Huwa t-Talb Tiegħek Imħejji “Bħal Inċens”?
“Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek.”—SALM 141:2.
1, 2. Il-ħruq taʼ l-inċens liema ħaġa kien jissimbolizza?
ALLA JEHOVAH kkmanda lill-profeta tiegħu Mosè, biex jipprepara inċens sagru għall-użu fit-tabernaklu li Iżrael kien juża għall-qima. Ir-riċetta divina kienet tirrikjedi taħlita taʼ erbaʼ ħxejjex aromatiċi. (Eżodu 30:34-38) Tassew li kienet tfuħ.
2 Il-patt tal-Liġi li ddaħħal fih il-ġens taʼ Iżrael kien jinkorpora l-ħruq taʼ l-inċens kuljum. (Eżodu 30:7, 8) Kellu l-użu taʼ l-inċens xi sinjifikat speċjali? Iva, għax is-salmista kanta: “Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek [Alla Jehovah]; ikunu jdejja merfugħa ’l fuq bħas-sagrifiċċju fil-għaxija.” (Salm 141:2) Fil-ktieb t’Apokalissi, l-appostlu Ġwanni jiddeskrivi lil dawk madwar it-tron t’Alla bħala li kellhom bwieqi tad-deheb mimlijin bl-inċens. U r-rakkont ispirat jgħid “li huma t-talb tal-qaddisin.” (Apokalissi 5:8) Għalhekk, mela, il-ħruq taʼ inċens ifuħ kien jissimbolizza talb aċċettabbli offrut mill-qaddejja taʼ Jehovah bil-lejl u bi nhar.—1 Tessalonikin 3:10; Lhud 5:7.
3. X’għandu jgħinna nħejju t-talb tagħna “bħal inċens” quddiem Jehovah?
3 Biex it-talb tagħna jkun aċċettabbli għalih, irridu nitolbu lil Alla f’isem Ġesù Kristu. (Ġwann 16:23, 24) Imma kif nistgħu ntejbu l-kwalità tat-talb tagħna? Ara, li nikkunsidraw xi eżempji Skritturali għandu jgħinna nippreparaw it-talb tagħna bħal inċens quddiem Jehovah.—Proverbji 15:8.
Offri Talb b’Fidi
4. Il-fidi kif inhi marbuta maʼ talb aċċettabbli?
4 Biex it-talb tagħna jitlaʼ għand Alla bħal inċens ifuħ, irridu nitolbu b’fidi. (Lhud 11:6) Meta anzjani Kristjani jsibu lil xi ħadd marid spiritwalment li jkun lest jaċċetta l-għajnuna Skritturali tagħhom, “it-talba [tagħhom] tal-fidi ssalva lill-marid.” (Ġakbu 5:15) Talb offrut b’fidi jogħġob lil Missierna tas-sema, kif ukoll l-istudju tal-Kelma t’Alla bit-talb. Is-salmista wera attitudni mill-aħjar meta kanta: “Nerfaʼ jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek, u naħseb fuq il-preċetti tiegħek. Fehma tajba u għerf għallimni, għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:48, 66) Ejjew ‘nerfgħu jdejna ’l fuq’ f’talb umli u neżerċitaw fidi billi nikkonformaw mal-kmandamenti t’Alla.
5. X’għandna nagħmlu jekk jonqosna l-għerf?
5 Nassumu li jonqosna l-għerf meħtieġ biex nittrattaw xi prova. Forsi m’aħniex ċerti jekk xi profezija partikulari tal-Bibbja hijiex qiegħda titwettaq issa. Minflok ma nħallu lil din il-ħaġa tiżbilanċjana spiritwalment, ejjew nitolbu għall-għerf. (Galatin 5:7, 8; Ġakbu 1:5-8) M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux nistennew li Alla jweġibna b’xi mod spettakolari. Irridu nuru s-sinċerità tat-talb tagħna billi nagħmlu dak li hu jistenna mill-poplu tiegħu kollu. Huwa neċessarju għalina li nagħmlu studju taʼ l-Iskrittura li jibni l-fidi bil-għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet ipprovduti permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW; Ġożwè 1:7, 8) Irridu wkoll navanzaw fl-għarfien billi nipparteċipaw fil-laqgħat tal-poplu t’Alla fuq bażi regulari.—Lhud 10:24, 25.
