Jehovah Hu Alla taʼ Qalb Tajba bl-Imħabba Miegħi
KIF RAKKONTAT MINN JOHN ANDRONIKOS
Kienet is-sena 1956. Disat ijiem biss wara li żżewwiġt, kont ninsab quddiem il-qorti taʼ l-appell f’Komotiní, fit-tramuntana tal-Greċja. It-tama tiegħi kienet li tiġi annullata s-sentenza li rċivejt taʼ 12-il xahar ħabs minħabba li kont qed nippriedka dwar is-Saltna t’Alla. Id-deċiżjoni tal-qorti taʼ l-appell—taʼ sitt xhur ħabs—ġabitli fix-xejn dik it-tama u kienet biss il-bidu taʼ sensiela twila taʼ provi. Madankollu, matul dan it-tiġrib kollu, Jehovah ta prova kemm hu Alla taʼ qalb tajba bl-imħabba miegħi.
META twelidt jien fl-1 t’Ottubru, 1931, il-familja tiegħi kienet tgħix fil-belt taʼ Kaválla, in-Neapoli tal-Maċedonja li l-appostlu Pawlu żar matul it-tieni mawra missjunarja tiegħu. Ommi saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah meta kelli ħames snin, u għalkemm ma kienet taf taqra kważi xejn, għamlet mill-aħjar biex tonqox ġewwa fija mħabba għal Alla u biżaʼ minnu. Missieri kien raġel estremament konservattiv u baqaʼ mqabbad b’mod stinat mat-tradizzjoni Ortodossa Griega. Ma kellu ebda interess fil-verità tal-Bibbja u lil ommi kien jopponilha, u taʼ sikwit kien juża l-vjolenza.
B’hekk, jien trabbejt f’dar maqsuma, fejn missieri kien isawwat u jabbuża lil ommi u saħansitra abbandunana. Minn mindu kont żgħir, ommi kienet tieħu lili u lil oħti ż-żgħira għal-laqgħat Kristjani. Madankollu, meta għalaqt il-15-il sena, ix-xewqat taż-żgħożija u l-ispirtu taʼ indipendenza begħduni mix-Xhieda taʼ Jehovah. Minkejja dan, ommi li tant kienet leali tgħidx kemm ipprovat tgħinni, u xerrdet ħafna dmugħ fl-isforzi tagħha sabiex tagħmel dan.
Minħabba l-faqar u l-ħajja ħażina li kont qed ngħix, imradt serjament u kelli ninxteħet fis-sodda għal iktar minn tliet xhur. Kien f’dak iż-żmien li ħu tassew umli, li kien għen lil ommi ssir taf il-verità, induna li ġo fija kelli mħabba sinċiera għal Alla. Hu ħass li stajt niġi megħjun biex nirkupra spiritwalment. Oħrajn qalulu: “Int qed taħli l-ħin tiegħek f’li tipprova tgħin lil John; hu qatt ma se jerġaʼ jieħu interess fl-affarijiet spiritwali.” Imma l-paċenzja taʼ dan il-ħu u l-perseveranza tiegħu f’li jassistini taw il-frott. Fil-15 t’Awissu, 1952, meta kelli 21 sena, jien issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija fl-ilma.
Miżżewweġ Frisk u fil-Ħabs
Tliet snin wara sirt naf lil Martha, oħt spiritwali ħafna bi kwalitajiet mill-aħjar, u f’qasir żmien tgħarrasna. Jum wieħed bqajt tassew mistagħġeb meta Martha qaltli: “Illum ippjanajt li mmur nippriedka minn bieb għal bieb. Trid tiġi miegħi?” Sa dakinhar qatt ma kont għadni pparteċipajt f’dan l-aspett tax-xogħol, għax il-biċċa l-kbira kont nippriedka b’mod informali. F’dak iż-żmien ix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-Greċja kien projbit, u kellna nkomplu l-attività tagħna taʼ l-ippridkar bil-moħbi. Minħabba f’hekk, kien hemm diversi arresti, kawżi fil-qorti, u sentenzi ħorox fil-ħabs. Xorta waħda, ma stajtx ngħidilha le lill-għarusa tiegħi!
