Jum Jehovah Huwa Qrib
“Isimgħu dan, xjuħ, agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru fil-pajjiż!”—ĠOEL 1:2.
1, 2. Minħabba liema sitwazzjoni f’Ġuda kellu Jehovah jnebbaħ lil Ġoel biex ilissen il-profezija qawwija tiegħu?
“AH X’JUM dan! Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj [“Min jistaʼ kollox,” Karm Żammit].” Xi tħabbira drammatika dik! Dan kien il-messaġġ t’Alla għall-poplu tiegħu mogħti mill-profeta tiegħu Ġoel.
2 Dan il-kliem f’Ġoel 1:15 ġie ddokumentat f’Ġuda, x’aktarx madwar is-sena 820 Q.E.K. Dakinhar il-pajjiż kien miksi b’għoljiet imħaddrin. Kien hemm frott u qamħ bl-abbundanza. Il-mergħat kienu kbar u mimlijin ħaxix. Madankollu, kienet qiegħda sseħħ xi ħaġa ħażina ferm. Il-qima lejn Bagħal iffjorixxiet f’Ġerusalemm u fl-art taʼ Ġuda. In-nies kienu jieħdu sehem f’orġji taʼ sokor quddiem dan l-alla falz. (Qabbel it-2 Kronaki 21:4-6, 11.) Kien Jehovah se jħalli dan kollu jibqaʼ għaddej?
3. Jehovah dwar xiex wissa, u l-ġnus għal liema ħaġa għandhom jippreparaw?
3 Il-ktieb Bibliku taʼ Ġoel ma jħalli l-ebda dubju dwar it-tweġiba. Alla Jehovah kien se jivvindika s-sovranità tiegħu u jissantifika lill-isem qaddis tiegħu. Il-jum il-kbir taʼ Jehovah kien fil-qrib. Imbagħad Alla kien se jesegwixxi ġudizzju fuq il-ġnus kollha fil-“Wied taʼ Ġosafat.” (Ġoel 4:12 [Ġoel 3:12, NW]) Ħallihom iħejju għall-gwerra kontra Dak li Jistaʼ Kollox, Jehovah. Aħna wkoll qed niffaċċjaw il-jum il-kbir taʼ Jehovah. Mela ejjew nagħtu ħarsa iktar mill-qrib lejn il-kliem profetiku taʼ Ġoel għal żmienna u fil-passat.
Invażjoni mill-Insetti
4. Kemm kellha tkun kbira l-ġrajja li wissa dwarha Ġoel?
4 Permezz tal-profeta tiegħu, Jehovah jgħid: “Isimgħu dan, xjuħ, agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru fil-pajjiż! Ġrat xi ħaġa hekk fi żmienkom, jew fi żmien missirijietkom? Għiduha lil uliedkom, u wliedkom lil uliedhom, u wliedhom lin-nisel taʼ warajhom.” (Ġoel 1:2, 3) L-anzjani u n-nies kollha setgħu jistennew xi ħaġa li bħalha ma kinitx ġrat matul ħajjithom jew fi żmien missirijiethom. Tant kellha tkun xi ħaġa mhux tas-soltu li kienu se jibqgħu jitkellmu dwarha sat-tielet ġenerazzjoni! X’kienet din il-ġrajja rimarkevoli? Biex insiru nafu, ejjew nimmaġinaw li ninsabu lura fi żmien Ġoel.
5, 6. (a) Iddeskrivi l-kastig li Ġoel ipprofetizza dwaru. (b) Min kien is-Sors taʼ dak il-kastig?
5 Ismaʼ! Ġoel jismaʼ tkarwita fil-bogħod. Is-sema jiddallam, u dak il-ħoss li jwaħħax jiżdied hekk kif id-dalma tkompli tinfirex. Imbagħad tinżel sħaba qisha duħħan. Din hija armata taʼ miljuni taʼ insetti. U x’ħerba jikkaġunaw! Issa, ikkunsidra Ġoel 1:4. Dawn l-insetti li jinvadu m’humiex illimitati għall- ġradijiet li jtiru u jpassu. Dan mhux kollox! Fi triqithom, ukoll, hemm qtajjaʼ mġewħin taʼ ġradijiet li ma jtirux u li jitkaxkru. Billi ġarrhom ir-riħ, il-ġradijiet jaslu f’daqqa waħda, u l-ħoss tagħhom huwa bħal dak taʼ karrijiet. (Ġoel 2:5) Peress li dawn jieklu ħafna, miljuni minnhom jistgħu malajr ibiddlu post qisu ġenna f’xagħri.
6 Fi triqithom ukoll hemm id-dud tal-ħaxix—il-kamla u l-friefet meta jkunu għadhom larvi. Armati kbar taʼ dud tal-ħaxix imġewħin jistgħu jieklu l-weraq tal-veġitazzjoni biċċa, biċċa, werqa, werqa, sakemm il-pjanti jkunu kważi mneżżgħin mill-weraq tagħhom. U ħafna minn dak li jħallu warajhom, jikluh il-ġradijiet. U dak li jħallu l-ġradijiet, ilaqqtuh il-wirdien li jiġru ħafna. Imma innota dan: F’Ġoel kapitlu 2, vers 11, Alla jidentifika l-armata tal-ġradijiet bħala t-“truppi tiegħu.” Iva, hu kien is-Sors tal-kastig tal-ġradijiet li kellhom iħarbtu l-pajjiż u jikkaġunaw ġuħ kbir. Meta? Preċiż qabel ‘jum il-Mulej.’
“Qumu mir-Rqad, ja Sakranazzi”
7. (a) X’kienet il-kundizzjoni tal-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda? (b) Il-mexxejja tal-Kristjaneżmu taʼ żmienna kif inhuma fi stat simili għal dak tal-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda?
7 Ġemgħa taʼ nies bla ġieħ, il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda jiġu identifikati meta joħroġ il-kmand: “Qumu mir-rqad, ja sakranazzi, u ibku! Intom li tixorbu l-inbid, newwħu lkoll għall-inbid ġdid, li twarrbilkom minn maʼ fommkom!” (Ġoel 1:5) Iva, is-sakranazzi spiritwali taʼ Ġuda ntqalilhom biex ‘iqumu,’ biex jiġu f’sensihom. Imma taħsibx li dan huwa biss parti mill-istorja tal-qedem. Bħalissa, qabel il-jum il-kbir taʼ Jehovah, il-kleru tal-Kristjaneżmu b’mod figurattiv tant huma mimlijin bl-“inbid ġdid” li bilkemm huma konxji taʼ dan il-kmand mingħand l-Iktar Għoli. Kemm se jkunu sorpriżi meta jiġu mqajmin mis-sakra spiritwali tagħhom mill-jum taʼ Jehovah, kbir u li jqanqal il-biżaʼ!
8, 9. (a) Ġoel kif jiddeskrivihom il-ġradijiet u l-effett tal-kastig tagħhom? (b) Illum, il-ġradijiet lil min jirrappreżentaw?
8 Ħares lejn dik l-armata kbira taʼ ġradijiet! “Għaliex għall-pajjiż tiegħi telaʼ poplu, qawwi u bla għadd; snienu, snien taʼ ljun, u għandu d-dras taʼ ljunessa. Il-qasam tad-dwieli tiegħi għamlu ħerba, is-siġar tiegħi tat-tin tertaqhom; qaxqaxhom għalkollox u rmiehom, il-friegħi tagħhom bjadu. Olfoq, kif tagħmel xebba liebsa x-xkejjer, għall-għarus taʼ żgħożitha!”—Ġoel 1:6-8.
9 Hija din biss profezija dwar “poplu” taʼ ġradijiet, qatgħa taʼ ġradijiet, li jinvadu lil Ġuda? Le, tfisser ħafna iktar minn hekk. Kemm f’Ġoel 1:6 u kemm f’Apokalissi 9:7, il-poplu t’Alla huwa rrappreżentat minn ġradijiet. L-armata tal-ġradijiet taʼ żmienna m’hi ħadd ħlief it-“truppi” tal-“ġradijiet” midlukin taʼ Jehovah, li magħhom issa ngħaqdu mal-5,600,000 min-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù. (Ġwann 10:16) M’intix ferħan int li tagħmel parti minn din il-ġemgħa kbira t’adoraturi taʼ Jehovah?
10. X’inhu l-effett tal-kastig tal-ġradijiet fuq Ġuda?
10 F’Ġoel 1:9-12, naqraw dwar l-effetti tal-kastig tal-ġradijiet. Waħda wara l-oħra, il-qtajjaʼ jġibu ħerba kompleta fuq il-pajjiż. Billi jonqoshom il-qamħ, l-inbid u ż-żejt, il-qassisin żleali ma jistgħux ikomplu l-qadi tagħhom. Anki l-art titnikket, għax il-ġradijiet neżżgħuha mill-qamħ, u s-siġar tal-frott tħallew mingħajr frott. Billi d-dwieli huma rrovinati, m’hemmx iktar inbid għal dawk l-adoraturi taʼ Bagħal legligin, li kienu wkoll sakranazzi spiritwali.
‘Agħtu fuq Sidirkom, Qassisin’
11, 12. (a) Min huma dawk li jsostnu li huma l-qassisin t’Alla llum? (b) Il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu kif inhuma effettwati mill-kastig tal-ġradijiet taʼ żmienna?
11 Ismaʼ x’inhu l-messaġġ t’Alla għal dawk il-qassisin stinati: “Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu [“agħtu fuq sidirkom,” NW], ixhru, qaddejja taʼ l-artal!” (Ġoel 1:13) Fl-ewwel twettiq tal-profezija taʼ Ġoel, qassisin Levitiċi kienu jaqdu ħdejn l-artal. Imma xi ngħidu għat-twettiq finali? Illum, il-kleru tal-Kristjaneżmu assumew l-awtorità li jaqdu ħdejn l-artal t’Alla, fil-waqt li jsostnu li huma l-ministri tiegħu, il-“qassisin” tiegħu. Madankollu, x’inhu jiġri issa li l-ġradijiet t’Alla taʼ żmienna qegħdin fi triqithom?
12 Meta l-“qassisin” tal-Kristjaneżmu jaraw in-nies t’Alla fl-azzjoni u jisimgħu t-twissija tagħhom taʼ ġudizzju divin, taqbadhom ferneżija. Jibdew jagħtu fuq sidirhom bid-dwejjaq u d-dagħdigħa li jkollhom minħabba l-effett devastanti tal-messaġġ tas-Saltna. U jokorbu hekk kif jonqsulhom il-merħliet tagħhom. Bil-mergħat tagħhom imneżżgħin, ħallihom iqattgħu l-lejl fl-ixkejjer, jibku t-telf tagħhom minħabba li naqsilhom id-dħul taʼ flus tagħhom. Dalwaqt, se jitilfu xogħolhom ukoll! Fil-fatt, Alla jgħidilhom biex jitnikktu l-lejl kollu għax tmiemhom jinsab fil-qrib.
13. Il-Kristjaneżmu bħala grupp se jwieġbu b’mod favorevoli għat-twissija taʼ Jehovah?
13 Skond Ġoel 1:14, l-unika tama għalihom hi li jindmu u jgħajtu “lill-Mulej [“Jehovah għall-għajnuna,” NW].” Nistgħu aħna nistennew li l-klassi kollha kemm hi tal-kleru tal-Kristjaneżmu ddur lejn Jehovah? Dażgur li le! Individwi minn fosthom għandhom mnejn iwieġbu għat-twissija taʼ Jehovah. Imma l-istat spiritwali mġewwaħ taʼ dawn il-mexxejja reliġjużi u l-parruċċani tagħhom bħala klassi se jkompli. Il-profeta Għamos bassar: “‘Ara, għad jiġi żmien, oraklu taʼ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.’” (Għamos 8:11) Mill-banda l-oħra, kemm aħna grati għall-festa spiritwali abbundanti li Alla bl-imħabba jipprovdilna permezz taʼ l-“irsir leali u diskret”!—Matt. 24:45-47, NW.
