Lest Int għall-Jum taʼ Jehovah?
“Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!”—SOFONIJA 1:14.
1. L-Iskrittura kif tiddeskrivih il-jum taʼ Jehovah?
IL-‘JUM kbir u tal-biżaʼ taʼ Jehovah dalwaqt se jiġi fuq din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. L-Iskrittura tiddeskrivi l-jum taʼ Jehovah bħala wieħed taʼ battalja, dlam, furja, niket, diqa, biżaʼ, u ħerba. Madankollu, se jkun hemm min isalva, għax “kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles.” (Ġoel 3:4-6 [Ġoel 2:30-32, NW]; Għamos 5:18-20) Iva, Alla dak in-nhar se jeqred lill-għedewwa tiegħu u jsalva lin-nies tiegħu.
2. Għala għandna jkollna sens t’urġenza dwar il-jum taʼ Jehovah?
2 Il-profeti t’Alla qiesu l-jum taʼ Jehovah b’sens t’urġenza. Per eżempju, Sofonija kiteb: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha.” (Sofonija 1:14) Is-sitwazzjoni hija bil-wisq iktar urġenti llum għaliex l-Esekutur Ewlieni t’Alla, is-Sultan Ġesù Kristu, appik li ‘jitħażżem b’sejfu fuq ġenbu u jirkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq!’ (Salm 45:4, 5 [Salm 45:3, 4, NW]) Lest int għal dak il-jum?
Kellhom Stennijiet Kbar
3. Liema stennijiet kellhom xi Kristjani Tessalonikin, u minħabba liema żewġ raġunijiet kienu żbaljati?
3 Ħafna kienu dawk li kellhom stennijiet mhux imwettqin rigward il-jum taʼ Jehovah. Xi Kristjani tal-bidu f’Tessalonika qalu, ‘Jum il-Mulej qorob!’ (2 Tessalonikin 2:2) Imma kien hemm żewġ raġunijiet bażiċi għala dan ma kienx fil-qrib. Waqt li ċċita waħda minnhom, l-appostlu Pawlu kien qal: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ [“sigurtà,” NW],’ dak il-ħin stess, . . . tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda.” (1 Tessalonikin 5:1-6) F’dan iż-“żmien taʼ l-aħħar,” aħna nfusna nistennew it-twettiq taʼ dak il-kliem. (Danjel 12:4) It-Tessalonikin kien jonqoshom linja oħra t’evidenza li l-jum il-kbir taʼ Jehovah kien wasal, għax Pawlu qalilhom: “Mhux se jiġi jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija.” (2 Tessalonikin 2:3, NW) Meta Pawlu kiteb dan il-kliem (madwar is-sena 51 E.K.), “l-apostasija” mill-Kristjanità vera ma kinitx għadha żviluppat kompletament. Illum, narawha fl-aqwa tagħha fil-Kristjaneżmu. Minkejja l-istennijiet mhux imwettqin tagħhom, iżda, dawk il-midlukin leali f’Tessalonika, li baqgħu jaqdu lil Alla fedelment sal-mewt, eventwalment irċevew premju għas-sema. (Apokalissi 2:10) Aħna wkoll se niġu ppremjati jekk nibqgħu leali hekk kif nistennew il-jum taʼ Jehovah.
4. (a) Il-jum taʼ Jehovah maʼ liema ħaġa huwa marbut fit-2 Tessalonikin 2:1, 2? (b) Liema opinjonijiet kellhom l-hekk imsejħin Santi Padri dwar ir-ritorn taʼ Kristu u kwistjonijiet relatati?
4 Il-Bibbja torbot “il-Jum il-kbir tal-Mulej” mal-“miġja [“preżenza,” NW] taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (2 Tessalonikin 2:1, 2) L-hekk imsejħin Santi Padri kellhom diversi ideat dwar ir-ritorn taʼ Kristu, il-preżenza tiegħu, u r-Renju tiegħu t’Elf Sena. (Apokalissi 20:4) Fit-tieni seklu E.K., Papijas taʼ Ħjerapolis kien iħaddan stennijiet taʼ fertilità taʼ l-għaġeb għall-art matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu. Ġustinu Martri tkellem ripetutament dwar il-preżenza taʼ Ġesù u stenna li Ġerusalemm irrestawrata tkun it-tron tas-Saltna Tiegħu. Irenju taʼ Lyons għallem li wara li jinqered l-Imperu Ruman, Ġesù kellu jidher b’mod viżibbli, jorbot lil Satana, u jsaltan f’Ġerusalemm taʼ l-art.
5. Ċerti studjużi x’qalu dwar it-“Tieni Avvent” taʼ Kristu u r-Renju Millennjali tiegħu?
5 Il-kittieb taʼ l-istorja Philip Schaff innota li “l-iktar punt li jispikka” fil-perijodu taʼ qabel il-Kunsill taʼ Niċea fis-sena 325 E.K. kien “it-twemmin taʼ renju viżibbli minn Kristu fil-glorja fuq l-art mal-qaddisin irxoxtati għal elf sena, qabel l-irxoxt u l-ġudizzju ġenerali.” A Dictionary of the Bible, editjat minn James Hastings, jistqarr: “Tertuljanu, Irenju, u Ippolitu għadhom ifittxu Avvent imminenti [taʼ Ġesù Kristu]; imma inkwantu għas-Santi Padri Alessandrini aħna nidħlu f’linja oħra taʼ ħsieb. . . . Bl-identifikar minn Wistin tal-Millennju mal-perijodu tal-Knisja militanti, it-Tieni Avvent huwa pospost għal futur imbiegħed.”
Il-Jum Taʼ Jehovah u L-Preżenza Taʼ Ġesù
6. Għala m’għandniex nikkonkludu li l-jum taʼ Jehovah għadu ’l bogħod ħafna?
6 Ideat żbaljati wasslu għal diżappunti, imma ejjew ma naħsbux li l-jum taʼ Jehovah għadu ’l bogħod ħafna. Il-preżenza inviżibbli taʼ Ġesù, li magħha huwa konness Skritturalment il-jum taʼ Jehovah, diġà bdiet. The Watchtower u pubblikazzjonijiet relatati tax-Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss ipprovdew evidenza Skritturali li l-preżenza taʼ Kristu bdiet fis-sena 1914.a Mela, allura, Ġesù x’qal dwar il-preżenza tiegħu?
7. (a) Liema huma xi karatteristiċi tas-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù u l-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet? (b) Aħna kif nistgħu niġu salvati?
7 Il-preżenza taʼ Ġesù kienet saret suġġett għal diskussjoni ftit qabel mewtu. Wara li semgħuh ibassar il-qerda tat-tempju taʼ Ġerusalemm, l-appostli tiegħu Pietru, Ġakbu, Ġwanni, u Indrì staqsewh: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja [“preżenza,” NW] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” (Mattew 24:1-3; Mark 13:3, 4) Bi tweġiba, Ġesù bassar gwerer, ġuħ, terremoti, u karatteristiċi oħrajn tas-“sinjal” tal-preżenza tiegħu u tal-konklużjoni taʼ din is-sistema t’affarijiet. Hu qal ukoll: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Aħna se nsalvaw jekk nissaportu fedelment sat-tmiem tal-ħajja preżenti tagħna jew sat-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar.
8. Qabel it-tmiem tas-sistema Lhudija, x’kellu jiġi mwettaq, u x’qiegħed isir illum dwar dan?
8 Qabel it-tmiem, se tiġi mwettqa karatteristika taʼ sinjifikat speċjali tal-preżenza taʼ Ġesù. Dwarha, hu qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 24:14) Qabel ma r-Rumani qerdu lil Ġerusalemm u qabel ma s-sistema Lhudija t’affarijiet intemmet fis-sena 70 E.K., Pawlu setaʼ jgħid li l-aħbar tajba ‘tħabbret lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.’ (Kolossin 1:23) Illum, madankollu, xogħol iktar estensiv taʼ pridkar qiegħed isir mix-Xhieda taʼ Jehovah “fid-dinja kollha.” Matul il-ftit snin li għaddew, Alla fetaħ it-triq biex tingħata xiehda kbira fl-Ewropa tal-Lvant. Bi stamperiji u faċilitajiet oħrajn mad-dinja kollha, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah tinsab lesta għal attività miżjuda, saħansitra f’“territorju mhux minsus.” (Rumani 15:22, 23, NW) Tqanqlek qalbek biex tagħmel l-almu tiegħek f’li tagħti xiehda qabel ma jiġi t-tmiem? Jekk inhu hekk, Alla jistaʼ jsaħħek biex ikollok sehem premjanti fix-xogħol li għad baqaʼ quddiemna.—Filippin 4:13; 2 Timotju 4:17.
9. Ġesù liema punt għamel, bħalma huwa ddokumentat f’Mattew 24:36?
9 Ix-xogħol taʼ l-ippridkar imbassar u karatteristiċi oħrajn tas-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù qegħdin jitwettqu issa stess. Għalhekk, it-tmiem huwa qrib għal din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. Veru li Ġesù qal: “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-anġli tas-sema u lanqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier waħdu.” (Mattew 24:4-14, 36) Imma l-profezija taʼ Ġesù tistaʼ tgħinna biex inkunu lesti għal dak “il-jum u s-siegħa.”
Huma Kienu Lesti
10. Kif nafu li huwa possibbli li nibqgħu mqajmin spiritwalment?
10 Biex nibqgħu ħajjin wara l-jum taʼ Jehovah, irridu nibqgħu mqajmin spiritwalment u nieqfu sodi għall-qima vera. (1 Korintin 16:13) Nafu li sabar bħal dan huwa possibbli, għax familja devota hekk għamlet u salvat mid-Dilluvju li qered lill-bnedmin mill-agħar fis-sena 2370 Q.E.K. Waqt li qabbel dik l-era mal-preżenza tiegħu, Ġesù qal: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebhu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37-39.
11. Noè liema korsa segwa minkejja l-vjolenza li eżistiet fi żmienu?
11 Bħalna, Noè u l-familja tiegħu għexu f’dinja vjolenti. Xi “wlied Alla” diżubbidjenti kienu mmaterjalizzaw u ħadu nisa għalihom u li minnhom nisslu n-Nefilim infamja—bulijiet li bla dubju għamlu l-kundizzjonijiet iktar vjolenti. (Ġenesi 6:1, 2, 4; 1 Pietru 3:19, 20) Madankollu, “Noè . . . kien jimxi sewwa maʼ Alla” fil-fidi. Hu “kien perfett fost in-nies taʼ żmienu”—il-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ żmienu. (Ġenesi 6:9-11) Billi nistrieħu bit-talb fuq Alla, aħna nistgħu nagħmlu l-istess ħaġa f’din id-dinja vjolenti u mill-agħar hekk kif nistennew il-jum taʼ Jehovah.
12. (a) Minbarra li bena arka, Noè liema xogħol għamel? (b) In-nies kif irreaġixxew għall-ippridkar taʼ Noè, u x’kienu l-konsegwenzi għalihom?
12 Noè hu magħruf sewwa bħala l-bennej t’arka għall-ippreservar tal-ħajja mill-Għarqa. Hu kien ukoll “ħabbâr tal-ġustizzja,” imma l-kontemporanji tiegħu “b’xejn ma ntebhu” dwar il-messaġġ tiegħu mogħti minn Alla. Huma kielu u xorbu, iżżewġu, rabbew familji, u baqgħu għaddejjin bl-affarijiet normali tal-ħajja sakemm id-Dilluvju kinishom ilkoll. (2 Pietru 2:5; Ġenesi 6:14) Ma ridux jisimgħu dwar diskors u kondotta retti, saħansitra bħalma l-ġenerazzjoni mill-agħar tal-lum tagħlaq widnejha għal dak li x-Xhieda taʼ Jehovah jgħidu dwar l-‘indiema lejn Alla,’ il-fidi fi Kristu, it-tjieba, u l-“ġudizzju li għad irid jiġi.” (Atti 20:20, 21; 24:24, 25) M’hemm ebda dokument disponibbli li juri kemm nies għexu fuq l-art meta Noè kien qiegħed jiddikjara l-messaġġ t’Alla. Imma ħaġa waħda hija ċerta, il-popolazzjoni taʼ l-art ġiet imnaqqsa drastikament fis-sena 2370 Q.E.K.! L-Għarqa kinset għalkollox lil dawk mill-agħar, waqt li ħelset biss lil dawk li kienu lesti għal dak l-att t’Alla—Noè u sebgħa oħra fil-familja tiegħu.—Ġenesi 7:19-23; 2 Pietru 3:5, 6.
13. Noè f’liema digriet ġudizzjarju poġġa fiduċja sħiħa, u kif aġixxa f’armonija maʼ dan?
13 Alla lil Noè m’avżahx ħafna snin qabel dwar il-jum u s-siegħa eżatti tad-Dilluvju. Madankollu, meta Noè kellu 480 sena, Jehovah ħareġ digriet: “L-ispirtu tiegħi ma jdumx għal dejjem jitħabat mal-bniedem, għax hu laħam ukoll: iżda jiemu jkunu mija u għoxrin sena.” (Ġenesi 6:3, KŻ) Noè poġġa fiduċja sħiħa f’dan id-digriet ġudizzjarju divin. Wara li għalaq 500 sena, “wiled lil Sem, lil Ħam, u lil Ġafet,” u skond id-drawwa taʼ dak iż-żmien, uliedu ried ikollhom bejn il-50 u 60 sena qabel ma żżewġu. Meta lil Noè ntqallu biex jibni l-arka għall-ippreservar mid-Dilluvju, dawk l-ulied u n-nisa tagħhom evidentement għenuh f’dik l-intrapriża. Il-bini taʼ l-arka x’aktarx li sar fl-istess żmien tas-servizz taʼ Noè bħala “ħabbâr tal-ġustizzja,” billi żammu okkupat għall-aħħar 40 jew 50 sena taʼ qabel id-Dilluvju. (Ġenesi 5:32; 6:13-22) Għal dawk is-snin kollha, hu u l-familja tiegħu aġixxew bil-fidi. Ejjew aħna wkoll nuru fidi hekk kif nippridkaw l-aħbar tajba u nistennew il-jum taʼ Jehovah.—Lhud 11:7.
14. Jehovah x’qallu eventwalment lil Noè, u għala?
14 Hekk kif l-arka kienet kważi lesta, Noè għandu mnejn ħaseb li d-Dilluvju kien imminenti, għalkemm ma kienx jaf eżattament dan meta kellu jseħħ. Jehovah eventwalment qallu: “Minn hawn u sebat ijiem oħra se nibgħat xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.” (Ġenesi 7:4) Dak ta biżżejjed żmien lil Noè u lill-familja tiegħu biex idaħħlu t-tipi kollha t’annimali fl-arka u biex jidħlu huma nfushom qabel ma beda d-Dilluvju. Aħna m’għandniex bżonn inkunu nafu l-jum u s-siegħa tal-bidu tal-qerda taʼ din is-sistema; is-salvazzjoni taʼ l-annimali m’hijiex fdata f’idejna, u bnedmin bil-prospett li jsalvaw diġà qegħdin jidħlu fl-arka simbolika, il-ġenna spiritwali tan-nies t’Alla.
“Ibqgħu Għassa”
15. (a) Fi kliemek stess, kif tispjega l-kliem taʼ Ġesù misjub f’Mattew 24:40-44? (b) Il-fatt li ma nafux il-ħin eżatt li Ġesù ġej biex jesegwixxi l-vendetta t’Alla għandu liema effett?
15 Rigward il-preżenza tiegħu, Ġesù spjega: “Mbagħad tnejn ikunu [jaħdmu] fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu [l-qamħ fi dqiq] flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru [“ibqgħu għassa,” NW], mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan taʼ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem.” (Mattew 24:40-44; Luqa 17:34, 35) Il-fatt li ma nafux il-ħin eżatt meta Ġesù se jiġi biex jesegwixxi l-vendetta t’Alla jġagħalna nibqgħu b’għajnejna miftuħin u jagħtina opportunità kuljum biex nagħtu prova li aħna naqdu lil Jehovah b’motivi mhux egoisti.
16. X’se jiġrilhom l-individwi li ‘jitħallew’ u dawk li ‘jittieħdu’?
16 Individwi li ‘jitħallew’ għall-qerda maʼ dawk mill-agħar se jinkludu lil dawk li darba kienu mdawlin imma li jinbelgħu f’mod egoistiku taʼ ħajja. Jalla nkunu fost dawk li ‘jittieħdu,’ dawk devoti bis-sħiħ lejn Jehovah u li huma verament grati għall-provvedimenti spiritwali tiegħu permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Ejjew naqdu lil Alla b’“qalb safja, minn kuxjenza tajba u minn fidi sinċiera” dritt sat-tmiem.—1 Timotju 1:5.
Atti Qaddisin Essenzjali
17. (a) X’ġie mbassar fit-2 Pietru 3:10? (b) Liema huma xi wħud mill-atti u l-għemejjel inkuraġġiti mit-2 Pietru 3:11?
17 L-appostlu Pietru kiteb: “Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.” (2 Pietru 3:10) Is-smewwiet u l-art simboliċi m’humiex se jibqgħu jeżistu wara s-saħna tar-rabja taħraq t’Alla. Għalhekk Pietru jżid: “Ladarba dawn l-affarijiet kollha għandhom b’hekk idubu, liema xorta taʼ persuni jmisskom tkunu f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla!” (2 Pietru 3:11, NW) Fost dawn l-atti u għemejjel hemm li nkunu preżenti b’mod regulari għal-laqgħat Kristjani, li nagħmlu l-ġid lil oħrajn, u li jkollna sehem sinjifikanti f’li nxandru l-aħbar tajba.—Mattew 24:14; Lhud 10:24, 25; 13:16.
18. Jekk qegħdin niżviluppaw ġibda lejn id-dinja, x’għandna nagħmlu?
18 ‘Atti qaddisin taʼ kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla’ jirrikjedu li ‘nżommu ruħna bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.’ (Ġakbu 1:27) Imma xi ngħidu jekk qegħdin niżviluppaw ġibda lejn din id-dinja? Forsi qegħdin niġu mħajrin għal ġo pożizzjoni perikoluża quddiem Alla billi nfittxu divertiment mhux nadif jew billi nisimgħu mużika u kanzunetti li jippromwovu l-ispirtu maħmuġ taʼ din id-dinja. (2 Korintin 6:14-18) Jekk inhu hekk, ejjew infittxu l-għajnuna t’Alla bit-talb sabiex ma nintemmux mad-dinja imma nieqfu approvati quddiem Bin il-bniedem. (Luqa 21:34-36; 1 Ġwann 2:15-17) Jekk għamilna dedikazzjoni lil Alla, żgur li nkunu rridu nagħmlu l-almu tagħna biex nibnu u nżommu relazzjoni kordjali miegħu u b’hekk inkunu lesti għall-jum il-kbir u li jqanqal il-biżaʼ taʼ Jehovah.
19. Qtajjaʼ taʼ proklamaturi tas-Saltna għala jistgħu jistennew li jibqgħu ħajjin wara l-konklużjoni taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar?
19 Ir-raġel devot Noè u l-familja tiegħu ħarġu ħajjin mid-Dilluvju li qered lid-dinja tal-qedem. Individwi retti salvaw mit-tmiem tas-sistema Lhudija t’affarijiet fis-sena 70 E.K. Per eżempju, l-appostlu Ġwanni kien għadu attiv fis-servizz t’Alla bejn is-sena 96-98 E.K., meta kiteb il-ktieb t’Apokalissi jew Rivelazzjoni, ir-rakkont tiegħu tal-Vanġelu, u t-tliet ittri mnebbħin tiegħu. Minn dawk l-eluf li ħaddnu l-fidi vera f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., x’aktarx li qtajjaʼ baqgħu ħajjin fit-tmiem tas-sistema Lhudija. (Atti 1:15; 2:41, 47; 4:4) Illum numru kbir taʼ proklamaturi tas-Saltna jistgħu jittamaw li jibqgħu ħajjin wara l-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet mill-agħar preżenti.
20. Għala għandna nkunu ‘ħabbâra tal-ġustizzja’ żelużi?
20 Bl-ippreservar għal ġod-dinja l-ġdida quddiemna, ejjew inkunu ‘ħabbâra tal-ġustizzja’ żelużi. Xi privileġġ għandna li naqdu lil Alla f’dawn l-aħħar jiem! U x’ferħ li nidderieġu lin-nies lejn l-“arka” taʼ żmienna, il-ġenna spiritwali li qiegħda titgawda min-nies t’Alla! Jalla l-miljuni li issa jinsabu fiha jibqgħu leali, imqajmin spiritwalment, u lesti għall-jum il-kbir taʼ Jehovah. Imma x’se jgħin biex aħna lkoll nibqgħu mqajmin?
(w97 3/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara kapitli 10 u 11 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema stennijiet kellhom xi wħud dwar il-jum taʼ Jehovah u l-preżenza taʼ Kristu?
◻Għala nistgħu ngħidu li Noè u l-familja tiegħu kienu lesti għad-Dilluvju?
◻ X’se jiġrilhom dawk li ‘jibqgħu għassa’ u dawk li ma jibqgħux?
◻ Atti qaddisin għala huma essenzjali, speċjalment hekk kif noqorbu dejjem iktar lejn il-jum il-kbir taʼ Jehovah?