LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/1 pp. 3-4
  • Hija l-Inġustizzja Inevitabbli?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija l-Inġustizzja Inevitabbli?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Aspetti Koroh taʼ l-​Inġustizzja
  • Tagħmel Differenza l-​Inġustizzja?
  • Qatt Se Jkun Hawn Ġustizzja fid-Dinja?
    Iktar Suġġetti
  • X’Tistaʼ Tagħmel Dwar l-Inġustizzja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Int Tistaʼ Tkampa maʼ l-Inġustizzja!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/1 pp. 3-4

Hija l-​Inġustizzja Inevitabbli?

“Minkejja kollox xorta waħda għadni nemmen li n-​nies tassew qalbhom tajba. Sempliċement ma nistax nibni t-​tamiet tiegħi fuq pedament li jikkonsisti f’konfużjoni, miżerja, u mewt.”​—Anne Frank.

ANNE FRANK, tfajla Lhudija taʼ 15-il sena, kitbet dan il-​kliem li jolqot fil-​laħam il-​ħaj ftit qabel ma mietet. Għal iktar minn sentejn sħaħ, il-​familja tagħha kienet ġiet mistura, moħbija fil-​kamra taʼ fuq taʼ dar f’Amsterdam. It-​tamiet li kellha għal dinja aħjar sfaw fix-​xejn meta wieħed informatur għarraf lin-​Nazi fejn kienu qegħdin joqogħdu. Is-​sena taʼ wara, fl-​1945, Anne mietet bit-​tifu fil-​kamp tal-​konċentrament taʼ Bergen-Belsen. Sitt miljun Lhudi ieħor ġarrbu mewta simili.

Il-komplott djaboliku taʼ Hitler biex jeqred mill-​għeruq poplu sħiħ huwa forsi l-​agħar każ taʼ inġustizzja razzjali li qatt ra dan is-​seklu, imma m’huwiex l-​uniku wieħed. Fl-​1994 ’il fuq minn nofs miljun Tutsi ġew immassakrati fl-​Irwanda, sempliċement għax kienu jagħmlu parti mit-​tribù “l-​ħażin.” U matul l-​ewwel gwerra dinjija, madwar miljun Armen mietu f’tindifa etnika.

L-​Aspetti Koroh taʼ l-​Inġustizzja

Il-​ġenoċidju m’huwiex l-​uniku aspett taʼ l-​inġustizzja. L-​inġustizzja soċjali tikkundanna lil madwar wieħed minn kull ħamsa tar-​razza umana għal ħajja taʼ faqar li jifni. Agħar minn hekk, il-​grupp għad-​drittijiet tal-​bniedem Anti-Slavery International jikkalkula li iktar minn 200,000,000 ruħ huma fil-​jasar. Huwa possibbli li fid-​dinja hawn iktar irsiera llum minn qatt qabel fl-​istorja. Forsi ma jinbigħux f’irkantijiet pubbliċi, imma l-​kundizzjonijiet tax-​xogħol tagħhom huma taʼ spiss agħar minn dawk taʼ bosta rsiera fiż-​żminijiet taʼ qabel.

L-inġustizzja legali ċċaħħad lil miljuni taʼ nies mid-​drittijiet bażiċi tagħhom. “Atroċitajiet tad-​drittijiet tal-​bniedem jiġu mwettqin tistaʼ tgħid kuljum, xi mkien fid-​dinja,” tgħid Amnesty International fir-​rapport tagħha taʼ l-​1996. “L-​iktar vulnerabbli huma l-​foqra u l-​iżvantaġġati, speċjalment in-​nisa, it-​tfal, dawk imdaħħlin fiż-​żmien u r-​refuġjati.” Ir-​rapport osserva: “F’xi pajjiżi, l-​istrutturi taʼ l-​istat indipendenti virtwalment iġġarrfu għal kollox, u ma ħallew l-​ebda awtorità legali biex tipproteġi lid-​dgħajjef mill-​qawwi.”

Matul l-​1996 għaxriet t’eluf f’iktar minn mitt pajjiż ġew miżmumin u ttorturati. U f’dawn l-​aħħar snin, mijiet t’eluf taʼ nies sempliċement għebu, mid-​dehra maħtufin minn qawwiet tas-​sigurtà jew inkella minn gruppi terroristiċi. Ħafna minnhom jaħsbu li huma mejtin.

M’għandniex xi ngħidu, il-​gwerer huma bla ebda dubju inġusti, imma qegħdin isiru iktar hekk. L-​armi moderni huma mmirati lejn popolazzjonijiet ċivili, inkluż nisa u tfal. U dan m’huwiex biss għax ħafna bliet jiġu bbombardjati bl-​addoċċ. Nisa u tfal qegħdin jiġu stuprati bħala parti normali mill-​operazzjonijiet militari, u ħafna gruppi rivoluzzjonarji jaħtfu tfal bil-​forza sabiex iħarrġuhom ikunu qattiela. Waqt li jikkummenta fuq tendenzi bħal dawn, ir-​rapport tal-​Ġnus Magħquda “Impact of Armed Conflict on Children” (L-Impatt taʼ Konflitti bl-​Armi fuq it-​Tfal) jistqarr: “Iktar u iktar partijiet mid-​dinja qegħdin jinġibdu ġewwa vojt morali deżolat.”

M’hemm l-​ebda dubju li dan il-​vojt morali wassal għal dinja mgħarrqa fl-​inġustizzja​—kemm jekk razzjali, soċjali, legali, jew militari. Din m’hijiex xi ħaġa ġdida, m’għandniex xi ngħidu. Iktar minn elfejn u ħames mitt sena ilu, profeta Lhudi lmenta: “Il-​liġi sefgħet mingħajr saħħa, qatt iżjed ma jsir ħaqq. Għax il-​ħażin idur madwar il-​ġust, għalhekk il-​ħaqq li jsir ikun mgħawweġ.” (Ħabakkuk 1:4) Għalkemm l-​inġustizzja minn dejjem kienet rampanti, is-​seklu 20 irid jitniżżel bħala l-​perijodu fejn il-​livell taʼ inġustizzja laħaq livelli ogħla.

Tagħmel Differenza l-​Inġustizzja?

L-​inġustizzja tagħmel differenza meta ġġarrabha int stess bħala riżultat. Tagħmel differenza għax lill-​biċċa l-​kbira tar-​razza umana, din tisirqilhom id-​dritt tagħhom għall-​hena. U tagħmel differenza wkoll għax l-​inġustizzja taʼ spiss tqajjem konflitti mdemmin, li, min-​naħa tagħhom, dawn iżommu l-​fjammi taʼ l-​inġustizzja jaqbdu.

Il-paċi u l-​hena jmorru id f’id mal-​ġustizzja, imma l-​inġustizzja ġġib fix-​xejn kull tama u tkisser l-​ottimiżmu. Kif skopriet traġikament Anne Frank, in-​nies ma jistgħux jibnu t-​tamiet tagħhom fuq pedament li jikkonsisti f’konfużjoni, miżerja, u mewt. Bħalha, aħna lkoll nixxennqu għal xi ħaġa aħjar.

Din ix-​xewqa wasslet lil nies sinċieri biex jipprovaw iġibu xi ftit tal-​ġustizzja fis-​soċjetà umana. Għal dan l-​għan, id-​Dikjarazzjoni Universali tad-​Drittijiet tal-​Bniedem, adottata fl-​1948 mill-​Assemblea Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, tistqarr: “L-​esseri umani kollha huma mwelldin ħielsa u ndaqs fid-​dinjità u fid-​drittijiet. Huma ġew ipprovduti bl-​abbiltà tar-​raġuni u b’kuxjenza u għandhom jaġixxu maʼ xulxin bi spirtu taʼ fratellanza.”

Dan huwa kliem nobbli tassew, imma l-​umanità għad fadlilha wisq biex tilħaq dik il-​mira għażiża​—soċjetà ġusta fejn kulħadd igawdi drittijiet indaqs u kulħadd jittratta lil sieħbu daqs li kieku ħuh. It-​twettiq taʼ dan l-​objettiv, bħalma juri l-​preamblu tad-​Dikjarazzjoni tal-​ĠM, kellu jservi bħala “l-​pedament tal-​ħelsien, tal-​ġustizzja, u tal-​paċi fid-​dinja.”

Hija l-​inġustizzja tant imdaħħla fl-​għeruq tas-​soċjetà umana li qatt m’hi se tiġi meqruda? Jew b’xi mod jew ieħor se jissejjes pedament sod għall-​ħelsien, għall-​ġustizzja, u għall-​paċi? Jekk iva, min jistaʼ jagħmel ħaġa bħal din u jkun ċert li kulħadd se jibbenefika?

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 3]

UPI/Corbis-Bettmann

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja