LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/1 pp. 8-13
  • Żgħażagħ—Irreżistu l-Ispirtu tad-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ—Irreżistu l-Ispirtu tad-Dinja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nidentifikaw l-​Ispirtu tad-​Dinja
  • Manifestazzjonijiet taʼ l-​Ispirtu tad-​Dinja
  • Niċħdu l-​Ispirtu tad-​Dinja
  • Nuru “Spirtu [“Differenti,” NW]”
  • Qiegħed Int Tirreżisti l-Ispirtu tad-Dinja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Żgħażagħ—Wara Liema Ħaġa Qegħdin Tiġru?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Irċievi l-Ispirtu t’Alla, Mhux tad-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/1 pp. 8-13

Żgħażagħ—Irreżistu l-​Ispirtu tad-​Dinja

“Aħna ma ħadniex l-​ispirtu taʼ din id-​dinja, imma l-​Ispirtu taʼ Alla.”—1 KORINTIN 2:12.

1, 2. (a) Liema kuntrast nistgħu naraw bejn iż-​żgħażagħ fid-​dinja u ż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah? (b) Liema tifħir mill-​qalb jistaʼ jingħata lill-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda żgħażagħ?

“IL-​ĠENERAZZJONI iktar żagħżugħa tagħna hija mingħajr entużjażmu, riġettata u ribelluża.” Hekk iddikjarat il-​gazzetta Awstraljana The Sun-Herald. Din żiedet: “Ir-​rekords tal-​qrati juru żjieda taʼ 22 fil-​mija [fuq is-​sena taʼ qabel] fin-​numru taʼ żgħażagħ li jidhru quddiem il-​qrati fuq akkużi t’assalt serju . . . Tfal qed ineħħu ħajjithom b’rata li ttriplat min-​nofs is-​snin sittin ’l hawn . . . U l-​generation gap il-​veru saret abbiss kbir li minnu ż-​żgħażagħ, f’numri li dejjem qed jiżdiedu, qed jiżżerżqu u jgħibu fix-​xejn kaġun tad-​drogi, l-​alkoħol, u l-​qerda tagħhom infushom.” Madankollu, din is-​sitwazzjoni m’hijiex limitata għal xi pajjiż wieħed. Madwar id-​dinja kollha, il-​ġenituri, l-​għalliema, u l-​professjonisti dwar is-​saħħa mentali jilmentaw dwar l-​istat taż-​żgħażagħ.

2 X’kuntrast drammatiku hemm bejn il-​biċċa l-​kbira taż-​żgħażagħ tal-​lum u ż-​żgħażagħ edifikanti li nsibu fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah! Mhux għax huma perfetti. Huma wkoll għandhom is-​sarâr tagħhom mal-​“ġibdiet taż-​żgħożija.” (2 Timotju 2:22) Imma bħala grupp, dawn iż-​żgħażagħ ħadu waqfa kuraġġuża favur dak li hu sewwa u rrifjutaw li jċedu għall-​pressjonijiet tad-​dinja. Aħna nifirħulkom b’qalbna kollha lilkom iż-​żgħażagħ li qed toħorġu rebbiħin fuq it-​“tnassis [“atti makakki,” nota taʼ taħt, NW]” tax-​Xitan! (Efesin 6:11) Bħall-​appostlu Ġwanni, aħna mqanqlin nikkummentaw: “Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-​kelma taʼ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom għelibtu l-Ħażin.”—1 Ġwann 2:14.

3. Il-​kelma ‘spirtu’ x’tifsir jistaʼ jkollha?

3 Minkejja dan, biex tkompli tirbaħ il-​battalja tiegħek kontra l-​wieħed mill-​agħar, int trid tirreżisti b’mod vigoruż dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja.” (1 Korintin 2:12) Skond awtorità waħda fuq il-​Grieg, l-​“ispirtu” jistaʼ jfisser “id-​dispożizzjoni jew l-​influwenza li timla u tiggverna r-​ruħ taʼ kwalunkwe persuna.” Per eżempju, jekk tosserva li xi ħadd jinsab bin-​nervi, għandek mnejn tgħid li għandu ‘spirtu’ ħażin. L-​“ispirtu,” id-​dispożizzjoni jew l-​inklinazzjoni mentali tiegħek, jinfluwenza l-​għażliet li tagħmel; jimmotiva l-​azzjonijiet u d-​diskors tiegħek. Interessanti li kemm individwi u kemm gruppi jistgħu juru ‘spirtu.’ L-​appostlu Pawlu kiteb lil grupp taʼ Kristjani: “Il-​grazzja tal-​Mulej Ġesù Kristu tkun magħkom [“maʼ l-​ispirtu tagħkom,” KŻ].” (Filemon 25) Allura, preċiżament liema spirtu, turi din id-​dinja? Ladarba d-​“dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin,” Satana x-​Xitan, l-​ispirtu tad-​dinja ma jistaʼ qatt ikun edifikanti, mhux hekk?—1 Ġwann 5:19.

Nidentifikaw l-​Ispirtu tad-​Dinja

4, 5. (a) Liema spirtu kien influwenza lil dawk fil-​kongregazzjoni taʼ Efesu qabel ma dawn saru Kristjani? (b) Min hu l-​“kap [taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja,” NW],” u x’inhi din l-​“arja”?

4 Pawlu kiteb: “Intom li kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, li fihom darba mxejtu skond ix-​xejra taʼ din id-​dinja, skond il-​kap tas-​saltna taʼ l-​ajru [“l-​awtorità taʼ l-​arja,” NW], taʼ l-​Ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux. Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-​passjonijiet taʼ ġisimna; konna nagħmlu l-​opri tar-​rieda tal-​ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-​korla, bħall-​bqija tal-​bnedmin.”—Efesin 2:1-3.

5 Qabel ma tgħallmu l-​mod Kristjan, il-​Kristjani f’Efesu kienu segwaċi, bla ma kienu jafu, tal-​“kap [“taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja,” NW],” Satana x-​Xitan. Dik l-​“arja,” m’hijiex xi post letterali fejn jgħammru Satana u d-​demonji tiegħu. Meta Pawlu kiteb dan il-​kliem, Satana x-​Xitan u d-​demonji tiegħu kien għad għandhom aċċess għas-​sema. (Qabbel Ġob 1:6; Apokalissi 12:7-12.) Il-​kelma “arja,” tfisser l-​ispirtu, jew l-​attitudni mentali, li tiddomina d-​dinja taʼ Satana. (Qabbel Apokalissi 16:17-21.) Bħall-​arja taʼ madwarna, dan l-​ispirtu jinsab kullimkien.

6. X’inhi “l-​awtorità taʼ l-​arja,” u kif inhi eżerċitata fuq ħafna żgħażagħ?

6 Imma x’inhi “l-​awtorità taʼ l-​arja”? B’mod evidenti, din tirreferi għall-​influwenza profonda li din l-​“arja” għandha fuq in-​nies. Pawlu qal li dan l-​ispirtu “qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux.” Għalhekk, l-​ispirtu tad-​dinja jnissel spirtu taʼ diżubbidjenza u ribelljoni, u l-​pressjoni mingħand dawk taʼ madwarek hija mod wieħed li bih din l-​awtorità hija eżerċitata. “Meta tkun l-​iskola,” tgħid waħda Xhud żagħżugħa, “dejjem issib lil xi ħadd jinkuraġġik biex tkun daqsxejn ribelluża. Sħabek jirrispettawk iktar jekk tagħmel xi praspura.”

Manifestazzjonijiet taʼ l-​Ispirtu tad-​Dinja

7-9. (a) Semmi xi modi li bihom l-​ispirtu tad-​dinja jintwera fost iż-​żgħażagħ illum. (b) Osservajt int xi wieħed minnhom lokalment?

7 X’inhuma xi manifestazzjonijiet taʼ l-​ispirtu tad-​dinja fost iż-​żgħażagħ tal-​lum? Id-​diżonestà u l-​irribellar. Rapport f’rivista stqarr li iktar minn 70 fil-​mija taʼ l-​istudenti taʼ l-​aħħar sena u dik taʼ qabel taʼ l-​aħħar qalu li kienu qarrqu matul is-​snin t’edukazzjoni sekondarja. Diskors bla sugu, sarkastiku, u maħmuġ huwa wkoll prevalenti. Veru, xi kultant Ġob u l-​appostlu Pawlu wżaw dak li xi wħud jistgħu jqisuh bħala sarkażmu li jesprimi korla ġustifikata. (Ġob 12:2; 2 Korintin 12:13) Madankollu, is-​sarkażmu kattiv li joħroġ minn fomm iż-​żgħażagħ taʼ spiss jammonta għal abbuż verbali.

8 L-​eċċessi fir-​rikreazzjoni huma wkoll manifestazzjonijiet taʼ l-​ispirtu tad-​dinja. Nightclubs taż-​żgħażagħ, raves,a u forom oħra taʼ xalar sfrenat huma popolari fost iż-​żgħażagħ. Estremi fl-​ilbies u fid-​dehra huma prevalenti bl-​istess mod. Minn stili hip-hop wesgħin sa moda xokkanti bħall-​body-piercing, ħafna miż-​żgħażagħ tal-​lum qed jidentifikaw lilhom infushom maʼ l-​ispirtu ribelluż tad-​dinja. (Qabbel Rumani 6:16.) Il-​preokkupazzjoni b’affarijiet materjali hija manifestazzjoni oħra. Skond ġurnal edukattiv wieħed, “il-​bejjiegħa qegħdin jibbombardjaw lit-​tfal il-​ħin kollu b’ħażna formidabbli taʼ tekniki u ruxxmata [varjetà sħiħa] taʼ prodotti.” Sakemm iż-​żgħażagħ fl-​Istati Uniti jaslu biex jiggradwaw, huma jkunu ġew esposti għal 360,000 reklam fuq it-​TV. Dawk taʼ madwarek ukoll jistgħu jagħmlulek pressjoni biex tixtri. Tfajla taʼ 14-il sena tgħid: “Kulħadd dejjem jistaqsini, ‘X’ditta hu t-​top, il-​ġakketta, jew il-​jeans?’”

9 Sa minn żminijiet Bibliċi, mużika li ftit li xejn tkun edifikanti kienet u għadha strument li Satana juża biex iqanqal imġiba mhux nadifa. (Qabbel Eżodu 32:17-19; Salm 69:13 [Salm 69:12, NW]; Isaija 23:16.) Mela, mhux taʼ b’xejn li mużika b’lirika seduċenti sesswalment​—jekk mhux espliċita—​u bi profanità, u b’ritmi bla rażan u li jqanqlu, hija daqshekk popolari. Jerġaʼ manifestazzjoni oħra taʼ l-​ispirtu mhux nadif taʼ din id-​dinja hija l-​immoralità sesswali. (1 Korintin 6:9-11) The New York Times tirrapporta: “Is-​sess għal ħafna adolexxenti sar kważi ħtieġa biex wieħed jiġi aċċettat . . . Iktar minn żewġ terzi taʼ dawk fl-​aħħar sena tas-​sekondarja kellhom relazzjonijiet sesswali.” Artiklu f’The Wall Street Journal iċċita evidenza li t-​tfal bejn l-​etajiet taʼ 8 u 12-il sena qed “isiru iktar attivi sesswalment.” Waħda li kienet counselor taʼ l-​iskola u li dan l-​aħħar irtirat mix-​xogħol tgħid: “Qed nibdew naraw tfal tas-​sitt sena li nqabdu tqal.”b

Niċħdu l-​Ispirtu tad-​Dinja

10. Xi żgħażagħ minn familji Kristjani kif ċedew għall-​ispirtu tad-​dinja?

10 Sfortunatament, xi żgħażagħ Kristjani ċedew għall-​ispirtu tad-​dinja. “Kont nuri attitudni mill-​aħjar quddiem il-​ġenituri tiegħi u Kristjani sħabi,” tammetti waħda tfajla Ġappuniża. “Imma kont qed ngħix ħajja doppja.” Żagħżugħa mill-​Kenja tgħid: “Għal xi żmien kont ngħix ħajja doppja, li kienet tinkludi parties, mużika rock, u ħbieb ħżiena. Kont naf li dan kien ħażin, imma pprovajt ninjora dan kollu bit-​tama li maż-​żmien kollox sempliċement jispiċċa fix-​xejn. Imma dan ma ġarax. L-​affarijiet marru għall-​agħar.” Żagħżugħa oħra, mill-​Ġermanja, tgħid: “Kollox beda bdejt nagħmilha mat-​tip żbaljat taʼ ħbieb. Imbagħad qbadt inpejjep. Ridt inweġġaʼ lill-​ġenituri tiegħi, imma weġġajt biss lili nnifsi.”

11. Kaleb kif kien kapaċi jirreżisti biex ma jimxix mal-​kurrent meta l-​għaxar spiji ġabu lura rapport ikrah?

11 Xorta waħda, huwa possibbli li wieħed jirreżisti, iva jiċħad, l-​ispirtu tad-​dinja. Ikkunsidra l-​eżempju tal-​qedem taʼ Kaleb. Meta l-​għaxar spiji beżżiegħa ġabu lura rapport ikrah dwar l-​Art Imwegħda, hu, flimkien maʼ Ġożwè, irrifjuta li jkun intimidat u jimxi mal-​kurrent. Huma ddikjaraw b’mod kuraġġuż: “Il-​pajjiż, li aħna morna nitkixxfuh, hu art tajba bil-​bosta. Jekk jiffavorina l-​Mulej żgur li jdaħħalna f’din l-​art, u jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel.” (Numri 14:8 [Numri 14:7, 8, NW]) X’kien li għen lil Kaleb jieqaf għal dik il-​pressjoni kollha? Jehovah qal dwar Kaleb: “Kellu spirtu ieħor [“differenti,” NW] fih minn dak tal-​poplu tiegħu.”—Numri 14:24.

Nuru “Spirtu [“Differenti,” NW]”

12. Għala huwa importanti li wieħed juri “spirtu [“differenti,” NW]” f’konnessjoni mad-​diskors tiegħu?

12 Illum, jeħtieġ il-​kuraġġ u s-​saħħa biex turi “spirtu [“differenti,” NW],” jew attitudni mentali​—differenti minn dak tad-​dinja. Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi tevita d-​diskors sarkastiku li juri nuqqas taʼ rispett. Interessanti li l-​kelma “sarkażmu” ġejja mill-​verb Grieg li jfisser letteralment “li jċarrtu l-​laħam bħall-​klieb.” (Qabbel Galatin 5:15.) Sewwa sew bħalma s-​snien taʼ kelb jistgħu jċarrtu l-​laħam minn maʼ għadma, hekk ukoll “is-​sens umoristiku” sarkastiku jistaʼ jneżżaʼ lil oħrajn mid-​dinjità tagħhom. Imma Kolossin 3:8 jħeġġiġna biex ‘inħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-​kliem mhux xieraq inwarrbuh minn fommna.’ U Proverbji 10:19 jistqarr: “Il-​kliem żejjed m’hux nieqes mill-​ħtija; meqjus fi kliemu min hu bil-​għaqal.” Jekk xi ħadd jinsulentak, ħa jkollok ir-​rażna biex ‘iddawwar ħaddek l-​ieħor,’ forsi billi bil-​kalma u b’mod paċifiku tkellem lil dak li qed jinsulentak fil-​privat.—Mattew 5:39; Proverbji 15:1.

13. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jkollhom ħarsa bilanċjata dwar l-​affarijiet materjali?

13 Mod ieħor kif nistgħu nuru “spirtu [“differenti,” NW]” hu billi nżommu ħarsa bilanċjata dwar l-​affarijiet materjali. M’għandniex xi ngħidu, huwa naturali li nkunu rridu li jkollna affarijiet sbieħ. Evidentement, anki Ġesù Kristu kellu minn taʼ l-​inqas libsa waħda taʼ kwalità. (Ġwann 19:23, 24) Madankollu, meta ssir ossessjonat biex tara x’tistaʼ takkwista u l-​ħin kollu titlob lill-​ġenituri tiegħek biex jixtrulek affarijiet li ma jistgħux jaffordjaw, jew meta sempliċement tkun trid timita lil żgħażagħ oħrajn, allura l-​ispirtu tad-​dinja forsi għandu setgħa fuqek iktar milli tirrealizza. Il-​Bibbja tgħid: “Kull ma fiha d-​dinja, jiġifieri l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja, dan m’huwiex ġej mill-​Missier imma mid-​dinja.” Iva, iċċedix għall-​awtorità taʼ l-​ispirtu materjalistiku tad-​dinja! Tgħallem kun kuntent b’dak li għandek.—1 Ġwann 2:16; 1 Timotju 6:8-10.

14. (a) In-​nies t’Alla fi żmien Isaija kif urew ħarsa żbilanċjata dwar ir-​rikreazzjoni? (b) Xi żgħażagħ Kristjani liema perikli ltaqgħu magħhom fin-​nightclubs u f’parties bla rażan?

14 Li żżomm ir-​rikreazzjoni fil-​post xieraq huwa importanti wkoll. Il-​profeta Isaija ddikjara: “Gwaj għal dawk li jbakkru fil-​għodu, u jiġru għal wara s-​sokor; jiddawwru billejl sa ma jisħnu bl-​inbid. Kitarra u arpa, tanbur u flawt, u nbid x’jixorbu fl-​ikliet tagħhom, u xejn ma jaħsbu f’għemil il-​Mulej, u għemil idejh ma jagħtux kasu.” (Isaija 5:11, 12) B’sogħba, xi żgħażagħ Kristjani ħadu sehem f’parties simili. Meta grupp taʼ żgħażagħ Kristjani ġew mistoqsijin biex jiddeskrivu x’isir fin-​nightclubs taż-​żgħażagħ, waħda oħt żagħżugħa qalet: “Ġlieda wara l-​oħra. Jien sibt ruħi f’nofshom.” Ħu żagħżugħ żied: “Xorb, tipjip, u affarijiet bħal dawn.” Ħu żagħżugħ ieħor ammetta: “Nies jiskru. Jaġixxu qishom boloh! U jkun hemm id-​drogi. Jiġru ħafna affarijiet ħżiena. Jekk tmur hemm u taħseb li mhux se tiġi effettwat, għandek żball.” Mela, mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tniżżel ix-​xalar, jew “parties bla rażan,” bħala wieħed mill-​“għemejjel tal-​ġisem.”—Galatin 5:19-21; Byington; Rumani 13:13.

15. Il-​Bibbja tagħti liema ħarsa bilanċjata dwar ir-​rikreazzjoni?

15 Li tevita rikreazzjoni taʼ ħsara, ma jkunx qed jikkundannak għal ħajja bla ferħ. Aħna nqimu lil “Alla hieni.” (1 Timotju 1:11, NW; Koħèlet 11:9) Imma l-​Bibbja twissina: “Min iħobb ix-​xalar jaqaʼ fil-​faqar.” (Proverbji 21:17) Iva, jekk tagħmel ir-​rikreazzjoni l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek, int se tiftaqar spiritwalment. Għalhekk segwi l-​prinċipji tal-​Bibbja fl-​għażla tiegħek taʼ rikreazzjoni. Hemm ħafna modi kif tistaʼ tieħu gost u li bihom tinbena u mhux titkisser.c—Koħèlet 11:10.

16. Żgħażagħ Kristjani kif jistgħu juru li huma differenti?

16 Li turi l-​modestja fl-​ilbies u fid-​dehra tiegħek, billi tirrifjuta l-​moda tad-​dinja, dan ukoll jimmarkak bħala differenti. (Rumani 12:2; 1 Timotju 2:9) Hekk ukoll li tkun selettiv fl-​għażla tiegħek tal-​mużika. (Filippin 4:8, 9) “Għandi mużika li naf li suppost narmiha ’l barra,” tammetti waħda żagħżugħa Kristjana, “imma tant inħobb nismagħha!” Żagħżugħ ieħor ammetta b’mod simili: “Lili l-​mużika twaqqagħni għax tant inħobbha. Jekk insib li hemm xi ħaġa ħażina fiha, jew jekk il-​ġenituri jiġbduli l-​attenzjoni għaliha, veru rrid nagħmel sforz kbir fuq moħħi biex inġagħlu jieħu kontroll fuq qalbi għax f’qalbi tant inħobbha dik il-​mużika.” Żgħażagħ, ‘kunu afu x’inhuma l-​ħsibijiet tax-​Xitan’! (2 Korintin 2:11) Hu qed juża l-​mużika fi sforz biex ibiegħed lill-​Kristjani żgħażagħ minn Jehovah. Dehru xi artikli fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower li ddiskutew ir-​rap, il-​heavy metal, u l-​mużika rock alternattiva.d Madankollu, ma jistax ikun li l-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower jikkummentaw fuq kull forma ġdida u stil ġdid taʼ mużika li jistgħu jivvintaw. Int trid, għalhekk, tuża “l-​għaqal” u l-​“fehma tajba” meta tagħżel x’mużika ddoqq.—Proverbji 2:11.

17. (a) X’inhi l-​por·neiʹa, u liema atti tinkludi? (b) X’inhi r-​rieda t’Alla fi kwistjonijiet taʼ moralità?

17 Fl-​aħħarnett, trid iżżomm lilek innifsek nadif moralment. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Aħarbu ż-​żína!” (1 Korintin 6:18) Il-​kelma oriġinali bil-​Grieg għal żína, por·neiʹa, tirreferi għal kull attività sesswali illeċita kollha li tinvolvi l-​użu taʼ l-​organi ġenitali li ssir barra mir-​rabta taż-​żwieġ. Dan ikun jinkludi wkoll sess orali u tmesmis taʼ l-​organi sesswali. Numru taʼ żgħażagħ Kristjani ħadu sehem f’imġiba bħal din, billi ħasbu li b’hekk ma kinux qed jikkommettu ż-​żína. Madankollu, il-​Kelma t’Alla tgħid ċar u tond: “Dan irid Alla minnkom: il-​qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-​żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-​qdusija u l-​ġieħ.”—1 Tessalonikin 4:3, 4.

18. (a) Żagħżugħ kif jistaʼ jevita li jitniġġes mill-​ispirtu tad-​dinja? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

18 Iva, bl-​għajnuna taʼ Jehovah, int tistaʼ tevita li tisfaʼ mniġġes mill-​ispirtu tad-​dinja! (1 Pietru 5:10) Minkejja dan, Satana taʼ spiss jaħbi n-​nases qattiela tiegħu b’mod li ma tindunax bihom, u xi drabi jkun jeħtieġ għaqal kbir biex tinduna bil-​periklu. L-​artiklu li jmiss huwa disinjat biex jgħin liż-​żgħażagħ jiżviluppaw is-​sens tagħhom biex jagħżlu.

[Noti taʼ taħt]

a Parties taż-​żfin li ġeneralment jibqgħu għaddejjin il-​lejl kollu. Għal iktar informazzjoni ara “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Hemm xi Periklu fir-​Rave Parties?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! t’Ottubru-Diċembru, 1997.

b Tfal taʼ madwar 11-il sena.

c Għal suġġerimenti, ara paġni 296-303 tal-​ktieb Questions Young People Ask​—Answers That Work.

d Ara l-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 1993.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ X’inhu “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja,” u kif għandu “awtorità” fuq in-​nies?

◻ Liema huma xi manifestazzjonijiet taʼ l-​ispirtu tad-​dinja fost iż-​żgħażagħ illum?

◻ Iż-​żgħażagħ Kristjani kif jistgħu juru “spirtu [“differenti,” NW]” f’konnessjoni mad-​diskors u r-​rikreazzjoni?

◻ Iż-​żgħażagħ Kristjani kif jistgħu juru “spirtu [“differenti,” NW]” f’konnessjoni mal-​morali u l-​mużika?

[Stampa f’paġna 9]

Bosta żgħażagħ juru mill-​kondotta tagħhom li qegħdin taħt l-​“awtorità” taʼ l-​ispirtu tad-​dinja

[Stampa f’paġna 10]

Kun selettiv fl-​għażla tiegħek tal-​mużika

[Stampa f’paġna 11]

Jirrikjedi l-​kuraġġ biex wieħed jirreżisti l-​ispirtu tad-​dinja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja