Ktieb Mingħand Alla
“Qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.”—2 PIETRU 1:21.
1, 2. (a) Xi wħud għala jiddubitaw jekk il-Bibbja hijiex relevanti għall-ħajja tal-lum? (b) Liema tliet linji taʼ prova nistgħu aħna nużaw biex nuru li l-Bibbja hija mingħand Alla?
HIJA l-Bibbja relevanti għal nies li qegħdin f’xifer is-seklu 21? Xi wħud jaħsbu li m’hijiex. “Ħadd m’hu se jirrikkmanda li ktieb tal-kimika li jkun inħareġ fl-1924 jintuża fi klassi moderna tal-kimika—tgħallimna wisq iktar dwar il-kimika minn dak iż-żmien ’l hawn,” kiteb Dr. Eli S. Chesen, waqt li spjega għala kien iħoss li l-Bibbja hija antikwata. Mad-daqqa t’għajn, dan l-argument donnu jagħmel sens. Wara kollox, il-bniedem tgħallem ħafna dwar ix-xjenza, is-saħħa mentali u l-imġiba umana minn żminijiet Bibliċi ’l hawn. Għalhekk, xi wħud għandhom mnejn jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom: ‘Ktieb antik bħal dan kif jistaʼ jkun ħieles minn ineżattezzi xjentifiċi? Kif jistaʼ jkun li fih pariri li huma prattiċi għall-ħajja tal-lum?’
2 Il-Bibbja nfisha tagħti t-tweġiba. Fit-2 Pietru 1:21, jintqalilna li l-profeti tal-Bibbja “tkellmu f’isem Alla, [u] dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.” Il-Bibbja b’hekk tindika li hija ktieb mingħand Alla. Kif, iżda, nistgħu nikkonvinċu lil oħrajn li dan hu minnu? Ejjew nikkunsidraw tliet provi li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla: (1) Din hija eżatta xjentifikament, (2) fiha prinċipji li ma jispiċċaw qatt u li huma prattiċi għall-ħajja tal-lum, u (3) fiha profeziji speċifiċi li ġew imwettqin, bħalma ġie pprovat minn fatti storiċi.
Ktieb li Jaqbel max-Xjenza
3. Il-Bibbja għala ma ġietx mhedda mill-iskoperti xjentifiċi?
3 Il-Bibbja m’hijiex xi ktieb tax-xjenza. Hija, madankollu, ktieb taʼ verità, u l-verità tiflaħ għat-test taż-żmien. (Ġwann 17:17) Il-Bibbja ma ġietx mhedda mill-iskoperti xjentifiċi. Meta talludi għal kwistjonijiet relatati max-xjenza, hija ħielsa għalkollox minn teoriji “xjentifiċi” antiki li taw prova li kienu biss ħrejjef. Fil-fatt, din fiha stqarrijiet li mhux biss huma sodi xjentifikament imma wkoll jikkontradixxu bla tlaqliq l-opinjonijiet li kienu aċċettati dak iż-żmien. Ikkunsidra, per eżempju, il-qbil li hemm bejn il-Bibbja u x-xjenza medika.
4, 5. (a) It-tobba tal-qedem x’ma kinux jifhmu dwar il-mard? (b) Mosè għala kien bla dubju familjari mal-prattiċi mediċi tat-tobba Eġizzjani?
4 It-tobba tal-qedem ma fehmux għalkollox kif jinxtered il-mard, lanqas ma rrealizzaw l-importanza tas-sanità fil-prevenzjoni tal-mard. Il-ħafna prattiċi mediċi antiki huma meqjusin bħala barbari skond il-livelli moderni. Waħda mill-eqdem kitbiet mediċi disponibbli llum hija l-Papiru Ebers, ġabra t’għarfien mediku Eġizzjan, li tmur lura għal madwar l-1550 Q.E.K. Din fiha 700 rimedju għal diversi afflizzjonijiet, “li jvarjaw minn gdim tal-kukkudrilli sa wġigħ fid-dwiefer tas-swabaʼ tas-saqajn.” Il-biċċa l-kbira tar-rimedji ma kienu effettivi xejn, imma xi wħud minnhom kienu perikolużi għall-aħħar. Għall-kura taʼ ferita, waħda mill-preskrizzjonijiet irrikkmandat li wieħed japplika taħlita komposta minn eskrementi umani mħalltin maʼ sustanzi oħrajn.
5 Din is-silta taʼ rimedji mediċi Eġizzjani nkitbet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien taʼ l-ewwel kotba tal-Bibbja, li jinkludu l-Liġi Mosajka. Mosè, li twieled fis-sena 1593 Q.E.K., trabba fl-Eġittu. (Eżodu 2:1-10) Bħala membru tad-dar tal-Fargħun, Mosè “trawwem fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani.” (Atti 7:22) Kien familjari mat-“tobba” taʼ l-Eġittu. (Ġenesi 50:1-3) Il-prattiċi mediċi ineffettivi jew perikolużi tagħhom influwenzawh fil-kitbiet tiegħu?
6. Liema regolamenti sanitarji fil-Liġi Mosajka kienu jiġu kkunsidrati bħala raġonevoli mix-xjenza medika moderna?
6 Għall-kuntrarju, il-Liġi Mosajka kienet tinkludi regolamenti sanitarji li kienu jkunu kkunsidrati bħala raġonevoli mix-xjenza medika moderna. Per eżempju, liġi rigward kampijiet militari kienet tesiġi li l-eskrementi jindifnu ’l barra mill-kamp. (Dewteronomju 23:13) Din kienet miżura preventiva ferm avanzata. Għenet biex iżommu l-għejun taʼ l-ilma ħelsin mill-kontaminazzjoni u pprovdiet protezzjoni mid-disenterija u mardiet oħrajn li jikkaġunaw id-dijaréa u li normalment jinġarru mid-dubbien, u li għadhom sal-lum jaħsdu miljuni taʼ ħajjiet kull sena, l-iktar f’pajjiżi sotto-żviluppati.
7. Liema regolamenti sanitarji fil-Liġi Mosajka għenu f’li jiġi skansat li jinfirex mard li jittieħed?
7 Il-Liġi Mosajka kien fiha regolamenti sanitarji oħrajn li għenu f’li jiġi skansat it-tixrid taʼ mard li jittieħed. Xi ħadd li kellu jew li kien issuspettat li kellu mard li setaʼ jiġi mgħoddi lil ħaddieħor kien jitqiegħed fi kwarantina. (Levitiku 13:1-5) Ħwejjeġ jew oġġetti li jkunu ġew f’kuntatt maʼ xi annimal li jkun miet waħdu (forsi b’xi marda) kellhom jew jinħaslu qabel ma jerġgħu jintużaw jew jinqerdu. (Levitiku 11:27, 28, 32, 33) Kull min kien imiss maʼ xi ġisem mejjet, kien jitqies bħala mhux nadif u kellu jgħaddi minn proċedura taʼ tindif li kienet tinkludi l-ħasil taʼ ħwejġu u taʼ persuntu. Matul il-perijodu taʼ sebat ijiem li fih wieħed kien ikun meqjus bħala mhux nadif, dan kellu jevita kuntatt fiżiku m’oħrajn.—Numri 19:1-13.
8, 9. Għala jistaʼ jingħad li l-kodiċi sanitarja fil-Liġi Mosajka kienet ferm avanzata għal dak iż-żmien?
8 Din il-kodiċi sanitarja tirrivela għerf li kien ferm avanzat għal dak iż-żmien. Ix-xjenza medika moderna tgħallmet ħafna dwar it-tixrid u l-prevenzjoni tal-mard. Per eżempju, avvanzi fil-mediċina fis-seklu 19 wasslu għall-introduzzjoni taʼ l-antisepsis —indafa biex jitnaqqsu l-infezzjonijiet. Ir-riżultat kien tnaqqis sinjifikanti f’infezzjonijiet u mwiet prematuri. Fis-sena 1900, it-tul tal-ħajja f’bosta pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti kien taʼ inqas minn 50 sena. Minn dak in-nhar ’l hawn, dan żdied drammatikament, mhux biss minħabba l-progress mediku f’li jiġi kkontrollat il-mard imma wkoll minħabba kundizzjonijiet aħjar taʼ sanità u t’għajxien.
9 Madankollu, eluf taʼ snin qabel ma x-xjenza medika tgħallmet kif jinxtered il-mard, il-Bibbja kienet tirrikkmanda miżuri preventivi raġonevoli bħala salvagwardji kontra l-mard. Mhux taʼ b’xejn li Mosè setaʼ jitkellem dwar l-Iżraeliti inġenerali taʼ żmienu bħala li kienu jgħixu sa 70 jew 80 sena. (Salm 90:10) Mosè kif setaʼ jkun jaf dwar regolamenti sanitarji bħal dawn? Il-Bibbja nfisha tispjega: Il-kodiċi tal-Liġi “kienet imxandra mill-anġli.” (Galatin 3:19) Iva, il-Bibbja m’hijiex ktieb taʼ għerf uman; hija ktieb mingħand Alla.