14. Il-kastig tal-ġradijiet taʼ liema ħaġa huwa ħabbâr?
14 Il-kastig tal-ġradijiet kien u għadu ħabbâr taʼ xi ħaġa. Taʼ xiex? Ġoel jgħidilna ċar u tond: “Ah, x’jum dan! Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj [“Min Jistaʼ Kollox,” KŻ].” (Ġoel 1:15) L-invażjonijiet mad-dinja kollha mill-armata tal-ġradijiet t’Alla llum jindikaw biċ-ċar li l-jum taʼ Jehovah kbir u li jqanqal il-biżaʼ hu fil-qrib. Żgur li dawk kollha li qalbhom hija retta qed jixxennqu għal dak il-jum speċjali taʼ rendikont meta se jiġi esegwit il-ġudizzju divin fuq dawk mill-agħar u Jehovah se joħroġ rebbieħ bħala s-Sovran Universali.
15. Minħabba l-qagħda tal-biki tal-pajjiż, dawk li jagħtu kas it-twissijiet divini kif jirreaġixxu?
15 Bħalma juri Ġoel 1:16-20, l-ikel kien spiċċa f’Ġuda tal-qedem. L-istess ġralu l-ferħ. L-imħażen kienu żvojtaw għalkollox, u l-imtâmar kellhom jiġu mwaqqgħin. Billi ma kellhomx fejn jirgħu minħabba li l-ġradijiet kienu kielu l-ħaxix kollu, il-bhejjem iġġerrew mifxulin u nqerdu mrieħel sħaħ taʼ nagħaġ. Xi gwaj dak! Fost kundizzjonijiet bħal dawn, x’għamel Ġoel? Skond vers 19, hu qal: “Jien ngħajjat lilek, Mulej!” Illum, ukoll, ħafna huma li jagħtu kas it-twissijiet divini u jgħajtu bil-fidi lil Alla Jehovah.
“Jum il-Mulej Wasal”
16. Dawk “li jgħammru fil-pajjiż” għala għandhom jitriegħdu?
16 Isimgħu dan il-kmand mingħand Alla: “Doqqu t-tromba f’Sijon, semmgħu l-aħbar minn fuq il-muntanja mqaddsa tiegħi! Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż.” (Ġoel 2:1) Għala kellhom jirreaġixxu b’dak il-mod? Il-profezija twieġeb: “Għax Jum il-Mulej wasal, għax hu fil-qrib! Jum taʼ dlam u taʼ swied, jum taʼ sħab u taʼ ċpar magħqud. Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda.” (Ġoel 2:1, 2) Jeżisti sens reali t’urġenza konness mal-jum il-kbir taʼ Jehovah.
17. Il-pajjiż u n-nies taʼ Ġuda kif ġew effettwati mill-kastig tal-ġradijiet?
17 Immaġina l-impatt tal-viżjoni tal-profeta hekk kif il-ġradijiet, li ma jieqfu qatt, jagħmlu ħerba minn dik li tassew kienet qisha l-ġnien t’Għeden. Agħti widen għad-deskrizzjoni taʼ l-armata tal-ġradijiet: ‘Id-dehra tagħha bħal dehra taʼ żwiemel; u bħal żwiemel tal-ġiri, hekk ilebbtu. Bħal ħsejjes taʼ karrijiet jaqbżu fuq qċaċet il-muntanji, bħat-tfaqqigħ taʼ lsien in-nar iqabbad il-qasbija, bħal armata qawwija mqassma għall-battalja. Għad-dehra tagħha l-popli jitkexkxu, l-uċuħ kollha jisfaru.’ (Ġoel 2:4-6) Matul il-kastig tal-ġradijiet fi żmien Ġoel, id-diqa taʼ l-adoraturi taʼ Bagħal żdiedet, u l-fawra taʼ l-ansjetà kienet tistaʼ tidher fuq wiċċhom.
18, 19. L-attività tan-nies t’Alla llum kif tixbah lill-kastig tal-ġradijiet?
18 Xejn ma waqqaf lill-ġradijiet organizzati u li ma jgħajjew qatt. Huma ġrew “bħal nies qalbiena” u anki xxabbtu mas-swar. Jekk xi wħud minnhom ‘inxteħtu qalb l-armi, l-oħrajn ma warrbux minn posthom.’ (Ġoel 2:7, 8) Xi stampa profetika ħajja taʼ l-armata preżenti taʼ ġradijiet figurattivi t’Alla! Illum, ukoll, l-armata tal-ġradijiet taʼ Jehovah tibqaʼ għaddejja dritt. L-ebda ‘sur’ taʼ oppożizzjoni ma jżommhom lura. Ma jikkompromettux l-integrità tagħhom lejn Alla, imma huma lesti li jiffaċċjaw il-mewt, bħalma għamlu eluf taʼ Xhieda li ‘nxteħtu qalb l-armi’ għax irrifjutaw li jsellmu lil Hitler matul il-ħakma tal-Ġermanja Nazista.
19 L-armata tal-ġradijiet t’Alla taʼ żmienna tat xiehda bir-reqqa fil-“belt” tal-Kristjaneżmu. (Ġoel 2:9, KŻ) Huma għamlu hekk madwar id-dinja. Xorta għadhom jegħlbu l-ostakli kollha u jidħlu f’miljuni taʼ djar, javviċinaw lin-nies fit-triqat, ikellmuhom bit-telefon, u jikkuntattjawhom bi kwalunkwe mod possibbli hekk kif jiddikjaraw il-messaġġ taʼ Jehovah. Tabilħaqq, qassmu biljuni taʼ pubblikazzjonijiet dwar il-Bibbja u għad iridu jqassmu ħafna, ħafna iktar fil-ministeru bla waqfien tagħhom—kemm pubblikament u kemm minn dar għal dar.—Atti 20:20, 21.
20. Min qiegħed jappoġġja lill-ġradijiet taʼ żmienna, u b’liema riżultati?
20 Ġoel 2:10 juri li qatgħa kbira ħafna taʼ ġradijiet hija bħal sħaba li tistaʼ ddallam ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb. (Qabbel Isaija 60:8.) Hemm xi dubju dwar min hemm wara din l-armata militari? Fost l-istorbju tal-ġradijiet, nisimgħu dan il-kliem taʼ Ġoel 2:11: “U l-Mulej isammaʼ leħnu f’ras it-truppi tiegħu. Għax bla għadd qtajjietu, għax hu qawwi dak li jagħmel l-ordni tiegħu, għax Jum il-Mulej hu kbir, tal-biżaʼ wisq, u min jiflaħ għalih?” Iva, Alla Jehovah qiegħed jibgħat lill-armata militari tiegħu taʼ ġradijiet issa—qabel il-jum il-kbir tiegħu.
‘Il-Mulej m’Huwiex Jiddawwar’
21. X’se jirriżulta meta ‘jum il-Mulej jasal bħal ħalliel’?
21 Bħal Ġoel, l-appostlu Pietru tkellem dwar il-jum il-kbir taʼ Jehovah. Hu kiteb: “Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.” (2 Pietru 3:10) Taħt l-influwenza taʼ Satana x-Xitan, is-“smewwiet” governattivi mill-agħar jaħkmu fuq l-“art”, jiġifieri, l-umanità mbiegħda minn Alla. (Efesin 6:12; 1 Ġwann 5:19) Dawn is-smewwiet u l-art simboliċi m’humiex se jifilħu għas-sħana tar-rabja divina matul il-jum il-kbir taʼ Jehovah. Minflok se jiġu ssostitwiti mis-‘smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu.’
22, 23. (a) Kif għandna nirreaġixxu għall-mod mimli ħniena li bih Jehovah qed juri l-paċenzja? (b) Kif għandna nirreaġixxu għall-fatt li l-jum taʼ Jehovah huwa tant qrib?
22 Bid-distrazzjonijiet u l-provi tal-fidi kollha li nsibu llum il-ġurnata, aħna nistgħu ninsew l-urġenza taʼ żminijietna. Imma hekk kif il-ġradijiet simboliċi qegħdin jagħfsu iktar ’il quddiem, ħafna nies qegħdin iwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna. Għalkemm Alla ħalla żmien għal dan, ma rridux inħalltu l-paċenzja tiegħu maʼ dewmien. “Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.”—2 Pietru 3:9.
23 Waqt li nistennew il-jum il-kbir taʼ Jehovah, ejjew nieħdu bis-serjetà l-kliem taʼ Pietru ddokumentat fit-2 Pietru 3:11, 12: “Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum taʼ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar.” Dawn l-atti u għemejjel ċertament jinkludu li aħna nlaħħqu maʼ l-armata tal-ġradijiet taʼ Jehovah billi jkollna sehem konsistenti u sinjifikanti fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna qabel ma jiġi t-tmiem.—Mark 13:10.
24, 25. (a) Int kif twieġeb għall-privileġġ li jkollok sehem fix-xogħol taʼ l-armata taʼ ġradijiet taʼ Jehovah? (b) Liema mistoqsija mimlija tifsir iqajjem Ġoel?
24 L-armata taʼ ġradijiet t’Alla m’hijiex se twaqqaf ix-xogħol tagħha sakemm ifaqqaʼ l-jum taʼ Jehovah kbir u li jqanqal il-biżaʼ. L-istess eżistenza taʼ din il-qawwa taʼ ġradijiet li ħadd ma jwaqqafhom, hija prova rimarkevoli li l-jum taʼ Jehovah hu fil-qrib. M’intix ferħan li qiegħed taqdi fost il-ġradijiet midlukin t’Alla u dawk imseħbin magħhom fl-attakk finali qabel il-jum taʼ Jehovah kbir u li jqanqal il-biżaʼ?
25 Kemm se jkun kbir il-jum taʼ Jehovah! Mhux taʼ b’xejn li tqum il-mistoqsija: “Min jiflaħ għalih?” (Ġoel 2:11) Din il-mistoqsija u ħafna oħrajn se jiġu kkunsidrati fiż-żewġ artikli li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Jehovah għala wissa dwar kastig taʼ insetti fuq Ġuda?
◻ Fit-twettiq modern tal-profezija taʼ Ġoel, min huma l-ġradijiet taʼ Jehovah?
◻ Il-mexxejja tal-Kristjaneżmu kif jirreaġixxu għall-kastig tal-ġradijiet, u xi wħud minnhom kif jistgħu jiskappaw mill-konsegwenzi tiegħu?
◻ Kemm kien estensiv il-kastig tal-ġradijiet matul is-seklu 20, u sakemm se jdum sejjer?
[Stampa f’paġna 9]
Il-kastig taʼ l-insetti kien ħabbâr taʼ xi ħaġa saħansitra agħar
[Sors]
Siġra Mqaxqxa: ritratt tal-FAO/G. Singh
[Stampa f’paġna 10]
Alla Jehovah qiegħed jappoġġja l-kastig tal-ġradijiet taʼ żmienna
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 8]
Ġurad: ritratt tal-FAO/G. Tortoli; qatgħa taʼ ġradijiet: ritratt tal-FAO/Desert Locust Survey