6. (a) Ilkoll kemm aħna x’għandna nirrealizzaw dwar żmienna u dwar it-twettiq taʼ profeziji tal-Bibbja? (b) Flimkien mat-talb tagħna għat-taqdis taʼ isem Jehovah, x’għandna nagħmlu?
6 Illum, xi Kristjani qegħdin isegwu interessi u karrieri li bihom jissuġġerixxu li m’għadhomx konxji li aħna issa qegħdin ’il ġewwa sew fiż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) Sħabhom fit-twemmin jistgħu bix-xieraq jitolbu li dawn it-talin ikebbsu mill-ġdid il-fidi tagħhom, jew jinforzawha, fl-evidenza Skritturali li l-preżenza taʼ Kristu bdiet fl-1914 meta Jehovah ħatru bħala Sultan tas-sema u li hu qiegħed jaħkem f’nofs l-għedewwa tiegħu. (Salm 110:1, 2; Mattew 24:3) Ilkoll kemm aħna għandna nirrealizzaw li ġrajjiet imbassrin bħalma huma l-qerda tar-reliġjon falza—“Babilonja l-Kbira”—l-attakk sataniku taʼ Gog taʼ Magog fuq il-poplu taʼ Jehovah, u l-ħelsien li se jġibilhom Alla li Jistaʼ Kollox fil-gwerra taʼ Armageddon jistgħu jfaqqgħu għal għarrieda b’mod li jaħsdek u jistgħu jseħħu kollha f’perijodu taʼ żmien komparattivament qasir. (Apokalissi 16:14, 16; 18:1-5; Eżekjel 38:18-23) Mela ejjew nitolbu għall-għajnuna t’Alla biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Jalla lkoll kemm aħna nitolbu bil-ħerqa għat-taqdis taʼ l-isem t’Alla, għas-Saltna tiegħu biex tiġi, u għar-rieda tiegħu biex issir fl-art bħalma ssir fis-sema. Iva, jalla nkomplu neżerċitaw fidi u nagħtu evidenza li t-talb tagħna hu sinċier. (Mattew 6:9, 10) Tabilħaqq, jalla dawk kollha li jħobbu lil Jehovah jfittxu l-ewwel is-Saltna u t-tjieba tiegħu u jkollhom l-akbar sehem possibbli fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba qabel ma jiġi t-tmiem.—Mattew 6:33; 24:14.
Faħħar u Iżżi Ħajr lil Jehovah
7. X’jimpressjonak fit-talba taʼ David li parti minnha hija ddokumentata fl-1 Kronaki 29:10-13?
7 Mod importanti kif inħejju t-talb tagħna “bħal inċens” huwa billi nesprimu tifħir mill-qalb u gratitudni lejn Alla. Is-Sultan David offra talb bħal dan meta hu u l-poplu taʼ Iżrael ikkontribwew għall-bini tat-tempju taʼ Jehovah. David talab: “Mbierek int, Mulej, Alla taʼ Iżrael, missierna, minn dejjem għal dejjem. Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa, il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir: kull ma hemm fis-sema u fl-art. Tiegħek is-saltna, Mulej, int kap fuq kulħadd. Minnek l-għana u s-sebħ; int taħkem fuq kollox. F’idejk il-qawwa u s-saħħa; f’idejk is-setgħa li tkabbar u ’l kulħadd issaħħaħ. U issa nfaħħruk, Alla tagħna, u nsebbħu l-isem glorjuż tiegħek.”—1 Kronaki 29:10-13.
8. (a) Liema kliem taʼ tifħir f’Salmi 148 sa 150 imisslek qalbek b’mod speċjali? (b) X’se nagħmlu jekk naqblu mas-sentimenti espressi f’Salm 27:4?
8 Xi ġmiel t’espressjonijiet taʼ tifħir u taʼ ringrazzjament! It-talb tagħna forsi ma jkunx daqstant elokwenti, imma jistaʼ jkun daqstant mill-qalb. Il-ktieb taʼ Salmi huwa mimli b’talb taʼ ringrazzjament u tifħir. Kliem mirqum taʼ tifħir jinsab f’Salmi 148 sa 150. Il-gratitudni lejn Alla hija espressa f’ħafna Salmi. “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,” kanta David. “Ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha taʼ ħajti; biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.” (Salm 27:4) Ejjew naġixxu fi qbil maʼ dan it-talb billi nipparteċipaw b’mod żeluż fl-attivitajiet kollha tal-ġemgħat taʼ Jehovah. (Salm 26:12) Li nagħmlu dan u li nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla kuljum se jagħtina ħafna raġunijiet biex navviċinaw lil Jehovah b’tifħir mill-qalb u gratitudni.
Fittex b’Umiltà l-Għajnuna taʼ Jehovah
9. Kif talab is-Sultan Asa, u b’liema riżultat?
9 Jekk qegħdin naqdu lil Jehovah b’qalbna kollha bħala x-Xhieda tiegħu, nistgħu nkunu ċerti li hu jismaʼ t-talb tagħna għall-għajnuna. (Isaija 43:10-12) Ikkunsidra lis-Sultan Asa taʼ Ġuda. L-ewwel għaxar snin mir-renju tiegħu taʼ 41 sena (977-937 Q.E.K.) kienu mimlijin paċi. Imbagħad armata taʼ miljun raġel taħt Żeraħ il-Kusi [l-Etjopjan], invadiet lil Ġuda. Għalkemm fl-għadd kienu ssuperati bil-kbir, Asa u l-irġiel tiegħu ħarġu biex jiffaċċjaw lill-invażuri. Madankollu, qabel il-battalja, Asa talab bil-ħerqa. Hu rrikonoxxa l-qawwa taʼ Jehovah biex jeħles lill-poplu tiegħu. Waqt li talab bil-ħniena għall-għajnuna, is-sultan qal: “Fuqek nistrieħu; f’ismek ġejna kontra din il-kotra. Mulej inti Alla tagħna; ma jkunx hemm bniedem aqwa minnek!” Ir-riżultat kien rebħa totali hekk kif Jehovah salva lil Ġuda minħabba l-kbir ismu. (2 Kronaki 13:23–14:1-14 [2 Kronaki 14:1-15, NW]) Kemm jekk Alla jeħlisna minn xi prova u kemm jekk isaħħaħna biex nissaportuha, ma hemm ebda dubju li hu jismagħna meta nitolbuh bil-ħniena għall-għajnuna.
10. Meta ma nkunux nafu kif nittrattaw xi kriżi partikulari, it-talba tas-Sultan Ġosafat kif tistaʼ tkun t’għajnuna?
10 Jekk ma nafux kif nittrattaw xi kriżi partikulari, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jismaʼ l-petizzjonijiet tagħna għall-għajnuna. Dan ngħata stampa tiegħu fi żmien is-Sultan Ġudean, Ġosafat, li fis-sena 936 Q.E.K. beda r-renju tiegħu taʼ 25 sena. Meta Ġuda kienet mhedda mill-forzi magħqudin taʼ Mowab, Għammon, u r-reġjun tal-muntanji taʼ Xegħir, Ġosafat talab bil-ħniena: “Alla tagħna, ma tagħmilx int ħaqq minnhom? Għax aħna ma għandniex saħħa quddiem din il-kotra hekk kbira li ġejja kontra tagħna, u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu; imma għajnejna huma fik!” Jehovah wieġeb din it-talba umli, billi ġġieled għal Ġuda u tefaʼ konfużjoni kbira qalb is-suldati taʼ l-għadu u dawn bdew joqtlu lil xulxin. Bħala riżultat, il-ġnus dawramejt saru beżgħanin, u f’Ġuda rrenjat il-paċi. (2 Kronaki 20:1-30) Meta jonqosna l-għerf meħtieġ biex niffaċċjaw xi kriżi, nistgħu nitolbu bħal Ġosafat: ‘Ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fik, Jehovah.’ L-ispirtu qaddis jistaʼ jġagħalna niftakru xi punti Skritturali li jkunu bżonnjużi biex tissolva l-problema, jew Alla jistaʼ jgħinna b’mod li jisboq id-dehen uman.—Rumani 8:26, 27.
11. X’nistgħu nitgħallmu dwar it-talb mill-azzjonijiet taʼ Neħemija f’konnessjoni mas-swar taʼ Ġerusalemm?
11 Forsi jkollna nipperseveraw fit-talb għall-għajnuna mingħand Alla. Neħemija tnikket, beka, sam, u talab għal ġranet sħaħ dwar is-swar imġarrfin taʼ Ġerusalemm u l-istat imwiegħer taʼ l-abitanti taʼ Ġuda. (Neħemija 1:1-11) Milli jidher it-talb tiegħu telaʼ għand Alla bħal inċens ifuħ. Darba minnhom, is-Sultan Persjan Artasersi staqsa lil Neħemija, li kien jidher dipress: “X’inhu li qiegħed titlobni?” Jgħidilna Neħemija: “[Malajr] jien tlabt lil Alla tas-smewwiet.” Dik it-talba qasira u siekta twieġbet, għax Neħemija tħalla jwettaq ix-xewqa taʼ qalbu billi jmur Ġerusalemm u jibni mill-ġdid is-swar imġarrfin tagħha.—Neħemija 2:1-8.
Ħalli lil Ġesù Jgħallmek kif Titlob
12. Fi kliemek stess, kif tiġbor fil-qosor il-punti prinċipali tat-talba mudell taʼ Ġesù?
12 Mit-talb kollu ddokumentat fl-Iskrittura, it-talba mudell ippreżentata bħala inċens ifuħ minn Ġesù Kristu hija istruttiva b’mod speċjali. Il-Vanġelu taʼ Luqa jgħid: “Wieħed mid-dixxipli [taʼ Ġesù] qallu: ‘Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.’ U qalilhom: ‘Meta titolbu, għidu, “Missier, jitqaddes ismek tiġi Saltnatek. Ħobżna taʼ kuljum agħtina kuljum. U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.”’” (Luqa 11:1-4; Mattew 6:9-13) Ejjew nikkunsidraw din it-talba, li l-iskop tagħha ma kienx biex tiġi rripetuta bl-amment imma biex isservi taʼ gwida.
13. Kif tispjega s-sinjifikat tal-kliem, “Missier, jitqaddes ismek”?
13 “Missier, jitqaddes ismek.” Il-qaddejja dedikati taʼ Jehovah għandhom il-privileġġ speċjali li jindirizzawh bħala Missier. Bħalma l-ulied javviċinaw bla biżaʼ lil missier ħanin kulmeta jkollhom l-iċken problema, aħna għandna nqattgħu ħin regolarment f’talb lil Alla b’dinjità u b’rispett kbir. (Salm 103:13, 14) It-talb tagħna għandu jirrifletti t-tħassib tagħna dwar it-taqdis taʼ isem Jehovah għax nixxennqu li narawh ħieles mit-tmaqdir kollu li ntefaʼ fuqu. Iva, irridu li isem Jehovah jinżamm separat u jitqies bħala qaddis, jew sagru.—Salm 5:12 [Salm 5:11, NW]; Salm 63:4, 5 [Salm 63:3, 4, NW]; Salm 148:12, 13; Eżekjel 38:23.
14. X’ifisser li titlob, “Tiġi Saltnatek”?
14 “Tiġi Saltnatek.” Is-Saltna hija l-ħakma taʼ Jehovah espressa permezz tal-gvern Messjaniku tas-sema f’idejn Ibnu u “l-qaddisin” imseħbin maʼ Ġesù. (Danjel 7:13, 14, 18, 27; Apokalissi 20:6) Dalwaqt se “tiġi” kontra l-avversarji kollha fuq l-art tas-sovranità t’Alla, billi lil dawn tneħħihom min-nofs. (Danjel 2:44) Imbagħad ir-rieda taʼ Jehovah se ssir fuq l-art, saħansitra bħalma ssir fis-sema. (Mattew 6:10) X’ferħ se jġib dan lill-ħlejjaq kollha li qegħdin jaqdu lealment lis-Sovran Universali!
15. Li nitolbu lil Jehovah għal “ħobżna taʼ kuljum” x’jindika?
15 “Ħobżna taʼ kuljum agħtina kuljum.” Li nitolbu lil Jehovah għall-ikel “taʼ kuljum” jindika li ma nitolbuhx għal proviżjonijiet bil-gzuz imma biss għall-ħtiġijiet tagħna taʼ kuljum. Għalkemm nafdaw f’Alla biex jipprovdilna, aħna naħdmu wkoll u nużaw kwalunkwe mezzi xierqa disponibbli għalina sabiex niksbu l-ikel u neċessitajiet oħrajn. (2 Tessalonikin 3:7-10) M’għandniex xi ngħidu, għandna nirringrazzjaw lill-Provditur tagħna tas-sema għaliex l-imħabba, l-għerf, u l-qawwa tiegħu qegħdin wara dawn il-proviżjonijiet—Atti 14:15-17.
16. Kif nistgħu nirċievu l-maħfra t’Alla?
16 “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina.” Ladarba aħna imperfetti u midinbin, ma nistgħux inżommu kompletament mal-livelli perfetti taʼ Jehovah. Għaldaqstant, għandna bżonn nitolbu għall-maħfra tiegħu fuq il-bażi tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz għall-fidwa. Imma jekk irridu li “Semmiegħ it-talb” japplika l-mertu taʼ dak is-sagrifiċċju għal dnubietna, irridu nkunu nedmin u lesti li nirċievu kwalunkwe dixxiplina li jagħtina. (Salm 65:2; Rumani 5:8; 6:23; Lhud 12:4-11) Iktar minn hekk, nistgħu nistennew li Alla jaħfrilna biss jekk “aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,” dawk li jidinbu kontra tagħna.—Mattew 6:12, 14, 15.
17. X’ifisser il-kliem, “La ddaħħalniex fit-tiġrib”?
17 “La ddaħħalniex fit-tiġrib.” Il-Bibbja xi drabi tgħid li Jehovah jikkaġuna l-affarijiet, meta hu sempliċement ikun qed jippermettihom. (Rut 1:20, 21) Alla ma jittantaniex biex nikkommettu d-dnub. (Ġakbu 1:13) It-tentazzjonijiet biex nagħmlu l-ħażin joriġinaw mix-Xitan, mil-laħam midneb tagħna, u minn did-dinja. Satana huwa t-Tentatur li jipprova jimmanuvrana biex nidinbu kontra Alla. (Mattew 4:3; 1 Tessalonikin 3:5) Meta nagħmlu l-petizzjoni, “La ddaħħalniex fit-tiġrib,” inkunu qed nitolbu lil Alla biex ma jħalliniex naqgħu meta nkunu ttantati biex ma nobduhx. Hu jistaʼ jiggwidana biex ma nċedux u nintrebħu minn Satana, il-“wieħed mill-agħar.”—Mattew 6:13; 1 Korintin 10:13.
Aħdem fi Qbil mat-Talb Tiegħek
18. Kif nistgħu naħdmu fi qbil mat-talb tagħna għal żwieġ u ħajja tal-familja henjin?
18 It-talba mudell taʼ Ġesù kopriet punti prinċipali, iżda aħna nistgħu nitolbu dwar kwalunkwe ħaġa. Per eżempju, nistgħu nitolbu dwar ix-xewqa tagħna għal żwieġ hieni. Biex inżommu l-kastità saż-żwieġ, nistgħu nitolbu għall-kontroll fuqna nfusna. Imma mbagħad ejjew naħdmu fi qbil mat-talb tagħna billi nevitaw letteratura u divertiment immorali. Ejjew inkunu determinati wkoll li ‘niżżewġu biss fil-Mulej.’ (1 Korintin 7:39; Dewteronomju 7:3, 4) Meta mbagħad niżżewġu, inkunu rridu naħdmu fi qbil mat-talb tagħna għall-hena billi napplikaw il-pariri t’Alla. U jekk għandna t-tfal, m’huwiex biżżejjed li nitolbu li huma jkunu qaddejja leali taʼ Jehovah. Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex innaqqxu l-veritajiet t’Alla fi mħuħhom permezz taʼ studju tal-Bibbja u billi nattendu magħhom regolarment għal-laqgħat Kristjani.—Dewteronomju 6:5-9; 31:12; Proverbji 22:6.
19. X’għandna nagħmlu jekk inkunu qed nitolbu dwar il-ministeru tagħna?
19 Qegħdin aħna nitolbu għal barkiet fil-ministeru? Mela ejjew naġixxu fi qbil maʼ talb bħal dan billi nieħdu sehem sinjifikanti fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Jekk nitolbu għal opportunitajiet biex ngħinu lil oħrajn jaqbdu t-triq għall-ħajja taʼ dejjem, għandna bżonn inżommu dettalji bil-miktub taʼ wħud li wrew interess u nkunu lesti li nsibu ħin fl-iskeda tagħna biex nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar. Xi ngħidu jekk għandna x-xewqa li nidħlu għax-xogħol taʼ l-ippridkar full-time bħala pijunier? Allura ejjew nieħdu passi fi qbil mat-talb tagħna billi nżidu l-attività tagħna taʼ l-ippridkar u billi nieħdu sehem fil-ministeru mal-pijunieri. Li nieħdu dawn il-passi se juri li qegħdin naħdmu fi qbil mat-talb tagħna.
20. L-artiklu li jmiss liema ħaġa se jikkunsidra?
20 Jekk qed naqdu lil Jehovah fedelment, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu se jwieġeb it-talb tagħna li jkun fi qbil mar-rieda tiegħu. (1 Ġwann 5:14, 15) Ċertament li slitna ħafna punti taʼ benefiċċju billi eżaminajna xi talb iddokumentat fil-Bibbja. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra linji oħrajn taʼ gwida Skritturali għal dawk li jixtiequ jħejju t-talb tagħhom “bħal inċens” quddiem Jehovah.
Int kif Twieġeb?
◻ Għala għandna noffru talb b’fidi?
◻ Liema rwol għandhom ikollhom fit-talb tagħna t-tifħir u r-radd il-ħajr?
◻ Għala nistgħu nfittxu b’fiduċja għall-għajnuna taʼ Jehovah bit-talb?
◻ Liema huma xi punti prinċipali tat-talba mudell?
◻ Kif nistgħu naħdmu fi qbil mat-talb tagħna?
[Stampa f’paġna 12]
Bħas-Sultan Ġosafat, xi drabi għandu mnejn ikollna nitolbu: ‘Ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fik, Jehovah’
[Stampa f’paġna 13]
Titlob int fi qbil mat-talba mudell taʼ Ġesù?