Ħa Tibqaʼ Magħkom l-Imħabba taʼ l-Aħwa!
“Ħa tibqaʼ magħkom l-imħabba taʼ l-aħwa.”—LHUD 13:1.
1. Kieku x’tagħmel int sabiex iżżomm nar jaqbad f’lejl kiesaħ, u liema responsabbiltà simili għandna lkoll kemm aħna?
BARRA hemm kesħa xxoqq l-għadam, u t-temperatura nieżla f’daqqa. L-uniku sors taʼ sħana f’darek huwa nar iċaqċaq fil-fireplace. Ħajjiet jiddependu milli int iżżomm in-nar jaqbad. Se toqgħod int bil-qiegħda b’idejk fuq żaqqek u tħares lejn il-fjammi hekk kif jintfew u l-ħmura tal-ġamar tbatti sa ma ssir kulur griż matt bla ħajja? Dażgur li le. Int bla ma tgħejja se tibqaʼ titfaʼ l-ħatab biex iżżommu jaqbad. F’ċertu sens, kull wieħed minna għandu biċċa xogħol simili f’konnessjoni maʼ “nar” bil-wisq iktar importanti—dak li suppost qiegħed jaqbad ġewwa qlubna—l-imħabba.
2. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-imħabba birdet f’dawn l-aħħar jiem? (b) L-imħabba kemm hija importanti għall-veri Kristjani?
2 Aħna qegħdin ngħixu fi żmien meta, bħalma bassar Ġesù żmien twil ilu, l-imħabba qiegħda tibred fost dawk li jgħidu li huma Kristjani madwar id-dinja. (Mattew 24:12) Ġesù kien qiegħed jirreferi għall-iktar tip importanti taʼ mħabba, l-imħabba għal Alla Jehovah u għall-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Tipi oħrajn taʼ mħabba qegħdin ukoll imajnaw. Il-Bibbja bassret li fl-“aħħar tad-dinja,” ħafna kienu se jkunu “bla qalb.” (2 Timotju 3:1-5) Kemm huwa minnu dan! Il-familja għandha tkun menqa t’affezzjoni naturali, imma saħansitra hawnhekk, il-vjolenza u l-abbuż—kultant brutali b’mod li jkexkxek—saru tant komuni. Madankollu, f’din l-atmosfera kiesħa taʼ din id-dinja, il-Kristjani jiġu kkmandati mhux biss biex ikollhom imħabba għal xulxin imma biex ikollhom imħabba li tissagrifika lilha nfisha, li wieħed ipoġġi lil oħrajn qablu. Aħna rridu nuru din l-imħabba b’mod tant ċar li tkun tidher għal kulħadd, billi ssir il-marka li tidentifika tal-kongregazzjoni Kristjana vera.—Ġwann 13:34, 35.
3. X’inhi l-imħabba taʼ l-aħwa, u x’ifisser li nħalluha tibqaʼ magħna?
3 L-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikkmanda: “Ħa tibqaʼ magħkom l-imħabba taʼ l-aħwa.” (Lhud 13:1) Skond ċerta pubblikazzjoni akkademika, il-kelma Griega tradotta hawnhekk “imħabba taʼ l-aħwa” (phi·la·del·phiʹa) “tirreferi għal imħabba b’affezzjoni, li turi qalb tajba, simpatija, li toffri l-għajnuna.” U Pawlu x’ried jgħid biha meta qal li għandna nħallu mħabba bħal din tibqaʼ magħna? “Qatt m’għandha tibred,” tistqarr l-istess pubblikazzjoni. Mela m’huwiex biżżejjed li jkollna affezzjoni għal ħutna; irridu nħalluha tidher. Barra minn hekk, irridu naraw li din l-imħabba tibqaʼ, billi qatt ma nħalluha tibred. Huwa dan taʼ sfida? Iva, imma l-ispirtu taʼ Jehovah jistaʼ jgħinna nikkultivaw affezzjoni fraterna u nżommuha. Ejjew nikkunsidraw tliet modi kif inkebbsu n-nar taʼ din l-imħabba fi qlubna.
