‘Il-Verità Teħliskom’
“Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” Hekk iddikjara Ġesù waqt li kien qed jgħallem lill-folol fit-tempju ġewwa Ġerusalemm. (Ġwann 8:32) L-appostli taʼ Ġesù mill-ewwel setgħu jidentifikaw it-tagħlim taʼ Ġesù bħala l-verità. Huma kienu raw ħafna evidenzi dwar l-oriġini divina taʼ l-għalliem tagħhom.
MADANKOLLU, xi wħud illum għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jidentifikaw il-verità li tkellem dwarha Ġesù. Bħal fi żmien il-profeta Isaija, illum hemm “dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, li jibdlu l-morr mal-ħelu, u l-ħelu mal-morr.” (Isaija 5:20) Bid-diversi opinjonijiet, filosofiji, u stili taʼ ħajja li qed isiru iktar popolari llum, ħafna nies iħossu li kollox hu relattiv u li xejn m’hu verità.
Meta Ġesù qal lill-udjenza tiegħu li l-verità se teħlishom, huma wieġbu billi qalulu: “Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera taʼ ħadd. Kif tiġi tgħidilna li nkunu ħielsa?” (Ġwann 8:33) Huma ma ħassewx il-bżonn li jiġu meħlusin minn xi ħaġa jew xi ħadd. Imma mbagħad Ġesù spjega: “Tassew tassew ngħidilkom, li kull min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub.” (Ġwann 8:34) Il-verità li kien qed jitkellem dwarha Ġesù tistaʼ tiftaħ it-triq għall-ħelsien mid-dnub. Ġesù qal: “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa.” (Ġwann 8:36) Għalhekk, il-verità li teħles lin-nies hija l-verità dwar Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla. Huwa biss permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju tal-ħajja umana perfetta taʼ Ġesù li wieħed jistaʼ jinħeles mid-dnub u l-mewt.
F’okkażjoni oħra Ġesù qal: “Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità.” (Ġwann 17:17) Il-kelma t’Alla kif inhi mfissra fil-Bibbja hija l-verità li tistaʼ ġġib ħelsien mis-superstizzjoni u mill-qima falza. Il-Bibbja fiha l-verità dwar Ġesù Kristu, li twassal lin-nies biex ipoġġu fidi fih u tiftaħ it-triq għal tama sabiħa għall-futur. Hija xi ħaġa meraviljuża li ssir taf il-verità tal-Kelma t’Alla!
Kemm huwa vitali li ssir taf il-verità? Ħafna reliġjonijiet illum, waqt li jistqarru li jsegwu l-Bibbja, huma influwenzati ferm mill-filosofiji u t-tradizzjonijiet tal-bniedem. Taʼ spiss, il-mexxejja reliġjużi ma jidhrux li huma daqshekk ikkonċernati dwar l-eżattezza tal-messaġġ tagħhom daqs kemm huma dwar l-aċċettar tiegħu mill-massa. Xi wħud iħossu li Alla hu sodisfatt bi kwalunkwe forma taʼ qima, sakemm din hija sinċiera. Imma Ġesù Kristu spjega: “Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh.”—Ġwann 4:23.
Jekk irridu nqimu lil Alla b’mod aċċettabbli, irridu nkunu nafu l-verità. Din hija kwistjoni importanti. Il-ferħ etern tagħna jiddependi minnha. Għalhekk, kulħadd għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Huwa l-mod taʼ qima tiegħi aċċettabbli għal Alla? Interessat jien ġenwinament f’li nitgħallem il-verità tal-Kelma t’Alla? Jew nibżaʼ minn dak li jistaʼ jirrivela xi eżaminar bir-reqqa?’