija ġdida tas-​sovranità tiegħu. B’manjiera li tispikka, dan wera s-​superjorità tal-​qawwa tiegħu fuq dik taʼ l-​iktar imperu uman setgħan li kien hemm sa dak iż-​żmien. (Ġeremija 51:56, 57) Bħala riżultat tal-​ħidma taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, konfoffi oħrajn kontra l-​poplu tiegħu ġew imfixklin. (Ester 9:24, 25) Darba wara l-​oħra, Jehovah indaħal b’diversi modi biex iġiegħel lis-​slaten tal-​Medo-Persja jikkoperaw mat-​twettiq tar-​rieda sovrana tiegħu stess. (Żakkarija 4:6) Il-​ġrajjiet meraviljużi li seħħew f’dawk il-​jiem huma ddokumentati għalina fil-​kotba Bibliċi taʼ Esdra, Neħemija, Ester, Ħaggaj, u Żakkarija. U kemm iqawwilna l-​fidi jekk aħna nirriveduhom!

5. Liema ġrajjiet sinjifikanti huma indikati f’Isaija 52:13–​53:12?

5 Madankollu, dak li seħħ fis-​sena 537 Q.E.K. u wara kien biss bidu. Immedjatament wara l-​profezija taʼ restawr f’kapitlu 52, Isaija kiteb dwar il-​miġja tal-​Messija. (Isaija 52:13–53:12) Permezz tal-​Messija, li wera li kien Ġesù Kristu, Jehovah kellu jipprovdi messaġġ taʼ ħelsien u paċi taʼ saħansitra sinjifikat akbar minn dak li seħħ fis-​sena 537 Q.E.K.

L-​Aqwa Messaġġier tal-​Paċi Taʼ Jehovah

6. Min hu l-​akbar messaġġier tal-​paċi taʼ Jehovah, u liema inkarigu applika għalih innifsu?

6 Ġesù Kristu hu l-​akbar messaġġier tal-​paċi taʼ Jehovah. Hu l-​Kelma t’Alla, il-​Kelliemi persunali għal Jehovah innifsu. (Ġwann 1:14) Konsistenti maʼ dan, xi żmien wara li tgħammed fix-​Xmara Ġordan, Ġesù qam bil-​wieqfa fis-​sinagoga f’Nazzaret u qara b’leħen għoli l-​inkarigu tiegħu minn Isaija kapitlu 61. Dak l-​inkarigu għamilha ċara li dak li għalih intbagħat biex jippriedka kien jinvolvi “ħelsien” u “rkoprar,” kif ukoll opportunità biex wieħed isir aċċettabbli għal Jehovah. Madankollu, Ġesù għamel iżjed milli sempliċement xandar messaġġ taʼ paċi. Alla kien bagħtu wkoll biex jipprovdi l-​bażi għal paċi dejjiema.—Luqa 4:16-21.

7. X’jirriżulta mill-​paċi m’Alla li tintgħamel possibbli permezz taʼ Ġesù Kristu?

7 Meta twieled Ġesù, anġli dehru lil ragħajja qrib Betlehem, ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-​ogħla tas-​smewwiet, u sliem fl-​art lill-​bnedmin li jogħġbu lilu!” (Luqa 2:8, 13, 14) (Korsiv tagħna.) Iva, kellu jkun hemm sliem għal dawk li lilhom Alla wera rieda tajba għaliex eżerċitaw fidi fil-​provvediment li hu kien qiegħed jagħmel permezz taʼ Ibnu. Dan x’kellu jfisser? Kellu jfisser li għalkemm il-​bnedmin jitwieldu fid-​dnub, jistgħu jiksbu waqfa nadifa m’Alla, relazzjoni approvata miegħu. (Rumani 5:1) Setgħu jgawdu l-​kalma ġewwinija, il-​paċi, li ma hija possibbli b’ebda mod ieħor. Fiż-​żmien maħtur t’Alla, kellu jkun hemm ħelsien mill-​effetti kollha tad-​dnub li ntiret minn Adam, inklużi l-​mard u l-​mewt. Qatt iktar ma kellhom in-​nies ikunu għomja jew torox jew zopop. Dgħjufija frustranti u diżordnijiet mentali li jaqsmu l-​qalb kellhom jitneħħew b’mod permanenti. Se jkun possibbli li wieħed igawdi l-​ħajja fil-​perfezzjoni għal dejjem.—Isaija 33:24; Mattew 9:35; Ġwann 3:16.