Uri Li Tħoss Għal Sħabek
4. X’ifisser li nħossu għal xulxin?
4 Jekk trid li jkollok iktar imħabba għal ħutek Kristjani, għandu mnejn l-ewwel ikollok bżonn li tħoss għalihom, li turi empatija għalihom fil-provi u l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ħajja. L-appostlu Pietru hekk issuġġerixxa meta kiteb: “Kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.” (1 Pietru 3:8) Il-kelma Griega wżata hawnhekk għal li juru li ‘jħossu għal xulxin’ tindika “li ssofri maʼ.” Awtorità waħda fuq il-Grieg Bibliku tgħid dwar din il-kelma: “Din tiddeskrivi l-istat tal-moħħ li jeżisti meta naqsmu m’oħrajn is-sentimenti tagħhom bħal li kieku dawn kienu tagħna stess.” Għaldaqstant, hija meħtieġa l-empatija. Qaddej leali taʼ Jehovah li kien imdaħħal fiż-żmien darba qal: “L-empatija hija l-uġigħ tiegħek f’qalbi.”
5. Kif nafu li Jehovah jħoss għalina?
5 Iħoss Jehovah għalina b’dan il-mod? Assolutament. Per eżempju, rigward is-sofferenzi tal-poplu tiegħu Iżrael naqraw: “Fid-dwejjaq tagħhom kollha kien imnikket.” (Isaija 63:9, KŻ) Jehovah mhux sempliċement ra d-dwejjaq tagħhom; hu ħass għan-nies. Sewwa sew kemm iħoss intensament huwa muri mill-kliem li Jehovah nnifsu qal lill-poplu tiegħu, iddokumentat f’Żakkarija 2:12 [Żakkarija 2:8, NW]: ‘Min imiss lilkom imiss il-mimmi t’għajnejja.’a Wieħed kummentatur jinnota rigward dan il-vers: “L-għajn hija waħda mill-istrutturi l-iktar komplikati u delikati fil-ġisem uman; u l-mimmi taʼ l-għajn—il-fetħa li minnha d-dawl tas-sema jidħol għall-iskopijiet tal-vista—l-iktar parti sensittiva, kif ukoll importanti, taʼ dik l-istruttura. Xejn ma jistaʼ juri iktar aħjar l-idea taʼ kemm Jehovah jimpurtah b’mod verament teneru għal dawk li lejhom jidderieġi l-imħabba tiegħu.”
6. Ġesù Kristu kif wera li jħoss għan-nies?
6 Ġesù wkoll dejjem wera li kien iħoss profondament għan-nies. Hu kemm-il darba ġie “mqanqal mill-ħniena” minħabba l-qagħda mwiegħra tal-bnedmin sħabu li kienu morda jew imdejqin. (Mark 1:41; 6:34) Hu indika li meta xi ħadd jonqos li jittratta lis-segwaċi midlukin tiegħu b’qalb tajba, Jehovah, hu jħossu bħal li kieku qiegħed jirċievi dan it-trattament hu stess. (Mattew 25:41-46) U llum bħala l-“qassis il-kbir” tagħna tas-sema, hu wieħed li jistaʼ “jagħder id-dgħufija tagħna.”—Lhud 4:15.
7. Li nħossu għal xulxin kif jistaʼ jgħinna meta xi ħu jew oħt jirritawna?
7 “Jagħder id-dgħufija tagħna”—m’huwiex dak ħsieb li jfarraġna? Ċertament, allura, aħna rridu nagħmlu l-istess għal xulxin. M’għandniex xi ngħidu, huwa iktar faċli li nfittxu d-dgħjufijiet taʼ ħaddieħor. (Mattew 7:3-5) Imma, l-ewwel darba li xi ħu jew oħt jirritawk għala ma tipprovax tagħmel dan li ġej? Immaġina lilek innifsek fiċ-ċirkostanzi taʼ dik il-persuna, b’dak l-isfond, dik il-personalità, dawk in-nuqqasijiet persunali li trid tħabbat wiċċek magħhom. Tistaʼ int tkun ċert li m’intix se tagħmel l-istess żbalji—jekk mhux saħansitra żbalji agħar minn dawn? Minflok ma nistennew iżżejjed minn oħrajn, għandna nuru li nħossu għalihom, u dan se jgħinna nkunu raġonevoli bħal Jehovah, li ‘jiftakar li aħna trab.’ (Salm 103:14; Ġakbu 3:17) Hu jaf il-limitazzjonijiet tagħna. Qatt ma jistenna minna iktar milli b’mod raġonevoli nifilħu nagħmlu. (Qabbel 1 Slaten 19:5-7.) Ejjew ilkoll nestendu sentiment bħal dan taʼ li nħossu għal oħrajn.
8. Kif għandna nirreaġixxu meta xi ħu jew oħt jkunu għaddejjin minn xi inkwiet?
8 Pawlu kiteb li l-kongregazzjoni hija bħal ġisem b’diversi membri li jridu jaħdmu flimkien f’unità. Hu żied: “Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu.” (1 Korintin 12:12-26) Aħna jeħtieġ li nbatu flimkien, jew nuru empatija, maʼ dawk li jkunu għaddejjin minn xi prova. L-anzjani jkunu minn taʼ quddiem f’li jagħmlu dan. Pawlu kiteb ukoll: “Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?” (2 Korintin 11:29) L-anzjani u l-indokraturi li jivvjaġġaw jimitaw lil Pawlu f’dan ir-rigward. Fit-taħditiet tagħhom, fix-xogħol pastorali tagħhom, u saħansitra fil-mod kif jittrattaw kwistjonijiet ġudizzjarji, huma jistinkaw biex juru li jħossu għal oħrajn. Pawlu rrikmanda “ibku maʼ min jibki.” (Rumani 12:15) Meta n-nagħaġ jindunaw li r-rgħajja verament iħossu għalihom, jifhmu l-limitazzjonijiet tagħhom, u jissimpatizzaw mat-tbatijiet li jiffaċċjaw, huma ġeneralment ikunu iktar lesti li jaċċettaw pariri, direzzjoni u dixxiplina. Huma jattendu l-laqgħat bil-ħerqa, fiduċjużi li hemmhekk se jsibu ‘l-mistrieħ għal ruħhom.’—Mattew 11:29.
Nuru Apprezzament
9. Jehovah kif juri li japprezza t-tajjeb taʼ ġo fina?
9 It-tieni mod li jkebbes l-imħabba taʼ l-aħwa huwa permezz taʼ l-apprezzament. Biex napprezzaw lil oħrajn, irridu nistmaw u niffokaw fuq l-isforzi u l-kwalitajiet tajbin tagħhom. Meta nagħmlu hekk, inkunu qegħdin nimitaw lil Jehovah nnifsu. (Efesin 5:1) Hu kuljum jaħfrilna ħafna dnubiet żgħar. Saħansitra jaħfer dnubiet serji basta jkun hemm indiema ġenwina. Imbagħad ladarba jaħfrilna dnubietna, mhux se joqgħod iberren fuqhom. (Eżekjel 33:14-16) Is-salmista staqsa: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Jehovah, fuq l-affarijiet tajbin li nagħmlu biex naqduh jiffoka.—Lhud 6:10.
10. (a) Għala huwa perikoluż li l-imseħbin fiż-żwieġ ma jibqgħux juru apprezzament lejn xulxin? (b) X’għandek tagħmel jekk l-apprezzament tiegħek għall-parti l-oħra qiegħed imajna?
10 Huwa partikolarment importanti li dan l-eżempju jiġi segwit fil-familja. Meta l-ġenituri juru li japprezzaw lil xulxin, huma jistabbilixxu mudell għall-familja. F’din l-era taʼ żwiġijiet li malajr ifallu, huwa verament faċli li wieħed ma jikkalkulax il-parti l-oħra u li jkabbar in-nuqqasijiet u jċekken il-karatteristiċi tajbin. Dan il-mod negattiv taʼ ħsieb imermer iż-żwieġ, billi jbiddlu f’tagħbija taʼ bla ebda ferħ. Jekk l-apprezzament tiegħek għall-parti l-oħra qiegħed imajna, staqsi lilek innifsek, ‘Din tassew m’għandha ebda kwalità tajba?’ Aħseb ftit lura dwar ir-raġunijiet għala sirt tħobb u żżewwiġt. Possibbli li sparixxew dawk ir-raġunijiet kollha għala ħabbejt lil din il-persuna unika? Dażgur li le; mela aħdem iebes biex tapprezza t-tajjeb fil-parti l-oħra, u esprimi l-apprezzament tiegħek bil-kliem.—Proverbji 31:28.
11. Jekk l-imħabba fiż-żwieġ għandha tkun ħielsa mill-ipokresija, liema prattiċi jridu jiġu evitati?
11 L-apprezzament jgħin ukoll lill-imseħbin fiż-żwieġ biex iżommu mħabbithom ħielsa mill-ipokresija. (Qabbel 2 Korintin 6:6; 1 Pietru 1:22.) Imħabba bħal din, imkebbsa minn apprezzament mill-qalb, ma se tħalli ebda lok għal krudeltà fil-privat, ebda lok għal kliem li jweġġaʼ u umiljanti, ebda lok għal li koppja jkunu miksurin fejn jgħaddu ġranet sħaħ mingħajr ma tintqal ebda kelma ħelwa jew ċivili, u ċertament ebda lok għal vjolenza fiżika. (Efesin 5:28, 29) Raġel u mara li verament japprezzaw lil xulxin jonoraw lil xulxin. Dan jagħmluh mhux biss meta jkunu fil-pubbliku imma kull meta jkunu fejn jarahom Jehovah—fi kliem ieħor, il-ħin kollu.—Proverbji 5:21.
12. Il-ġenituri għala għandhom jesprimu apprezzament għat-tajjeb li hemm fit-tfal tagħhom?
12 It-tfal ukoll għandhom bżonn iħossuhom apprezzati. Ma jfissirx li l-ġenituri għandhom ifissduhom bi kliem bla preġju, imma għandhom ifaħħru l-kwalitajiet tajbin tat-tfal tagħhom u l-affarijiet tajbin u ġenwini li huma jagħmlu. Ftakar fl-eżempju taʼ Jehovah f’li jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għal Ġesù. (Mark 1:11) Ftakar, ukoll, l-eżempju taʼ Ġesù bħala s-“sinjur” fil-parabbola. Hu faħħar liż-żewġ ‘qaddejja tajbin u fidili’ indaqs, avolja kien hemm differenza f’dak li kull wieħed ingħata u differenza li tikkorrispondi f’dak li kull wieħed ipproduċa. (Mattew 25:20-23; qabbel Mattew 13:23.) Ġenituri għaqlin bl-istess mod isibu modi kif jesprimu apprezzament għal kwalitajiet, abbiltajiet, u kisbiet individwali taʼ kull tifel jew tifla. Fl-istess ħin, ma jipprovawx jagħtu importanza żejda lil kisbiet li wieħed jistaʼ jagħmel tant li t-tfal tagħhom iħossuhom imbottati l-ħin kollu biex jibbrillaw. Ma jridux li t-tfal tagħhom jitilgħu ħorox jew qalbhom maqtugħa.—Efesin 6:4; Kolossin 3:21.
13. Min huwa fuq quddiem f’li juri apprezzament għal kull membru tal-kongregazzjoni?
13 Fil-kongregazzjoni Kristjana, l-anzjani u l-indokraturi li jivvjaġġaw ikunu minn taʼ quddiem f’li juru apprezzament għal kull membru individwali tal-merħla t’Alla. Il-pożizzjoni tagħhom hija waħda diffiċli, minħabba li għandhom ir-responsabbiltà tqila li jiddixxiplinaw fit-tjieba, biex iwiddbu bi spirtu taʼ ħlewwa lil uħud li jiżbaljaw, u biex joffru parir iebes lil dawk li jeħtiġuh. Huma kif jibbilanċjaw dawn ir-responsabbiltajiet differenti?—Galatin 6:1; 2 Timotju 3:16.
14, 15. (a) Pawlu kif wera l-bilanċ fil-kwistjoni taʼ li wieħed jagħti parir iebes? (b) Indokraturi Kristjani kif jistgħu jibbilanċjaw il-ħtieġa li jikkorreġu n-nuqqasijiet mal-ħtieġa li jagħtu tifħir? Agħti eżempju.
14 L-eżempju taʼ Pawlu huwa t’għajnuna kbira. Hu kien jispikka bħala għalliem, anzjan, u ragħaj. Kellu jittratta maʼ kongregazzjonijiet li kellhom problemi kbar, u ma żammx lura minħabba l-biżaʼ milli jagħti parir iebes meta dan kien meħtieġ. (2 Korintin 7:8-11) Ħarsa ġenerali lejn il-ministeru taʼ Pawlu tissuġġerixxi li ma kienx imdorri juża ċ-ċanfir biex jgħallem—kien jużah biss f’sitwazzjoni fejn kien ikun neċessarju jew għaqli li jagħmel hekk. F’dan wera għerf divin.
15 Li kieku l-ministeru t’anzjan quddiem il-kongregazzjoni jiġi mxebbah maʼ biċċa mużika, allura t-twiddib u ċ-ċanfir se jkunu bħal nota waħda li taqbel mal-kumplament. Dik in-nota tinstemaʼ sabiħa fil-post tagħha. (Luqa 17:3; 2 Timotju 4:2) Immaġina kanzunetta li fiha biss dik in-nota waħda, li tiġi mtambra l-ħin kollu. Malajr se niddejqu nisimgħuha. B’mod simili, l-anzjani Kristjani jipprovaw jipperfezzjonaw it-tagħlim tagħhom u jżejnuh bil-varjetà. Ma jillimitawhx biex jikkorreġu l-problemi. Minflok, it-ton ġenerali tiegħu huwa pożittiv. Bħal Ġesù Kristu, anzjani kollhom imħabba l-ewwel ifittxu għat-tajjeb xi jfaħħru, mhux għan-nuqqas x’jikkritikaw. Huma japprezzaw ix-xogħol iebes li qegħdin jagħmlu sħabhom il-Kristjani. Huma fiduċjużi li ġeneralment, kull wieħed minnhom qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex jaqdi lil Jehovah. U dak is-sentiment, l-anzjani huma dejjem pronti biex jesprimuh bil-kliem.—Qabbel 2 Tessalonikin 3:4.
16. L-attitudni t’apprezzament u empatija li Pawlu wera kellha liema effett fuq sħabu l-Kristjani?
16 Bla dubju taʼ xejn, il-biċċa l-kbira tal-Kristjani li Pawlu kien jimministralhom indunaw li hu kien japprezzahom u jħoss għalihom. Dan kif nafuh? Mill-mod kif ħassewhom dwar Pawlu. Ma kinux jibżgħu minnu, avolja kellu awtorità kbira. Le, kien maħbub u avviċinabbli. Tant hu hekk li meta telaq minn ċertu post, l-anzjani ‘bdew jgħannquh u jbusuh’! (Atti 20:17, 37) Kemm għandhom għalfejn ikunu grati l-anzjani—u lkoll kemm aħna—li għandna l-eżempju taʼ Pawlu x’nimitaw! Iva, ejjew nuru apprezzament għal xulxin.
Atti Taʼ Qalb Tajba Bl-Imħabba
17. Liema huma xi effetti tajbin li jirriżultaw minn atti taʼ qalb tajba fil-kongregazzjoni?
17 Waħda mill-affarijiet l-iżjed potenti biex tkebbes l-imħabba fraterna hija att sempliċi taʼ qalb tajba. Bħalma qal Ġesù, “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Sew jekk nagħtu spiritwalment, materjalment, jew mill-ħin u l-enerġija tagħna, mhux biss inferrħu lil oħrajn imma nferrħu lilna nfusna wkoll. Fil-kongregazzjoni, il-qalb tajba hija kontaġjuża. Att wieħed taʼ qalb tajba jqanqal atti simili oħrajn. F’qasir żmien, l-affezzjoni taʼ l-aħwa tiffjorixxi!—Luqa 6:38.
18. X’inhi t-tifsira tal-kelma “ħniena [“qalb tajba,” NW]” msemmija f’Mikea 6:8?
18 Jehovah ħeġġeġ lill-poplu tiegħu Iżrael biex juri qalb tajba. F’Mikea 6:8, naqraw: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin [“il-qalb tajba,” NW], u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.” X’ifisser li “tħobb il-qalb tajba”? Il-kelma Ebrajka wżata hawnhekk għal “qalb tajba” (ċeʹsedh) fl-Ingliż ġiet tradotta wkoll bħala “mercy (ħniena).” Skond The Soncino Books of the Bible, din il-kelma “tindika xi ħaġa iżjed attiva mill-kelma Ingliża astratta mercy (ħniena). Tfisser ‘ħniena msarrfa f’għemejjel,’ it-twettiq t’atti persunali taʼ qalb tajba, mhux biss lejn il-foqra u dawk fil-bżonn, imma lejn il-bnedmin kollha.” B’hekk studjuż ieħor jgħid li ċeʹsedh tfisser “imħabba msarrfa f’azzjoni.”
19. (a) B’liema modi nistgħu aħna nieħdu l-inizjattiva biex nuru qalb tajba m’oħrajn fil-kongregazzjoni? (b) Agħti eżempju taʼ kif ġiet murija mħabba fraterna miegħek.
19 L-imħabba fraterna tagħna m’hijiex teoretika, jew astratta. Hija realtà konkreta. Għaldaqstant, fittex għal modi kif tistaʼ tagħmel affarijiet b’qalb tajba għal ħutek. Kun bħal Ġesù, li mhux dejjem sempliċement stenna lin-nies jersqu fuqu għall-għajnuna imma spiss ħa l-inizjattiva hu nnifsu. (Luqa 7:12-16) Aħseb speċjalment f’dawk l-iżjed fil-bżonn. Hemm xi persuna anzjana jew nieqsa mis-saħħa li għandha bżonn żjara jew forsi xi għajnuna fil-qádi? Hemm xi ‘ltim’ li għandu bżonn taʼ ftit ħin u attenzjoni? Hemm xi ‘ruħ dipressa’ li għandha bżonn taʼ xi ħadd min jismagħha jew xi kliem taʼ faraġ? Skond kemm nistgħu, ejjew nagħmlu ħin għal atti bħal dawn taʼ qalb tajba. (Ġob 29:12; 1 Tessalonikin 5:14, NW; Ġakbu 1:27) Qatt tinsa li f’kongregazzjoni mimlija b’nies imperfetti, wieħed mill-iżjed atti vitali taʼ qalb tajba huwa l-maħfra—li wieħed ma jibqax iżomm f’qalbu, anki meta jkun hemm raġuni valida għal ilment. (Kolossin 3:13) Li wieħed ikun lest li jaħfer jgħin biex il-kongregazzjoni tinżamm ħielsa mill-firdiet, milli wħud iżommu fil-komma u mill-ostilitajiet, li huma bħal kutri mxarrbin li jitfu n-nar taʼ l-imħabba fraterna.
20. Kif għandna lkoll kemm aħna nkomplu neżaminaw lilna nfusna?
20 Ħalli lkoll kemm aħna nkunu riżoluti li nżommu dan in-nar vitali taʼ l-imħabba jaqbad fi qlubna. Ħalli nibqgħu neżaminaw lilna nfusna. Nuru aħna li nħossu għal oħrajn? Nuru aħna apprezzament għal oħrajn? Nwettqu aħna atti taʼ qalb tajba lejn oħrajn? Sakemm nagħmlu hekk, in-nar taʼ l-imħabba se jsaħħan il-fratellanza tagħna minkejja kemm din id-dinja ssir kiesħa silġ u bla sentimenti. B’kull mod u manjiera, allura, “ħa tibqaʼ magħkom l-imħabba taʼ l-aħwa”—issa u għal dejjem!—Lhud 13:1.
(w97 8/1)
[Nota taʼ taħt]
a Xi traduzzjonijiet hawnhekk jimplikaw li dak li jmiss lill-poplu t’Alla jkun qiegħed imiss, mhux il-mimmi t’għajn Alla, imma dak t’Iżrael jew saħansitra tiegħu stess. Dan l-iżball sar mill-iskribi medjevali li, fl-isforzi żbaljati tagħhom biex jemendaw passaġġi li kienu jqisuhom bħala irreverenti, bidlu dan il-vers. Huma b’hekk oskuraw l-intensità taʼ l-empatija persunali taʼ Jehovah.
Int X’Taħseb?
◻ X’inhi l-imħabba fraterna, u għala rridu nħalluha tibqaʼ?
◻ Li nħossu għal xulxin kif jgħinna nżommu l-imħabba fraterna tagħna?
◻ Liema rwol għandu l-apprezzament fl-imħabba fraterna?
◻ Atti taʼ qalb tajba kif iġagħlu l-imħabba fraterna tiffjorixxi fil-kongregazzjoni Kristjana?
[Kaxxa f’paġna 28]
L-Imħabba Fl-Azzjoni
Ftit tas-snin ilu, raġel li kien studja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah għal xi żmien kien għadu xi ftit jew wisq xettiku dwar l-imħabba fraterna. Kien jaf li Ġesù kien qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Imma hu sabha iebsa biex jemminha. Darba rnexxielu jara l-imħabba Kristjana fl-azzjoni.
Għalkemm kien ikkonfinat f’siġġu tar-roti, dan ir-raġel kien qiegħed jivvjaġġa ’l bogħod minn daru. F’Betlehem, ġewwa l-Iżrael, attenda laqgħa tal-kongregazzjoni. Hemmhekk, Xhud Għarbi insista biex Xhud ieħor li kien turist, iqattaʼ l-lejl mal-familja tiegħu, u din l-istedina kienet tinkludi lil dan l-istudent tal-Bibbja. Qabel ma daħal jorqod, l-istudent staqsa lil dak li ospitah għal permess biex joħroġ fil-veranda fil-għodu biex jara tlugħ ix-xemx. Dak li ospitah wissieh bl-akbar serjetà biex ma jażżardax jagħmel hekk. L-għada dan il-ħu Għarbi spjega r-raġuni għala. Permezz taʼ interpretu, hu qallu li jekk il-ġirien ikunu jafu li hu kellu mistednin li kienu minn sfond Lhudi—kif kien il-każ taʼ dan l-istudent tal-Bibbja—kienu jaħarqulu d-dar bih u bil-familja tiegħu kollha ġo fiha. Konfuż, l-istudent tal-Bibbja staqsieh, “Allura, għala ħadt riskju bħal dan?” Mingħajr l-interpretu, il-ħu Għarbi ħares direttament lejh u sempliċement qallu, “Ġwann 13:35.”
L-istudent tal-Bibbja kien impressjonat profondament bir-realtà taʼ l-imħabba fraterna. Hu tgħammed ftit taż-żmien wara.
[Stampa f’paġna 30]
Il-karattru dħuli u mimli apprezzament li kellu l-appostlu Pawlu għamlu avviċinabbli