Martha saret marti fl-1956. Kien f’dak iż-żmien, disat ijiem wara li żżewwiġna, li rċivejt is-sentenza taʼ sitt xhur ħabs mill-qorti taʼ l-appell f’Komotiní. Dan ġagħalni niftakar f’mistoqsija li kont għamilt ftit taż-żmien qabel lil waħda oħt Kristjana, ħabiba t’ommi: “Kif nistaʼ xi darba nuri li jien Xhud veru taʼ Jehovah? Jien qatt ma ġietni l-opportunità biex nagħti prova tal-fidi tiegħi.” Meta din l-oħt ġiet tarani l-ħabs, fakkritni f’dik il-mistoqsija u qaltli: “Issa tistaʼ turi lil Jehovah kemm tassew tħobbu. Dan hu l-inkarigu tiegħek.”
Meta sirt naf li l-avukat tiegħi pprova jikseb somma biex inkun nistaʼ noħroġ bi pleġġ mill-ħabs, jien għedtlu li kont nippreferi niskonta s-sentenza tiegħi. Kemm kont ferħan meta fi tmiem is-sitt xhur ħabs rajt tnejn minn dawk li kienu l-ħabs miegħi jaċċettaw il-verità! Matul is-snin taʼ wara, kont involut f’ħafna kawżi fil-qorti minħabba l-aħbar tajba.
Għażliet li qatt ma Ddispjaċiena Minnhom
Fl-1959, ftit tas-snin wara li ħriġt mill-ħabs, kont qed naqdi bħala qaddej tal-kongregazzjoni, jew indokratur li jippresiedi, u ġejt mistieden nattendi l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna, kors taʼ taħriġ għall-anzjani tal-kongregazzjoni. Iżda, fl-istess ħin ġejt offrut pożizzjoni permanenti fi sptar pubbliku, xogħol li lili u lill-familja tiegħi kien se jagħtina sigurtà finanzjarja għal għomorna. X’għandi nagħżel? Kont diġà ili tliet xhur naħdem temporanjament fl-isptar, u d-direttur kien entużjast ferm b’xogħli, imma meta waslitli l-istedina għall-iskola, lanqas biss riedni nieħu saħansitra xi ftit tal-jiem frank mingħajr ma nitħallas. Wara li qgħadt naħseb u nitlob fuq din id-dilemma, iddeċidejt li npoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel u li nirrifjuta l-offerta tax-xogħol.—Mattew 6:33.
Fl-istess perijodu taʼ żmien ġew l-indokraturi tad-distrett u tas-circuit iżuru l-kongregazzjoni tagħna. Kellna nagħmlu l-laqgħat tagħna bil-moħbi fi djar privati minħabba l-oppożizzjoni qawwija tal-kleru Ortodoss Grieg u taʼ l-awtoritajiet. Wara laqgħa minnhom, l-indokratur tad-distrett avviċinani u staqsieni jekk qattx ħsibt dwar li nibda fis-servizz full-time. Is-suġġeriment tiegħu tant qanqalni għax din kienet il-ħolma tiegħi minn mindu tgħammidt. Weġibtu: “Nixtieq ħafna.” Madankollu, diġà kelli responsabbiltà oħra taʼ li nrabbi lil binti. Il-ħu qalli: “Afda f’Jehovah, u hu se jgħinek twettaq il-pjanijiet tiegħek.” B’hekk, mingħajr ma ttraskurajna r-responsabbiltajiet tal-familja tagħna, jien u marti stajna nirranġaw iċ-ċirkustanzi tagħna, sabiex f’Diċembru taʼ l-1960, jien bdejt naqdi fil-Maċedonja tal-lvant bħala pijunier speċjali—wieħed mill-uniċi ħames pijunieri speċjali li kien hemm fil-pajjiż.
Wara li kont qdejt bħala pijunier speċjali għal sena sħiħa, irċivejt l-istedina mill-uffiċċju tal-fergħa f’Ateni biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Meta rritornajt id-dar wara xahar taʼ taħriġ f’dan l-aspett taʼ servizz, u waqt li kont għadni qed nirrakkonta l-esperjenzi tiegħi lil Martha, ġie jżurni d-direttur taʼ minjiera kbira tal-manganiż u offrieli li nsir il-maniġer tat-taqsima tar-raffinar, kif ukoll kuntratt tajjeb għal ħames snin, dar sabiħa, u karozza. Tani jumejn ċans biex nagħtih risposta. Għal darb’oħra, mingħajr ma qgħadt naħsibha, tlabt lil Jehovah: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Marti qablet kompletament miegħi. Billi fdajna f’Jehovah, bdejna x-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, u Jehovah bħala Dak Alla taʼ qalb tajba bl-imħabba li hu qatt ma ddiżappuntana.
Naqdu Minkejja Diffikultajiet u Ostakli
Għalkemm kellna problemi ekonomiċi, bqajna mexjin ’il quddiem u Jehovah pprovdielna n-neċessitajiet. Fil-bidu, jien kont inżur il-kongregazzjonijiet fuq mutur żgħir, u kont nagħmel sa 500 kilometru. Kemm-il darba kelli xi diffikultajiet, u anki ġrawli xi ftit inċidenti. Darba fix-xitwa jien u sejjer lura minn kongregazzjoni, kont qed naqsam xmara żgħira li faret meta f’daqqa waħda waqafli l-mutur, u xxarrabt għasra sa rkobbtejja. Imbagħad, kelli panċer. Wieħed li nzerta għaddej u li kellu pompa tani daqqa t’id, u b’hekk stajt nasal sa l-eqreb villaġġ fejn stajt insewwi t-tajer. Fl-aħħar, fit-tlieta taʼ fil-għodu, wasalt id-dar kiesaħ silġ u għajjien.
F’okkażjoni oħra, hekk kif kont sejjer minn kongregazzjoni għall-oħra, skiddjajt bil-mutur u ġejt fuq irkobbtejja. B’riżultat taʼ dan, tqattagħli l-qalziet u mtlieli kollu demm. Ma kellix qalziet ieħor, u għalhekk dik il-lejla kelli nagħti t-taħdita b’qalziet taʼ ħu ieħor, li tgħidx kemm kien kbir għalija. Xorta waħda, l-ebda diffikultà ma setgħet tberridli x-xewqa li naqdi lil Jehovah u lill-għeżież ħuti.
F’inċident ieħor, weġġajt serjament, billi ksirt idi u rrovinajt snieni taʼ quddiem. Kien għal dik il-ħabta li ġiet iżżurni oħti, li ma kinitx Xhud, u li kienet tgħix fl-Istati Uniti. X’barka kienet meta hi għenitni biex nixtri karozza! Meta l-aħwa fil-fergħa t’Ateni saru jafu dwar l-inċident tiegħi, bagħtuli ittra inkuraġġanti, u fost affarijiet oħra inkludew il-kliem taʼ Rumani 8:28, li parti minnu jgħid: “Alla, maʼ dawk li jħobbuh, . . . f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.” Bosta drabi f’ħajti, din l-assiguranza kemm tat prova li hi tassew minnha!
Sorpriża Pjaċevoli
Fl-1963, kont qed naħdem maʼ pijunier speċjali f’raħal fejn in-nies ma kinux interessati fil-messaġġ. Iddeċidejna li naħdmu separatament, billi wieħed jaħdem naħa u l-ieħor jaħdem in-naħa l-oħra tat-triq. F’dar minnhom, eżatt kif ħabbatt il-bieb ħarġet waħda mara li f’daqqa waħda ġibditni ’l ġewwa, għalqet u sakkret il-bieb warajja. Bqajt iċċassat, u ma stajtx nifhem x’kien qed jiġri. Ftit wara, hi malajr għajtet ukoll lill-pijunier speċjali biex jidħol ġewwa. Imbagħad il-mara qaltilna: “Isktu! Tiċċaqalqux!” Wara ftit, smajna ilħna rrabjati fuq barra. Kien hemm xi nies qed ifittxuna. Meta l-affarijiet ikkalmaw, il-mara qaltilna: “Dan għamiltu għall-protezzjoni tagħkom stess. Jien nirrispettakom għax nemmen li intom Kristjani veri.” Aħna rringrazzjajnieha minn qalbna u tlaqna, waqt li ħallejnielha ħafna letteratura.
Erbatax-il sena wara, waqt li kont qed nattendi konvenzjoni distrettwali fil-Greċja, avviċinatni waħda mara u qaltli: “Ħija, tiftakarni? Jien dik il-mara li daħħaltkom f’dari biex nipproteġikom minn dawk li bdew ifittxukom meta ġejtu tagħtu xiehda fir-raħal tagħna.” Din kienet emigrat lejn il-Ġermanja, studjat il-Bibbja, u bdiet tassoċja mal-poplu taʼ Jehovah. Issa, il-familja tagħha kollha qegħda fil-verità.
Tabilħaqq, matul dawn is-snin kollha, ġejna mberkin b’ħafna “ittri taʼ rakkomandazzjoni.” (2 Korintin 3:1) Uħud minn dawk li kellna l-privileġġ ngħinuhom jiksbu għarfien tal-verità tal-Bibbja qegħdin issa jaqdu bħala anzjani, qaddejja ministerjali, u pijunieri. Kemm inħossni mqanqal meta nara dawk il-ftit pubblikaturi fis-circuits fejn jien qdejt lura fil-bidu tas-snin sittin jiżdiedu għal iktar minn 10,000 adoratur taʼ Jehovah! Il-kredtu kollu jmur għal Alla tagħna taʼ qalb tajba bl-imħabba, li jużana bil-mod li jrid hu.
“Fuq is-Sodda tal-Mard”
Matul is-snin tagħna fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, Martha wriet kemm kienet verament sieħba li tant għenitni, billi dejjem kien ikollha attitudni ferriħija. Madankollu, f’Ottubru taʼ l-1976, mardet serjament u għamlet operazzjoni diffiċli. Spiċċat paralizzata minn qaddha ’l isfel fuq siġġu tar-roti. Kif stajna nkampaw maʼ l-ispejjeż u man-niket emozzjonali? Billi għal darb’oħra rġajna fdajna f’Jehovah, bdejna nesperjenzaw l-id kollha mħabba u ġeneruża tiegħu. Meta tlaqt biex naqdi fil-Maċedonja, Martha baqgħet fid-dar taʼ Xhud f’Ateni għat-terapija fiżika. Kienet iċċempilli u tgħidli dan il-kliem inkuraġġanti: “Jien ninsab tajba. Int kompli bix-xogħol tiegħek, u meta nerġaʼ nibda niċċaqlaq, nakkumpanjak fuq is-siġġu tar-roti tiegħi.” U għamlet eżattament hekk. L-għeżież ħutna mill-Betel bagħtulna ħafna ittri inkuraġġanti. Lil Martha kienu jfakkruha ripetutament fil-kliem taʼ Salm 41:4 [Salm 41:3, NW]: “Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard; ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.”
Minħabba dawn il-problemi serji taʼ saħħa, fl-1986 ġie deċiż li jkun xieraq li naqdi bħala pijunier speċjali f’Kaválla, fejn hawnhekk ngħix viċin il-familja taʼ l-għażiża bintna. L-għażiża tiegħi Martha mietet f’Marzu li għadda, u baqgħet leali sa l-aħħar. Qabel ma mietet, meta l-aħwa kienu jistaqsuha: “Kif int?” hi normalment kienet tweġibhom: “Ladarba jien qrib Jehovah, inħossni tajba ħafna!” Meta konna nippreparaw għal-laqgħat jew meta konna nirċievu xi stedina li tħajjarna naqdu f’inħawi fejn il-ħsad hu kbir, Martha xorta baqgħet tgħidli: “John, ejja mmorru naqdu fejn il-bżonn hu akbar.” Qatt ma tilfet l-ispirtu żeluż tagħha.
Ftit snin ilu, jien ukoll kelli nkampa maʼ problema serja taʼ saħħa. F’Marzu taʼ l-1994 indunaw li kelli problema serja tal-qalb, u bilfors kelli bżonn nagħmel operazzjoni. Għal darb’oħra ħassejt l-id kollha mħabba taʼ Jehovah tappoġġani matul dak il-perijodu kritiku. Qatt ma se ninsa t-talba li offra indokratur tas-circuit ħdejn soddti meta ħriġt mill-kura intensiva, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar li kkonduċejt fil-kamra tiegħi stess fl-isptar maʼ erbaʼ pazjenti li kienu wrew xi interess għall-verità.
Jehovah Kien u Għadu l-Ajjutant Tagħna
Iż-żmien itir, u ġisimna jiddgħajjef, imma l-ispirtu tagħna jiġġedded permezz taʼ l-istudju u s-servizz. (2 Korintin 4:16) Issa għaddew 39 sena minn mindu għedt, “Hawn jien: ibgħat lili!” Kelli ħajja mimlija, ferħana, u kollha barkiet. Iva, xi drabi nħossni “fqajjar u msejken,” imma mbagħad b’fiduċja sħiħa nkun nistaʼ ngħid lil Jehovah: “Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi.” (Salm 40:18 [Salm 40:17, NW]) Hu tabilħaqq Alla li wera qalb tajba bl-imħabba miegħi.
[Stampa f’paġna 25]
Maʼ Martha fl-1956
[Stampa f’paġna 26]
Il-port f’Kaválla
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ Martha fl-1997