Ktieb t’Għerf b’Messaġġ għal-Lum
“BORŻA mimlija għerf tiswa iktar minn waħda mimlija perli,” osserva l-patrijarka tal-qedem Ġob, li bla dubju kien wieħed mill-iktar nies għonja taʼ żmienu. (Ġob 1:3; 28:18, New World Translation;Ġob 42:12) Verament, l-għerf jiswa ferm iktar mill-ġid materjali biex jgħin lil persuna tagħmel ħajjitha waħda taʼ suċċess. “Fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus,” qal is-Sultan għaref Salamun, “imma aħjar l-għerf għax iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.”—Koħèlet 7:12.
Imma fejn jistaʼ jinstab għerf bħal dan illum? In-nies iduru lejn dawk li jagħtu l-pariri fil-gazzetti u fir-rivisti, il-psikologi, il-psikjatri, u saħansitra lejn il-hairdressers u x-xufiera tat-taxis, biex isolvu l-problemi persunali tagħhom. U numru bla għadd taʼ esperti huma lesti li joffru pariri fuq tistaʼ tgħid kull suġġett—jekk jingħataw ħlas tajjeb. Taʼ spiss, iżda, kliem t’“għerf” bħal dan wassal biss għal diżappunt, saħansitra diżastri. Kif, allura, nistgħu nsibu għerf veru?
Ġesù Kristu, li kellu dehen kbir rigward l-affarijiet tal-bnedmin, darba qal: “L-Għerf taʼ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess.” (Mattew 11:19) Ejja nagħtu ħarsa lejn xi problemi komuni fil-ħajjiet tan-nies u naraw liema kliem t’għerf għenhom tassew u ta prova li għalihom kien jiswa iktar minn ‘borża mimlija perli.’ Int ukoll tistaʼ ssib dik il-“borża mimlija għerf” u tibbenefika minnha.
Għaddej minn Dipressjoni?
“Jekk is-seklu 20 introduċa l-Era taʼ l-Ansjetà, tmiemu qiegħed jara ż-żerniq taʼ l-Era tal-Malinkonija,” tosserva l-International Herald Tribune taʼ Londra. Din iżżid li “l-ewwel studju internazzjonali dwar id-dipressjoni serja jirrivela żjieda kostanti f’din id-diżordni mad-dinja kollha. Anki f’pajjiżi li huma differenti ħafna minn xulxin, bħat-Tajwan, il-Libanu u New Zealand, kull ġenerazzjoni suċċessiva qed issir iktar vulnerabbli għal din il-marda.” Dawk li twieldu wara l-1955 jintqal li għandhom tliet darbiet iktar ċans li jbatu minn dipressjoni serja milli kellhom in-nanniet tagħhom.
Hekk ġralha Tomoe, li kienet tbati minn dipressjoni serja u qattgħet il-biċċa l-kbira taʼ ħajjitha f’qiegħ taʼ sodda. Minħabba li ma setgħetx tieħu ħsieb binha taʼ sentejn, hi reġgħet marret toqgħod mal-ġenituri tagħha. Waħda mill-ġirien, li kellha tifla taʼ l-istess età tat-tifel taʼ Tomoe, malajr għamlet ħbieb magħha. Meta Tomoe qalet lill-ġâra kemm kienet tħossha m’hi tajba għal xejn, il-ġâra wrietha silta minn ktieb. Din kienet tgħid: “L-għajn ma tistax tgħid lill-id: ‘Jiena ma għandix bżonnok’, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: ‘Ma għandix bżonnkom’. Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa.”a Tomoe qabżilha d-dmugħ hekk kif irrealizzat li kulħadd għandu postu fid-dinja u kulħadd huwa meħtieġ.
Il-ġâra rrikkmandatilha li teżamina l-ktieb li kien fih dan il-kliem. Tomoe ċaqalqet rasha biex turiha li kienet taqbel maʼ dan, avolja sa dakinhar ma kienet kapaċi tagħmel xejn, lanqas saħansitra tikkommetti ruħha biex tagħmel wegħda sempliċi. Il-ġâra kienet tgħinha wkoll fix-xiri, u taʼ kuljum kienet tipprepara l-ikel maʼ Tomoe. Xahar wara, Tomoe kienet qed tqum kull fil-għodu, tagħmel il-ħasla, tnaddaf id-dar, tmur tixtri, u tipprepara l-ikel, bħalma tagħmel kull mara tad-dar. Hi kellha tegħleb ħafna diffikultajiet, imma qalet, “Kont fiduċjuża li jekk sempliċement nimxi fuq il-kliem t’għerf li kont sibt, kien se jirnexxili.”
Billi applikat l-għerf li kienet sabet, Tomoe għelbet il-jiem koroh tad-dipressjoni tagħha. Issa Tomoe qed taħdem full-time biex tgħin lil oħrajn japplikaw l-istess kliem li għenha tkampa mal-problemi tagħha. Dan il-kliem tad-deheb jinsab fi ktieb antik li għandu messaġġ għan-nies kollha llum.
Qed Tiffaċċja Problemi fid-Dar?
Madwar id-dinja r-rata tad-divorzju qegħda togħla. Il-problemi fid-dar qegħdin jiżdiedu wkoll f’pajjiżi Orjentali, fejn in-nies darba kienu kburin bil-familji magħqudin tagħhom. Fejn nistgħu nsibu gwida għaqlija u prattika għaż-żwieġ?
Ikkunsidra l-każ taʼ Shugo u Mihoko, koppja li kellhom problemi li ma jispiċċaw qatt fiż-żwieġ tagħhom. Kienu jiġġieldu għal kull ħaġa taʼ xejn. Shugo kien jitlagħlu malajr, u Mihoko kienet tpattihielu kull darba li hu kien isib xi ħaġa fuqiex jaqbad magħha. Mihoko saħansitra kienet taħseb, ‘Huwa impossibbli li naqblu fuq xi ħaġa.’
Jum fost l-oħrajn, waħda mara żaret lil Mihoko u qratilha dan il-kliem minn fuq ktieb: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.”b Għalkemm ma kinitx interessata fir-reliġjon, Mihoko aċċettat li tistudja l-ktieb li fih kien hemm dan il-kliem. Hi kienet interessata f’li ttejjeb il-ħajja tal-familja tagħha. Għalhekk, meta ġiet mistiedna biex tattendi għal laqgħa fejn kienet qed tiġi diskussa pubblikazzjoni intitolata Making Your Family Life Happy, Mihoko—u żewġha—aċċettaw mill-ewwel.c
Meta marru għal-laqgħa, Shugo nnota li dawk preżenti kienu attwalment qed japplikaw dak li kienu qed jitgħallmu u li kienu jidhru verament ferħanin. Iddeċieda li jeżamina l-ktieb li kienet qed tistudja martu. Stqarrija minnhom malajr ġibditlu l-attenzjoni: “Min għandu s-sabar jimxi b’għaqal kbir, min jisbel malajr bluhat kbar jagħmel.”d Għalkemm ħa ż-żmien biex applika dan il-prinċipju f’ħajtu, il-bidla gradwali li għamel setgħu jarawha dawk taʼ madwaru, inkluż martu.
Meta rat il-bidliet li għamel żewġha, Mihoko wkoll bdiet tapplika dak li kienet qed titgħallem. Prinċipju wieħed li sabitu t’għajnuna b’mod speċjali kien dan: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati.”e Għalhekk, Mihoko u żewġha ddeċidew li jibdew jitkellmu dwar il-kwalitajiet tajbin tagħhom u kif setgħu jitjiebu, pjuttost milli joqogħdu jsibu n-nuqqasijiet f’xulxin. X’kien ir-riżultat? Mihoko tiftakar: “Din il-ħaġa għamlitni tassew ferħana. Qegħdin nagħmluha waqt l-ikla taʼ fil-għaxija. Anki t-tifel tagħna taʼ tliet snin jingħaqad magħna fil-konversazzjoni. Hija xi ħaġa verament rifreskanti għalina!”
Meta din il-familja poġġiet fil-prattika l-pariri siewja li ngħatat, kienu kapaċi jegħlbu l-problemi li kienu kważi ġabu fix-xejn ir-relazzjoni tagħhom. Dan ma kienx jiswielhom iktar minn borża mimlija perli?
Trid li Ħajtek Tagħmilha Waħda taʼ Suċċess?
Għal ħafna llum, il-mira tagħhom fil-ħajja hi li jakkumulaw il-ġid. Madankollu, negozjant sinjur fl-Istati Uniti li ta mijiet taʼ miljuni taʼ dollari għall-karità darba qal: “Il-flus jidhru sbieħ f’għajnejn xi nies, imma ħadd ma jistaʼ jilbes żewġ pari żraben f’daqqa.” Ftit huma dawk li jammettu dan il-fatt u jerġaʼ inqas huma dawk li jieqfu jiġru wara r-rikkezzi.
Hitoshi trabba ġo familja fqira, u għalhekk kellu xewqa kbira li jkun sinjur. Wara li ra kif il-kredituri jdawru lin-nies maʼ sebagħhom kif iridu, hu ddeċieda: “Min jaħtaf l-iżjed flus huwa r-rebbieħ.” Hitoshi tant kien jemmen fil-poter tal-flus li kien jaħseb li saħansitra l-ħajjiet tan-nies jistgħu jinxtraw bihom. Sabiex jakkumula l-ġid, hu ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu għan-negozju tiegħu tal-plaming u kien jaħdem is-sena kollha, mingħajr qatt ma jieħu ġurnata franka. Għalkemm kien jaħdem fuq li jaħdem, Hitoshi malajr irrealizza li hu, li kien jingħata x-xogħol mingħand kuntratturi oħrajn, qatt ma kien se jkun b’saħħtu daqs il-kuntratturi li kienu jagħtuh ix-xogħol. Taʼ kuljum kien ikollu jiffaċċja l-frustrazzjoni u l-biżaʼ li jfalli.
Imbagħad wieħed raġel mar iħabbat il-bieb taʼ Hitoshi u staqsieh jekk kienx jaf li Ġesù Kristu kien miet għalih. Ladarba Hitoshi kien iħoss li ħadd ma kien se jmut għal xi ħadd bħalu, dan qajjimlu l-kurżità, u aċċetta li jkollhom iktar diskussjonijiet. Il-ġimgħa taʼ wara, attenda lekċer u ħassu xxokkjat meta samaʼ t-twissija biex ‘iżomm għajn sempliċi.’ Il-kelliemi spjega li għajn “sempliċi” hija waħda li tħares fil-bogħod u hija ffokata fuq affarijiet spiritwali; mill-banda l-oħra, għajn “mill-agħar,” jew “invidjuża,” hija ffokata biss fuq xewqat immedjati tal-laħam u ma tħarisx fil-bogħod. Il-parir “Fejn qiegħed it-teżor tiegħek, hemm se tkun ukoll qalbek,” ħalla impatt kbir fuqu.f Hemm xi ħaġa iktar importanti milli tikseb il-ġid! Qatt ma kien samaʼ xi ħaġa bħal din.
Impressjonat, hu beda japplika dak li kien qed jitgħallem. Minflok ma jitħabat għall-flus, beda jpoġġi valuri spiritwali l-ewwel f’ħajtu. Beda wkoll iqattaʼ l-ħin jieħu ħsieb il-benesseri spiritwali tal-familja tiegħu. Naturalment, dan kien ifisser inqas ħin għax-xogħol, imma minkejja dan, in-negozju tiegħu beda miexi ’l quddiem. Għala?
Il-personalità aggressiva tiegħu nbidlet għal waħda ġentili u dħulija hekk kif beda jirreaġixxi għall-pariri li ngħata. Baqaʼ impressjonat b’mod partikulari bit-twissija: “Intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skond ix-xbieha taʼ min ħalqu u jikber fl-għerf.”g Billi segwa dan il-parir ma sarx sinjur, imma l-fatt li libes il-“bniedem il-ġdid” tassew għamel impressjoni tajba fuq il-klijenti tiegħu tant li bdew jafdawh u rebaħ il-fiduċja tagħhom. Iva, il-kliem t’għerf li sab għenu biex jagħmel ħajtu waħda taʼ suċċess. Għalih, dan kien litteralment jiswa ferm iktar minn borża mimlija perli jew flus.
Se Tiftaħha l-Borża?
Tistaʼ tidentifikaha l-borża mimlija għerf li wriet li kienet tant prezzjuża għall-individwi fl-eżempji t’hawn fuq? Din hija l-għerf misjub fil-Bibbja, l-iktar ktieb li ġie ċċirkolat maʼ kullimkien u l-iktar wieħed li hu disponibbli fid-dinja kollha. Forsi għandek kopja jew tistaʼ faċilment tikseb waħda. Madankollu, sewwa sew bħalma l-fatt li xi ħadd ikollu borża mimlija perli prezzjużi u ma jużahomx ftit se jagħmel ġid lil min jippossediha, anki li sempliċement ikollok il-Bibbja, ftit li xejn se jkun taʼ valur. Għala ma tiftaħhiex il-borża, biex ngħidu hekk, u tapplika l-pariri għaqlin u t-twissijiet f’waqthom li hemm fil-Bibbja u tara kif jistgħu jgħinuk tittratta mal-problemi tal-ħajja b’suċċess.
Jekk qatt tirċievi borża perli, ma tħossokx grat u tipprova ssib min hu l-benefattur tiegħek ħalli tkun tistaʼ tirringrazzjah? Taf min hu d-Donatur fil-każ tal-Bibbja?
Il-Bibbja tirrivela s-Sors taʼ l-għerf misjub fiha meta tgħid: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa.” (2 Timotju 3:16) Tgħidilna wkoll li “l-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Huwa għalhekk li l-kliem tad-deheb misjub fil-Bibbja huwa f’waqtu u effettiv għalina llum. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu gost ħafna jgħinuk titgħallem dwar dan id-Donatur ġeneruż, Alla Jehovah, sabiex b’hekk ikun jistaʼ jkollok il-prospett li tkun benefiċjarju tal-“borża mimlija għerf” li hemm fil-Bibbja—il-ktieb t’għerf b’messaġġ għan-nies illum.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kwotazzjoni hija mill-1 Korintin 12:21, 22.
c Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
f Mattew 6:21-23, NW; ara wkoll in-nota taʼ taħt.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
Kliem tad-Deheb biex Inżommu Bilanċ Emozzjonali
“Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżaʼ tiegħek.”—Salm 130:3, 4.
“Il-qalb ferħana tagħmel il-wiċċ daħkan, imma l-qalb imnikkta tmewwet ir-ruħ.”—Proverbji 15:13.
“La għandek tkun ġust iżżejjed u lanqas għaref bil-bosta. Għalfejn toqgħod tinfena?”—Koħèlet 7:16.
“Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.
“Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.”—Efesin 4:26.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
Kliem tad-Deheb biex Ikollok Ħajja tal-Familja Ferħana
“Tifsil taʼ xogħol bla ħsieb jisfaʼ fix-xejn, imma bil-pariri taʼ ħafna jmur tajjeb.”—Proverbji 15:22.
“Moħħ miftuħ jikseb l-għerf; l-għorrief jagħtu widen għat-tagħlim.”—Proverbji 18:15.
“Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.”—Proverbji 25:11.
“Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.”—Kolossin 3:13, 14.
“Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.”—Ġakbu 1:19.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
Kliem tad-Deheb biex Ħajtek Tagħmilha Waħda taʼ Suċċess
“Miżien falz jobogħdu l-Mulej, imma jogħġbu l-użin tajjeb.”—Proverbji 11:1.
“Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir.”—Proverbji 16:18.
“Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.”—Proverbji 25:28.
“Tħallix il-korla tikbes malajr f’qalbek, għax f’qalb il-boloh tbejjet il-korla.”—Koħèlet 7:9.
“Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-baħar, għax wara żmien twil jerġagħlek lura.”—Koħèlet 11:1.
“Ebda kelma mhux xierqa m’għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skond il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.”—Efesin 4:29.
[Stampa f’paġna 7]
Li wieħed jistudja l-Bibbja huwa l-ewwel pass biex isir benefiċjarju tal-“borża mimlija għerf”