Ktieb Prattiku għall-Ħajja fi Żmienna
10. Għalkemm il-Bibbja tlestiet kważi 2,000 sena ilu, x’nistgħu ngħidu li hu minnu dwar il-pariri tagħha?
10 Kotba li joffru l-pariri għandhom it-tendenza li jsiru antikwati u malajr jiġu riveduti jew mibdulin. Imma l-Bibbja hija tassew unika. “Il-kmandamenti tiegħek taʼ min joqgħod fuqhom,” jgħid Salm 93:5. Għalkemm il-Bibbja tlestiet kważi 2,000 sena ilu, il-kliem tagħha għadu japplika sal-lum. U japplika bl-istess effett minkejja l-kulur tal-ġilda tagħna jew il-pajjiż fejn ngħixu. Ikkunsidra xi eżempji tal-pariri tal-Bibbja, ferm “taʼ min joqgħod fuqhom” u li ma jispiċċaw qatt.
11. Diversi għaxriet taʼ snin ilu, ħafna ġenituri x’kienu mġagħlin jemmnu dwar l-iddixxiplinar tat-tfal tagħhom?
11 Bosta għaxriet taʼ snin ilu ħafna ġenituri—imqanqlin minn “ideat ġodda” dwar it-taħriġ tat-tfal—kienu jaħsbu li kien “ipprojbit li tipprojbixxi.” Kienu jibżgħu li jekk jimponu limiti fuq it-tfal, dan kien se jikkaġuna trawma u qtigħ il-qalb. Kunsillieri b’intenzjoni tajba fuq it-trobbija tat-tfal kienu qegħdin jinsistu li l-ġenituri ma jagħtux ħlief forsi xi korrezzjoni żgħira lil uliedhom. Ħafna minn dawn l-esperti issa qegħdin “iħeġġu lill-ġenituri biex ikunu naqra iktar stretti, biex jerġgħu jieħdu l-kontroll,” tirrapporta The New York Times.
12. X’ifisser in-nom Grieg tradott “dixxiplina,” u t-tfal għala għandhom bżonn dixxiplina bħal din?
12 Madankollu, il-Bibbja dejjem offriet pariri speċifiċi u bbilanċjati dwar is-suġġett tat-taħriġ tat-tfal. Din tagħti l-parir: “Missirijiet, iġġar[r]buhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) In-nom Grieg tradott “dixxiplina” jfisser “trobbija, taħriġ, istruzzjoni.” Il-Bibbja tgħid li d-dixxiplina, jew istruzzjoni, hija evidenza taʼ l-imħabba tal-ġenituri. (Proverbji 13:24) It-tfal jiffjorixxu fuq linji taʼ gwida morali ċari u sens żviluppat taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Dixxiplina amministrata b’mod xieraq tgħinhom iħossuhom fis-sigurtà; tgħidilhom li l-ġenituri tagħhom jimpurtahom minnhom u dwar x’tip taʼ persuna qegħdin isiru.—Qabbel Proverbji 4:10-13.
13. (a) Rigward id-dixxiplina, il-Bibbja tagħti liema twissija lill-ġenituri? (b) Il-Bibbja liema xorta taʼ dixxiplina tirrikkmanda?
13 Imma l-Bibbja twissi lill-ġenituri f’din il-kwistjoni tad-dixxiplina. L-awtorità tal-ġenituri m’għandha qatt tkun abbużiva. (Proverbji 22:15) L-ebda tifel jew tifla m’għandhom qatt jiġu ssuġġettati għal kastig kiefer. Il-vjolenza fiżika m’għandha ebda lok ġo familja li tgħix fuq il-prinċipji tal-Bibbja. (Salm 11:5) Lanqas il-vjolenza emozzjonali—kliem iebes, kritika kontinwa, u sarkażmu li jweġġaʼ, li lkoll kemm huma jistgħu joħonqu l-ispirtu taʼ tifel jew tifla. (Qabbel Proverbji 12:18.) Bil-għerf kollu, il-Bibbja twissi lill-ġenituri: “La ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom [jew, “se toħorġu l-qalb kollha minnhom,” Phillips].” (Kolossin 3:21) Il-Bibbja tirrikkmanda miżuri preventivi. F’Dewteronomju 11:19, il-ġenituri huma mħeġġin jieħdu vantaġġ minn mumenti każwali biex inaqqxu valuri morali u spiritwali fit-tfal tagħhom. Pariri ċari u raġonevoli bħal dawn dwar it-trobbija tat-tfal huma relevanti llum daqs kemm kienu fi żminijiet Bibliċi.
14, 15. (a) Il-Bibbja b’liema mod tipprovdi iktar minn sempliċi pariri għaqlin? (b) Liema tagħlim tal-Bibbja jistaʼ jgħin lil irġiel u nisa taʼ razez u ġnus differenti biex iqisu lil xulxin bħala ugwali?
14 Il-Bibbja tipprovdi iktar minn sempliċi pariri għaqlin. Il-messaġġ tagħha jappella għall-qalb. Lhud 4:12 jgħid: “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” Ikkunsidra eżempju tal-qawwa li timmotiva tal-Bibbja.
15 In-nies illum jinsabu maqsumin ħtija taʼ fruntieri razzjali, nazzjonali u etniċi. Ħitan artifiċjali bħal dawn ikkontribwew għat-tbiċċir fuq skala kbira taʼ bnedmin innoċenti fi gwerer madwar id-dinja. Il-Bibbja, mill-banda l-oħra, fiha tagħlim li jgħin lil irġiel u nisa taʼ razez u ġnus differenti jqisu lil xulxin bħala ugwali. Per eżempju, Atti 17:26 jgħid li Alla “minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin.” Dan juri li fir-realtà hemm biss razza waħda—ir-razza umana! Il-Bibbja tinkuraġġina wkoll biex ‘nixbhu lil Alla,’ li dwaru tgħid: “[Hu] ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Efesin 5:1; Atti 10:34, 35) Għal dawk li verament ifittxu li jgħixu mat-tagħlim tal-Bibbja, dan l-għarfien għandu effett li jgħaqqad. Jaħdem fuq l-iktar livell profond—fil-qalb—billi jxolji l-ostakli maħluqin mill-bniedem u li jifirdu lin-nies. Dan jiffunzjona tassew fid-dinja tal-lum?
16. Irrakkonta xi esperjenza li turi li x-Xhieda taʼ Jehovah huma verament fratellanza internazzjonali.
16 Ċertament li jiffunzjona! Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għall-fratellanza internazzjonali tagħhom, li tgħaqqad lil nies taʼ sfondi differenti li ordinarjament ma jkunux fil-paċi maʼ xulxin. Matul il-ġlied etniku fl-Irwanda, per eżempju, ix-Xhieda taʼ Jehovah miż-żewġ tribujiet ipproteġew lil ħuthom Kristjani tat-tribù l-ieħor, waqt li pperikolaw l-istess ħajjithom biex jagħmlu dan. F’każ minnhom, Xhud Ħutu ħeba f’daru lil familja Tutsi taʼ sitta min-nies mill-kongregazzjoni tiegħu. B’sogħba, il-familja Tutsi eventwalment ġew skoperti u maqtulin. Il-ħu Ħutu u l-familja tiegħu issa ffaċċjaw il-korla tal-qattilin u kellhom jaħarbu lejn it-Tanzanija. Bosta eżempji simili ġew irrapportati. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu bla tlaqliq li din l-unità hija possibbli minħabba li qlubhom ġew imqanqlin profondament mill-qawwa li timmotiva tal-messaġġ tal-Bibbja. Li l-Bibbja tistaʼ tgħaqqad lin-nies f’din id-dinja mimlija mibegħda huwa evidenza qawwija li din ġejja minn Alla.
Ktieb taʼ Profeziji Veri
17. Il-profeziji tal-Bibbja kif inhuma differenti mit-tbassiriet magħmulin mill-bniedem?
17 “L-ebda profezija taʼ l-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu,” jgħid it-2 Pietru 1:20. Il-profeti tal-Bibbja m’analizzawx xejriet fl-affarijiet eżistenti tad-dinja u mbagħad għamlu tbassiriet ikkalkulati bbażati fuq l-interpretazzjoni persunali tagħhom taʼ dawn l-iżviluppi. Lanqas ma qagħdu jagħtu tbassiriet vagi li setgħu jiġu magħġunin biex jaqblu tistaʼ tgħid maʼ kwalunkwe ġrajja fil-futur. Ejjew nikkunsidraw, bħala eżempju, profezija Biblika li kienet speċifika b’mod straordinarju u li bassret preċiżament il-kuntrarju taʼ dak li n-nies setgħu kienu qed jistennew f’dak iż-żmien.
18. L-abitanti taʼ Babilonja tal-qedem għala bla dubju ħassewhom ferm fis-sigurtà, u madankollu, Isaija x’kien bassar dwar Babilonja?
18 Sas-sebaʼ seklu Q.E.K., Babilonja kienet il-kapitali li donnu ħadd ma setaʼ jegħlibha taʼ l-Imperu Babilonjan. Il-belt kellha x-Xmara Ewfrat għaddejja minn ġo nofsha, u l-ilmijiet tax-xmara kienu jintużaw biex jiġu fformati foss wiesaʼ u fond u kannizzata taʼ kanali. Il-belt kienet protetta wkoll permezz taʼ sistema ġganteska taʼ swar doppji, imsaħħin minn torrijiet taʼ difiża. Mhux taʼ b’xejn li l-abitanti taʼ Babilonja ħassewhom ferm fis-sigurtà. Madankollu, fit-tmien seklu Q.E.K., saħansitra qabel ma Babilonja laħqet il-quċċata tal-glorja tagħha, il-profeta Isaija bassar: “Issir Babilonja, . . . bħal Sodoma u Gomorra, meta ġġarrfu b’idejn Alla. Qatt aktar ma titgħammar, minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha. L-Għarbi ma jtellax l-għarix fiha, u r-rgħajja ma jserrħux l-imrieħel tagħhom.” (Isaija 13:19, 20) Innota li l-profezija bassret mhux biss li Babilonja kellha tinqered imma li kellha ssir diżabitata b’mod permanenti. X’kuraġġ biex wieħed jagħmel tbassira bħal din! Setaʼ Isaija kiteb il-profezija tiegħu wara li hu osserva lil Babilonja mħarbta u abbandunata? L-istorja twieġeb le!
19. Il-profezija taʼ Isaija għala ma twettqitx għalkollox fil-5 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K.?
19 Fil-lejl tal-5 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K., Babilonja waqgħet f’idejn l-armati tal-Medo-Persja taħt Ċiru l-Kbir. Madankollu, il-profezija taʼ Isaija ma twettqitx għalkollox f’dak iż-żmien. Wara li Ċiru ħadha f’idejh, Babilonja abitata—għalkemm issa inferjuri—baqgħet tkarkar għal sekli sħaħ. Fit-tieni seklu Q.E.K., madwar iż-żmien li ġie kkopjat ir-Romblu tal-Baħar il-Mejjet taʼ Isaija, il-Partjani ħadu kontroll taʼ Babilonja, li f’dak iż-żmien kienet meqjusa bħala priża li għaliha ġġieldu l-ġnus taʼ madwarha. Josefus, kittieb Lhudi taʼ l-istorja, irrapporta li “numru kbir” taʼ Lhud kienu qed jgħixu hemmhekk fl-ewwel seklu Q.E.K. Skond The Cambridge Ancient History, in-negozjanti Palmirin kien ilhom li stabbilew kolonja prosperuża għan-negozjar f’Babilonja fis-sena 24 E.K. Għalhekk, sa l-ewwel seklu E.K., Babilonja kienet għadha ma saritx ħerba għalkollox; u madankollu l-ktieb taʼ Isaija kien ilu li tlesta ferm qabel dak iż-żmien.—1 Pietru 5:13.
20. Liema evidenza hemm li Babilonja eventwalment saret sempliċi “borġ ħerba”?
20 Isaija qatt ma rnexxielu jara lil Babilonja ssir diżabitata. Imma skond ma qalet il-profezija, Babilonja eventwalment saret sempliċi “borġ ħerba.” (Ġeremija 51:37) Skond l-istudjuż Ebrew Ġirolmu (li twieled fir-rabaʼ seklu E.K.), sa żmienu Babilonja kienet art mogħtija għall-kaċċa li fiha kienu jiġġerrew “bhejjem taʼ kull xorta,” u hekk għadha abbandunata sal-ġurnata tal-lum. Kwalunkwe restawr taʼ Babilonja bħala attrazzjoni turistika għandu mnejn iħajjar lil xi viżitaturi, imma n-‘nisel u r-razza’ taʼ Babilonja spiċċaw darba għal dejjem, bħalma bassar Isaija.—Isaija 14:22.
21. Il-profeti leali għala setgħu jbassru l-futur bi preċiżjoni li ma tfallix?
21 Il-profeta Isaija m’għamilx xi tbassira kkalkulata. Lanqas ma kiteb ir-rakkont storiku mill-ġdid biex iġagħlu jidher qisu profezija. Isaija kien profeta ġenwin. Hekk ukoll kienu l-profeti leali l-oħrajn kollha tal-Bibbja. Dawn l-irġiel għala setgħu jagħmlu dak li ebda bniedem ieħor ma jistaʼ jagħmel—ibassru l-futur bi preċiżjoni li ma tfallix? It-tweġiba hija ċara. Il-profeziji oriġinaw minn Dak Alla tal-Profezija, Jehovah, Dak li ‘sa mill-bidu jgħarraf it-tmiem.’—Isaija 46:10.
22. Għala għandna nagħmlu ħilitna kollha biex inħeġġu lil dawk taʼ qalb onesta jeżaminaw il-Bibbja għalihom infushom?
22 Mela, jistħoqqilha l-Bibbja li tiġi eżaminata? Aħna nafu li iva! Imma ħafna nies m’humiex daqstant konvinti. Huma fformaw opinjonijiet dwar il-Bibbja avolja għandhom mnejn li qatt ma qrawha. Tiftakruh il-professur li semmejna fil-bidu taʼ l-artiklu taʼ qabel? Hu qabel li jagħmel studju tal-Bibbja, u wara li eżamina l-Bibbja bir-reqqa, wasal għall-konklużjoni li din hija ktieb mingħand Alla. Eventwalment hu tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, u llum jaqdi bħala anzjan! Ejjew nagħmlu ħilitna kollha biex inħeġġu lil dawk taʼ qalb onesta jeżaminaw il-Bibbja għalihom infushom u mbagħad jifformaw opinjoni dwarha. Aħna fiduċjużi li jekk huma jagħmlu eżami onest u dirett, se jirrealizzaw li dan il-ktieb uniku, il-Bibbja, huwa tabilħaqq ktieb għan-nies kollha!
Tistaʼ Tispjega?
◻ Kif tistaʼ tuża l-Liġi Mosajka biex turi li l-Bibbja ma toriġinax mill-bniedem?
◻ Liema prinċipji Bibliċi li jibqgħu għal dejjem huma prattiċi għall-ħajja tal-lum?
◻ Il-profezija f’Isaija 13:19, 20 għala ma setgħetx inkitbet wara li ġara l-fatt?
◻ Lil dawk taʼ qalb onesta x’għandna ninkuraġġuhom jagħmlu, u għala?
[Kaxxa f’paġna 19]
Xi Ngħidu Għal Dak li ma Jistax Jiġi Pprovat?
Il-Bibbja fiha diversi stqarrijiet li m’hemmx evidenza fiżika indipendenti għalihom. Per eżempju, dak li tgħid dwar qasam inviżibbli abitat minn ħlejjaq spirti ma jistax jiġi pprovat—jew imgiddeb—xjentifikament. Dawn ir-referenzi li ma jistgħux jiġu pprovati jpoġġu lill-Bibbja neċessarjament f’konflitt max-xjenza?
Din kienet il-kwistjoni li ffaċċja l-ġeologu planetarju li beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah xi ftit tas-snin ilu. “Irrid nammetti li kien diffiċli għalija għall-ewwel li naċċetta l-Bibbja għaliex ma stajtx insib provi xjentifiċi taʼ xi stqarrijiet tal-Bibbja,” jiftakar hu. Dan ir-raġel sinċier kompla jistudja l-Bibbja u eventwalment sar konvint li l-evidenza disponibbli turi li din hija l-Kelma t’Alla. “Dan naqqasli x-xenqa li jkolli kull fatt mill-Bibbja pprovat indipendentement,” jispjega hu. “Individwu b’inklinazzjoni xjentifika jrid ikun lest li jeżamina l-Bibbja mil-lat spiritwali, inkella qatt ma se jaċċetta l-verità. Ħadd ma jistenna li x-xjenza tissostanzja kull stqarrija fil-Bibbja. Imma sempliċement minħabba li ċerti stqarrijiet ma jistgħux jiġu pprovati, dan ma jfissirx li m’humiex veri. L-importanti hu li kulfejn tistaʼ tiġi pprovata, l-eżattezza tal-Bibbja hija vverifikata.”
[Stampa f’paġna 17]
Mosè ddokumenta regolamenti sanitarji li kienu ferm avanzati għal dak iż-żmien