8. Il-​paċi divina lil min hija offruta?

8 Lil min hija offruta l-​paċi divina? Hija offruta lil dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu. L-​appostlu Pawlu kiteb li ‘Alla raha sewwa permezz taʼ Kristu biex iħabbeb mill-​ġdid miegħu nnifsu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha billi jagħmel paċi permezz tad-​demm li Ġesù xerred fuq iz-​zokk tat-​tortura.’ L-​appostlu żied li din ir-​rikonċiljazzjoni kellha tinvolvi “l-​affarijiet fis-​smewwiet”​—jiġifieri, dawk li kellhom ikunu werrieta flimkien maʼ Kristu fis-​sema. Kellha tinvolvi wkoll “l-​affarijiet fuq l-​art”​—jiġifieri, dawk li kellhom jiġu ffavoriti bl-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq din l-​art meta tinġieb għall-​kundizzjoni sħiħa taʼ Ġenna. (Kolossin 1:19, 20, NW) Minħabba li huma nfushom jiddisponu mill-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u minħabba l-​ubbidjenza tagħhom mill-​qalb lejn Alla, dawn kollha setgħu jgawdu ħbiberija kordjali m’Alla.—Qabbel Ġakbu 2:22, 23.

9. (a) Il-​paċi m’Alla teffettwa lil liema relazzjonijiet oħrajn? (b) Bil-​ħsieb li jġib paċi dejjiema kullimkien, Jehovah liema awtorità għadda lil Ibnu?

9 Kemm hija vitali paċi bħal din m’Alla! Jekk ma jkunx hemm paċi m’Alla, ma jistaʼ jkun hemm ebda paċi dejjiema jew sinjifikanti fi kwalunkwe relazzjoni oħra. Il-​paċi maʼ Jehovah hija l-​pedament għall-​vera paċi fuq l-​art. (Isaija 57:19-21) Kif inhu xieraq, Ġesù Kristu hu l-​Prinċep tal-​Paċi. (Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]) Lil dan il-​wieħed li permezz tiegħu l-​bnedmin jistgħu jiġu rrikonċiljati m’Alla, Jehovah fada wkoll l-​awtorità biex jaħkem. (Danjel 7:13, 14) U inkwantu għar-​riżultati tal-​ħakma taʼ prinċep taʼ Ġesù fuq l-​umanità, Jehovah iwiegħed: “U s-​sliem [se jkun] bla qjies.”—Isaija 9:6 [Isaija 9:7, NW]; Salm 72:7.

10. Ġesù kif stabbilixxa eżempju f’li jxandar il-​messaġġ taʼ paċi t’Alla?

10 Il-​messaġġ tal-​paċi t’Alla huwa meħtieġ mill-​ispeċi umana kollha. Ġesù personalment stabbilixxa eżempju żeluż f’li jippridkah. Dan għamlu fl-​inħawi tat-​tempju f’Ġerusalemm, fuq il-​muntanji, hu u miexi fit-​triq, lil mara Samaritana ħdejn bir, u fid-​djar tan-​nies. Kulfejn kien hemm in-​nies, Ġesù ħoloq opportunitajiet biex jippriedka dwar il-​paċi u s-​Saltna t’Alla.—Mattew 4:18, 19; 5:1, 2; 9:9; 26:55; Mark 6:34; Luqa 19:1-10; Ġwann 4:5-26.

Imħarrġin Biex Jimxu fil-​Passi taʼ Kristu

11. Ġesù għal liema xogħol ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu?

11 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jippridkaw il-​messaġġ tal-​paċi t’Alla. Sewwa sew bħalma Ġesù kien “ix-​xhud leali u veru” taʼ Jehovah, huma rrikonoxxew li huma wkoll kellhom ir-​responsabbiltà li jagħtu xiehda. (Rivelazzjoni 3:14, NW; Isaija 43:10-12) Huma qiesu lil Kristu bħala l-​Mexxej tagħhom.

12. Pawlu kif wera l-​importanza taʼ l-​attività taʼ l-​ippridkar?

12 L-​appostlu Pawlu rraġuna dwar l-​importanza taʼ l-​attività taʼ l-​ippridkar, billi qal: “L-​Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx.’” Jiġifieri, ħadd minn dawk li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu bħala l-​Aġent Ewlieni taʼ salvazzjoni taʼ Jehovah ma se joħroġ diżappuntat. U l-​isfond etniku t’ebda wieħed m’hu fattur li jiskwalifika, għax Pawlu żied: “Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-​Sid taʼ kulħadd u għani maʼ dawk kollha li jsejjħulu. Għax kull min isejjaħ isem il-​Mulej isalva.” (Rumani 10:11-13) Imma n-​nies kif kellhom isiru jafu dwar dik l-​opportunità?

13. X’kien meħtieġ biex in-​nies setgħu jisimgħu l-​aħbar tajba, u l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif wieġbu għal dik il-​ħtieġa?

13 Pawlu ttratta dik il-​ħtieġa billi staqsa mistoqsijiet li kull qaddej taʼ Jehovah jagħmel tajjeb li jaħseb dwarhom. L-​appostlu staqsa: “Kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta?” (Rumani 10:14, 15) Ir-​rekord tal-​Kristjanità bikrija jagħti testimonjanza elokwenti li rġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, wieġbu għall-​eżempju stabbilit minn Kristu u l-​appostli tiegħu. Huma saru proklamaturi żelużi taʼ l-​aħbar tajba. Billi imitaw lil Ġesù, huma ppridkaw lin-​nies kulfejn setgħu jsibuhom. B’xewqa biex ma jħallu lil ħadd barra, huma wettqu l-​ministeru tagħhom kemm f’postijiet pubbliċi u kemm minn dar għal dar.—Atti 17:17; 20:20.

14. Kif kien veru li “r-​riġlejn” taʼ dawk li kienu jiddikjaraw l-​aħbar tajba kienu “sbieħ”?

14 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd laqagħhom tajjeb lill-​predikaturi Kristjani. Minkejja dan, il-​kwotazzjoni taʼ Pawlu minn Isaija 52:7 wriet li kienet vera. Wara li għamel il-​mistoqsija, ‘Kif jistgħu jxandru jekk ma jkunux mibgħutin?’ hu żied “Bħalma hemm miktub: ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-​ġid’” Il-​biċċa l-​kbira minna ma naħsbux dwar riġlejna bħala li huma attraenti, jew sbieħ. Mela, allura, dan x’ifisser? Huma r-​riġlejn li ġeneralment imexxu lil persuna minn post għall-​ieħor meta toħroġ tippriedka lil oħrajn. Riġlejn bħal dawn fil-​fatt jirrappreżentaw lill-​persuna. U nistgħu nibqgħu żguri li għal ħafna li semgħu l-​aħbar tajba mingħand l-​appostli u mingħand dixxipli oħrajn taʼ Ġesù Kristu fl-​ewwel seklu, dawn il-​Kristjani bikrin kienu tabilħaqq dehra sabiħa. (Atti 16:13-15) Iktar minn hekk, huma kienu prezzjużi f’għajnejn Alla.

15, 16. (a) Il-​Kristjani bikrin kif urew li huma verament kienu messaġġiera tal-​paċi? (b) X’jistaʼ jgħinna nwettqu l-​ministeru tagħna bl-​istess mod kif wettquh il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu?

15 Is-​segwaċi taʼ Ġesù kellhom messaġġ tal-​paċi, u wassluh b’manjiera paċifika. Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu dawn l-​istruzzjonijiet: “Fid-​dar fejn tidħlu, l-​ewwel għidu, ‘Is-​sliem lil din id-​dar.’ U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-​sliem, jistrieħ is-​sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-​tislima tagħkom terġaʼ lura għandkom.” (Luqa 10:5, 6) Sha·lohmʹ, jew “paċi,” hija tislima tradizzjonali Lhudija. Madankollu, l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù kienu jinvolvu ferm iktar minn dan. Bħala “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu,” id-​dixxipli midlukin tiegħu ħeġġew lin-​nies: “Agħmlu ħbieb maʼ Alla.” (2 Korintin 5:20, NW) F’armonija maʼ l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù, huma kellmu lin-​nies dwar is-​Saltna t’Alla u dak li setgħet tfisser għalihom bħala individwi. Dawk li taw widen irċevew barka; dawk li rrifjutaw il-​messaġġ kienu huma li tilfu.

16 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah iwettqu l-​ministeru tagħhom bl-​istess mod illum. L-​aħbar tajba li jieħdu lin-​nies m’hijiex tagħhom; din tappartjeni lil Dak li bagħathom. L-​inkarigu tagħhom huwa li jwassluha. Jekk in-​nies jaċċettawha, ipoġġu lilhom infushom f’linja għal barkiet taʼ l-​għaġeb. Jekk jirrifjutawha, qegħdin jirrifjutaw il-​paċi m’Alla Jehovah u maʼ Ibnu, Ġesù Kristu.—Luqa 10:16.

Paċifiċi f’Dinja Mqallba

17. Saħansitra meta niġu kkonfrontati minn nies abbużivi, kif għandna nġibu rwieħna, u għala?

17 Tkun xi tkun ir-​reazzjoni tan-​nies, huwa importanti għall-​qaddejja taʼ Jehovah li jżommu f’moħħhom li huma messaġġiera tal-​paċi divina. Xi nies tad-​dinja għandhom mnejn jidħlu f’argumenti sħan u jisfogaw ir-​rabja billi jagħmlu rimarki li jweġġgħu jew billi jgħajru lil dawk li jirritawhom. Forsi xi wħud minna hekk konna nagħmlu fil-​passat. Madankollu, jekk ilbisna l-​personalità l-​ġdida u issa m’aħna ebda parti mid-​dinja, m’aħniex se nimitaw il-​modi tagħhom. (Efesin 4:23, 24, 31; Ġakbu 1:19, 20) Minkejja kif jaġixxu oħrajn, aħna se napplikaw il-​parir: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-​paċi maʼ kulħadd.”—Rumani 12:18.

18. Kif għandna nwieġbu jekk uffiċjal pubbliku jkun aħrax magħna, u għala?

18 Il-​ministeru tagħna għandu mnejn xi drabi jwassalna quddiem uffiċjali pubbliċi. Billi jaffermaw l-​awtorità tagħhom, jistgħu ‘jitolbuna’ spjegazzjoni dwar għala nagħmlu ċerti affarijiet jew għala nżommu lura milli nieħdu sehem f’xi attività partikulari. Għandhom mnejn ikunu jridu jafu għala nippridkaw il-​messaġġ li nippridkaw​—messaġġ li jikxef lir-​reliġjon falza u li jitkellem dwar it-​tmiem tas-​sistema t’affarijiet preżenti. Ir-​rispett tagħna għall-​eżempju stabbilit minn Kristu se jqanqalna biex nuru temperament ġwejjed u rispett profond. (1 Pietru 2:23; 3:15) Taʼ spiss, uffiċjali bħal dawn huma taħt pressjoni mill-​kleru jew possibilment mis-​superjuri tagħhom stess. Tweġiba ħelwa għandha mnejn tgħinhom japprezzaw li l-​attività tagħna ma hi t’ebda periklu għalihom jew għall-​paċi fil-​komunità. Tweġiba bħal din trawwem spirtu taʼ rispett, koperazzjoni, u paċi f’dawk li jaċċettawha.—Titu 3:1, 2.

19. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’liema attivitajiet qatt ma jieħdu sehem?

19 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin maʼ l-​art kollha bħala nies li m’għandhom ebda parti fit-​tilwim tad-​dinja. Ma jinvolvux ruħhom fil-​konflitti tad-​dinja dwar razza, reliġjon, jew politika. (Ġwann 17:14) Minħabba li l-​Kelma t’Alla tidderiġina biex ‘inkunu sottomessi lejn l-​awtoritajiet superjuri,’ aħna lanqas saħansitra nikkontemplaw li nipparteċipaw f’atti taʼ diżordni ċivili biex nipprotestaw kontra l-​politika tal-​gvern. (Rumani 13:1) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah qatt ma ngħaqdu maʼ xi moviment immirat lejn li jwaqqaʼ xi gvern. Minħabba l-​livelli stabbiliti minn Jehovah għall-​qaddejja Kristjani tiegħu, lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jipparteċipaw f’tixrid taʼ demm jew fi vjolenza taʼ kwalunkwe tip! Il-​veri Kristjani mhux sempliċement jitkellmu dwar il-​paċi; huma jgħixu f’armonija maʼ dak li jippridkaw.

20. Inkwantu għall-​paċi, Babilonja l-​Kbira liema xorta taʼ rekord għamlet?

20 F’kuntrast mal-​veri Kristjani, dawk li jirrappreżentaw l-​organizzazzjonijiet reliġjużi tal-​Kristjaneżmu ma tawx prova li huma messaġġiera tal-​paċi. Ir-​reliġjonijiet taʼ Babilonja l-​Kbira​—il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu u reliġjonijiet mhux Kristjani lkoll kemm huma—​ittolleraw, appoġġjaw, u attwalment kienu minn taʼ quddiem fil-​gwerer tal-​ġnus. Huma qanqlu wkoll persekuzzjoni u saħansitra l-​qtil taʼ qaddejja leali taʼ Jehovah. Rigward Babilonja l-​Kbira, Apokalissi 18:24 għalhekk jiddikjara: “Fiha nstab id-​demm tal-​profeti u tal-​qaddisin u tal-​maqtulin kollha fuq l-​art.”

21. Ħafna wħud taʼ qalb onesta kif jirreaġixxu meta jaraw id-​differenza fil-​kondotta tan-​nies taʼ Jehovah u taʼ dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon falza?

21 Kuntrarju għar-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu u l-​bqija taʼ Babilonja l-​Kbira, il-​vera reliġjon hija forza pożittiva li tgħaqqad. Lill-​veri segwaċi tiegħu, Ġesù Kristu qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Dik hija mħabba li tisboq il-​konfini nazzjonali, soċjali, ekonomiċi, u razzjali li issa jifirdu l-​bqija taʼ l-​ispeċi umana. Billi osservaw dan, miljuni taʼ nies minn madwar id-​dinja kollha qegħdin jgħidu lill-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!”—Żakkarija 8:23.

22. Kif inħarsu lejn ix-​xogħol taʼ xiehda li għad irid isir?

22 Bħala n-​nies taʼ Jehovah, aħna nithennew bil-​kbir f’dak li ġie mwettaq, imma x-​xogħol għadu m’huwiex lest. Wara li jiżraʼ ż-​żerriegħa u jikkultiva l-​għalqa tiegħu, il-​bidwi ma jiqafx hemm. Jibqaʼ jaħdem, speċjalment fl-​aqwa taʼ l-​istaġun tal-​ħsad. Żmien il-​ħsad jitlob sforz sostnut u intens. U preċiż issa qiegħed jinġabar ħsad akbar minn qatt qabel t’adoraturi taʼ dak Alla veru. Dan huwa żmien taʼ thennija. (Isaija 9:3) Veru, aħna niltaqgħu m’oppożizzjoni u indifferenza. Bħala individwi, għandna mnejn qegħdin nitħabtu biex nittrattaw maʼ xi marda serja, sitwazzjonijiet diffiċli fil-​familja, jew tbatija ekonomika. Imma mħabba għal Jehovah tqanqalna biex nipperseveraw. Il-​messaġġ li ġie fdat lilna minn Alla huwa xi ħaġa li n-​nies għandhom bżonn jisimgħu. Dan huwa messaġġ taʼ paċi. Tabilħaqq, dan huwa l-​messaġġ li Ġesù nnifsu ppriedka​—l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (w97 1/15)

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

◻ Isaija 52:7 liema twettiq kellu fuq Israel tal-​qedem?

◻ Ġesù kif wera li kien l-​akbar messaġġier tal-​paċi?

◻ L-​appostlu Pawlu kif għaqqad Isaija 52:7 max-​xogħol li jieħdu sehem fih il-​Kristjani?

◻ X’inhu involut f’li nkunu messaġġiera tal-​paċi fi żmienna?

[Stampa f’paġna 7]

Bħal Ġesù, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma messaġġiera tal-​paċi divina

[Stampi f’paġna 9]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu paċifiċi hu x’inhu l-​mod kif in-​nies jirreaġixxu għall-​messaġġ tas-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja