Daqstant Sofferenza
“GĦALA hawn din is-sofferenza individwali u kollettiva terribbli kollha . . . ? Alla suppost li hu l-personifikazzjoni taʼ kull skop u madankollu tant hawn affarijiet bla għan f’din id-dinja, u tant sofferenza bla bżonn u dnub bla sens. Hu dan Alla forsi dak li Nietzsche akkużah li hu: déspota, impostur, imbroljun, bojja?”—On Being a Christian, miktub minn Hans Küng.
Int tistaʼ tara li t-teologu Kattoliku Hans Küng sempliċement qiegħed jippreżenta problema li tħawwad lil ħafna—Alla li jistaʼ kollox u li jħobb għala jippermetti daqstant sofferenza? Ma smajtx nies jistaqsu mistoqsija bħal din? Kull min għandu daqsxejn mogħdrija jitnikket għal dak li Küng jiddeskrivi bħala “nixxiegħa li ma tispiċċa qatt taʼ demm, għaraq u dmugħ, uġigħ, dwejjaq u biżaʼ, solitudni u mewt.” Dan huwa, fil-fatt, iktar bħal torrent, dilluvju taʼ waħx u diqa li ħasad il-ħajjiet taʼ miljuni matul l-istorja.—Ġob 14:1.
Mimlija “Taħbit u Niket”
Aħseb dwar is-sofferenza li tirriżulta mill-gwerer, l-uġigħ li jiġi mġarrab mhux biss mill-vittmi milqutin imma wkoll minn dawk li jibqgħu wara biex jitnikktu, bħalma huma l-ġenituri u l-qraba taʼ vittmi tfal u oħrajn li jkunu ġew brutalizzati. “Matul dawn l-aħħar 10 snin,” qalet ir-Red Cross dan l-aħħar, “1.5 miljun tifel u tifla ġew maqtulin f’konflitti bl-armi.” Fl-Irwanda fl-1994, ir-Red Cross tirrapporta, “mijiet t’eluf taʼ rġiel, nisa u tfal ġew imbiċċrin brutalment u sistematikament.”
Aħna wkoll ma rridux ninjoraw l-uġigħ ikkaġunat minn perverti li jabbużaw mit-tfal. Stqarret omm imnikkta, li qalet li binha kkommetta suwiċidju wara li ġie abbużat minn wieħed inkarigat biex jieħu ħsieb it-tfal: “Ir-raġel li wettaq abbuż fuq ibni . . . qered lilu u numru taʼ subjien oħrajn bl-iktar mod sistematiku u pervert li tistaʼ timmaġina.” U xi ngħidu għall-inkubu t’uġigħ li jinħass mill-vittmi taʼ qattiela mill-agħar jew qattiela li joqtlu sensiela taʼ nies wara xulxin, bħal dawk li nqabdu fil-Britannja li “ħatfu, stupraw, ittorturaw u qatlu mingħajr xkiel għal 25 sena”? Matul l-istorja qisu ma kienx hemm limitu għal dak li rġiel u nisa kkaġunaw lil xulxin fejn jidħlu l-uġigħ u s-sofferenza.—Koħèlet 4:1-3.
Żid maʼ dan is-sofferenza kkaġunata minn mard emozzjonali u fiżiku u l-uġigħ terribbli taʼ niket li jaħkem lill-familji meta l-maħbubin tagħhom imutu qabel iż-żmien. Hemm ukoll id-diqa li tinħass mill-vittmi tal-ġuħ jew l-hekk imsejħin diżastri naturali oħrajn. Ftit huma dawk li jargumentaw maʼ l-istqarrija taʼ Mosè li s-70 jew 80 sena tagħna huma mimlijin “taħbit u niket.”—Salm 90:10.
Parti Mill-Iskop T’Alla?
Jistaʼ jkun, bħalma qalu xi wħud, li din is-sofferenza bla waqfien hija parti minn xi skop li ma jistax jiġi mifhum t’Alla? Irridu nsofru issa biex napprezzaw il-ħajja ‘fid-dinja l-oħra’? Huwa veru, li bħalma kien jemmen il-filosfu Franċiż Teilhard de Chardin, is-“sofferenza li toqtol u tmermer, hija neċessarja għall-bniedem sabiex ikun jistaʼ jgħix u jsir spirtu”? (The Religion of Teilhard de Chardin; korsiv tagħna.) Dażgur li le!
Sejjer disinjatur li juri konsiderazzjoni joħloq deliberatament ambjent qerriedi u mbagħad isostni li hu mimli mogħdrija meta jsalva n-nies mill-effetti tiegħu? Ma tantx! Għala għandu Alla taʼ mħabba jagħmel ħaġa bħal din? Mela Alla għala jippermetti s-sofferenza? Is-sofferenza qatt se tintemm? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet.
(w97 2/15)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Ritratt tal-WHO minn P. Almasy