LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 1/1 pp. 6-11
  • Naqdu maʼ l-Għassies

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdu maʼ l-Għassies
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Settarjaniżmu Babiloniż
  • Ġens taʼ Xhieda
  • “Sentinella” Jinsab Għassa
  • Tindif Progressiv
  • ‘Waqgħet Babilonja!’
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
  • Ngħixu għall-Preżent Jew Għal Futur Etern?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • ‘Għajtu bil-Ferħ Ilkoll Flimkien’!
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 1/1 pp. 6-11

Naqdu maʼ l-​Għassies

“Fuq torri taʼ l-​għassa, Sidi, jien qiegħed binhar dejjem, u wieqaf dejjem f’posti l-​iljieli kollha.”​—ISAIJA 21:8.

1. Jehovah dwar liema wegħdi grandjużi qed jixhed għalih innifsu?

JEHOVAH hu dak Alla Grandjuż li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu. L-​anġlu ribelluż li sar Satana x-​Xitan ma jistaʼ jagħmel xejn biex iħarbat l-​iskop grandjuż Tiegħu biex iqaddes Ismu stess u jistabbilixxi ħakma glorjuża permezz tas-​Saltna tiegħu għal fuq ġenna taʼ l-​art. (Mattew 6:​9, 10) Taħt dik il-​ħakma, l-​umanità se tkun imbierka tassew. Alla se “jeqred il-​mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-​Mulej id-​dmugħ minn fuq kull wiċċ.” Bnedmin ferħanin u magħqudin se jgawdu l-​paċi u l-​prosperità għall-​eternità kollha. (Isaija 25:8; 65:​17-25) Jehovah qed jixhed għalih innifsu dwar dawn il-​wegħdi grandjużi!

2. Jehovah liema xhieda umani qajjem?

2 Madankollu, il-​Ħallieq Grandjuż għandu wkoll xhieda umani. Fiż-​żminijiet taʼ qabel Kristu “sħaba . . . taʼ xhieda,” li tibda minn Abel, ġrew it-​triq tal-​prova u spiss iltaqgħu maʼ ċirkustanzi diffiċli ferm. L-​eżempji eċċellenti tagħhom jinkuraġġixxu lill-​Kristjani leali llum. Ġesù Kristu hu l-​aqwa eżempju taʼ xhud kuraġġuż. (Lhud 11:1–12:2) Per eżempju, ftakar x’qal fix-​xiehda finali li hu ta quddiem Ponzju Pilatu. Ġesù ddikjara: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwann 18:37) Mis-​sena 33 E.K. sa din is-​sena 2000 E.K., Kristjani żelużi segwew l-​eżempju taʼ Ġesù u komplew jagħtu xiehda billi jiddikjaraw b’kuraġġ kbir “l-​għeġubijiet taʼ Alla.”—Atti 2:11.

Settarjaniżmu Babiloniż

3. Satana kif oppona x-​xiehda li ngħatat dwar Jehovah u dwar ir-​rieda tiegħu?

3 Matul il-​millennji l-​Avversarju l-​kbir, Satana x-​Xitan, għamel ħiltu kollha biex b’ħażen kbir jipprova jiskredita t-​testimonjanza tax-​xhieda t’Alla. Bħala “missier il-​gideb,” dan id-​“Dragun il-​kbir, is-​Serp tal-​qedem,” kien u għadu ‘jqarraq bid-​dinja kollha.’ Hu ma qataʼ xejn fil-​gwerra tiegħu kontra dawk li “jħarsu l-​preċetti taʼ Alla,” speċjalment f’dawn l-​aħħar jiem.—Ġwann 8:44; Apokalissi 12:​9, 17.

4. Babilonja l-​Kbira kif bdiet teżisti?

4 Xi 4,000 sena ilu, wara d-​Dilluvju taʼ żmien Noè, Satana qajjem lil Nimrod, “kaċċatur setgħani f’oppożizzjoni lejn Jehovah.” (Ġenesi 10:​9, 10, NW) L-​akbar belt taʼ Nimrod, Babilonja (Babel), saret ċentru taʼ reliġjon demonika. Meta Jehovah ħawwad il-​lingwi tal-​bennejja tat-​torri taʼ Babel, in-​nies infirxu madwar il-​globu, u magħhom ġarrew ir-​reliġjon falza tagħhom. B’hekk Babilonja saret is-​sors taʼ imperu dinji taʼ reliġjon falza li fil-​ktieb t’Apokalissi huwa msejjaħ Babilonja l-​Kbira. Dan il-​ktieb ibassar il-​kundanna taʼ din is-​sistema reliġjuża antika.—Apokalissi 17:5; 18:21.

Ġens taʼ Xhieda

5. Jehovah liema ġens organizza biex ikun ix-​xhud tiegħu, imma għala ħallieh jittieħed fl-​eżilju?

5 Madwar 500 sena wara Nimrod, Jehovah organizza d-​dixxendenti tar-​raġel leali Abraham fil-​ġens taʼ Iżrael biex dan jaqdi bħala x-​xhud Tiegħu fuq l-​art. (Isaija 43:​10, 12) Ħafna kienu l-​individwi minn dak il-​ġens li qdew lealment lil Jehovah. Madankollu, matul is-​sekli t-​twemmin falz tal-​ġnus ġirien ikkorrompa lil Iżrael, u dan il-​poplu li kien f’patt maʼ Jehovah abbandunah biex iqim allat foloz. Għaldaqstant, fis-​sena 607 Q.E.K., l-​eżerċti taʼ Babilonja, immexxijin mis-​Sultan Nabukodonosor, qerdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, u l-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud ittieħdu fl-​eżilju lejn Babilonja.

6. Liema aħbar tajba ddikjara l-​għassies profetiku taʼ Jehovah, u din meta twettqet?

6 Xi trijonf kien dan għar-​reliġjon falza! Madankollu, is-​setgħa taʼ Babilonja kienet għomorha qasir. Madwar 200 sena qabel dik il-​ġrajja, Jehovah kien ikkmanda: “Mur qiegħed għassies [“sentinella,” NW], ħa jħabbar dak li jara.” Liema aħbar kellu x’iħabbar dan l-​għassies? “Waqgħet waqgħet Babilonja, u magħha xbihat allatha mfarrka fl-​art.” (Isaija 21:​6, 9) U hekk ġara—fis-​sena 539 Q.E.K. din id-​dikjarazzjoni profetika seħħet. Babilonja s-​setgħana waqgħet, u l-​poplu li kien f’patt m’Alla setaʼ f’qasir żmien jirritorna lejn art twelidu.

7. (a) Il-​Lhud x’tgħallmu mid-​dixxiplina taʼ Jehovah? (b) Il-​Lhud li għexu fil-​perijodu taʼ wara l-​ħelsien mill-​eżilju f’liema nases waqgħu, u b’liema riżultat?

7 Il-Lhud li reġgħu lura ħaduha l-​lezzjoni u abbandunaw l-​idolatrija u r-​reliġjon spiritistika. Madankollu, hekk kif għaddew is-​snin, waqgħu f’nases oħrajn. Xi wħud inqabdu fin-​nassa tal-​filosofija Griega. Oħrajn bdew jagħtu iktar importanza lit-​tradizzjonijiet tal-​bnedmin milli lill-​Kelma t’Alla. Jerġaʼ oħrajn ħallew in-​nazzjonaliżmu jagħmihom. (Mark 7:13; Atti 5:37) Sa meta twieled Ġesù, il-​ġens kien reġaʼ abbanduna l-​qima pura. Filwaqt li xi Lhud individwali wieġbu għall-​aħbar tajba li xandrilhom Ġesù, il-​Lhud bħala ġens ċaħduh u b’hekk dan il-​ġens ġie miċħud minn Alla. (Ġwann 1:​9-12; Atti 2:36) Iżrael ma baqax iktar ix-​xhud t’Alla, u fis-​sena 70 E.K., Ġerusalemm u t-​tempju tagħha ġew meqrudin għal darb’oħra, din id-​darba mill-​armata Rumana.—Mattew 21:43.

8. Min sar ix-​xhud taʼ Jehovah, u t-​twissija li Pawlu ta lil dan ix-​xhud għala kienet f’waqtha?

8 Sadattant, kien twieled “Iżrael taʼ Alla” Kristjan, u dan serva bħala xhud t’Alla għall-​ġnus. (Galatin 6:16) Bla telf taʼ żmien, Satana ppjana biex jikkorrompi lil dan il-​ġens spiritwali ġdid. Sa tmiem l-​ewwel seklu, kienu diġà dehru influwenzi settarji fil-​kongregazzjonijiet. (Apokalissi 2:​6, 14, 20) Din it-​twissija taʼ Pawlu kienet f’waqtha: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin; skond il-​prinċipji tad-​dinja u mhux taʼ Kristu.”—Kolossin 2:8.

9. Bħalma kien wissa Pawlu, liema żviluppi wasslu biex jibda jeżisti l-​Kristjaneżmu?

9 Maż-żmien, il-​filosofija Griega, l-​ideat reliġjużi Babiloniżi, u iktar tard dan l-​“għerf” tal-​bniedem, bħat-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni u l-​kritika iktar għolja, niġġsu r-​reliġjon taʼ ħafna li kienu jgħidu li huma Kristjani. Ġara preċiż bħalma bassar Pawlu: “Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-​merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-​sewwa, bil-​ħsieb li jdawwru d-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:​29, 30) Kien b’riżultat taʼ din l-​apostasija li beda jeżisti l-​Kristjaneżmu.

10. Liema żviluppi għamluha ċara li mhux kulħadd kien ċeda għall-​qima korrotta prattikata fil-​Kristjaneżmu?

10 Dawk li verament kienu dedikati għall-​qima pura kellhom “[‘jissieltu,’ Saydon] għal dik il-​fidi li ngħatat darba għal dejjem lill-​qaddisin.” (Ġuda 3) Kienet ix-​xiehda għall-​qima pura u għal Jehovah se tgħib minn fuq l-​art? Le. Hekk kif qorob iż-​żmien għall-​qerda tar-​ribell, Satana, u tax-​xogħlijiet kollha tiegħu, beda jsir iktar evidenti li mhux kulħadd kien ċeda għall-​qima apostata li kienet qed tiġi prattikata fil-​Kristjaneżmu. Fl-​aħħar parti tas-​seklu 19, ġewwa Pittsburgh, Pennsylvania, fl-​Istati Uniti, ġie organizzat grupp taʼ studenti sinċieri tal-​Bibbja u dan sar in-​nukleu tal-​klassi tax-​xhud t’Alla fi żmienna. Dawn il-​Kristjani ġibdu l-​attenzjoni lejn l-​evidenza Skritturali li t-​tmiem tas-​sistema dinjija preżenti kien fil-​qrib. Preċiż bħalma bassret il-​profezija tal-​Bibbja, it-​“tmiem” taʼ din id-​dinja beda fl-​1914, u dan kien immarkat mill-​fatt li faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. (Mattew 24:​3, 7) Hemm evidenza ċara li Satana u l-​qtajjaʼ demoniċi tiegħu ġew imkeċċijin mis-​sema wara dik is-​sena. Is-​seklu 20 li tant kien mimli inkwiet ipprovda prova ċara taʼ l-​attività taʼ Satana u tat-​twettiq notevoli tas-​sinjal tal-​preżenza rjali taʼ Ġesù fil-​qawwa tas-​Saltna tas-​sema.—Mattew, kapitli 24 u 25; Mark, kapitlu 13; Luqa, kapitlu 21; Apokalissi 12:​10, 12.

11. Satana x’ipprova jagħmel, imma l-​attentat tiegħu kif falla?

11 F’Ġunju taʼ l-​1918, Satana b’mod iddisprat ipprova jeqred lil dawk l-​istudenti tal-​Bibbja, li sa dakinhar kienu qed jippridkaw f’diversi pajjiżi. Hu pprova jeqred ukoll il-​korporazzjoni legali tagħhom, il-​Watch Tower Bible and Tract Society. L-​uffiċjali responsabbli tas-​Soċjetà ġew mitfugħin il-​ħabs u mixlijin b’akkużi foloz taʼ tixwix, l-​istess bħalma għamlu lil Ġesù fl-​ewwel seklu. (Luqa 23:2) Imma fl-​1919, dawn l-​uffiċjali ġew meħlusin, u dan għamilha possibbli għalihom li jkomplu l-​ministeru tagħhom. Iktar tard, huma ġew meħlusin għalkollox mill-​akkużi miġjubin kontrihom.

“Sentinella” Jinsab Għassa

12. Min illum jifforma parti mill-​klassi taʼ l-​għassies, jew “sentinella,” taʼ Jehovah u dawn liema attitudni kellhom u għad għandhom?

12 Għalhekk, meta beda ż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” Jehovah għal darb’oħra uża għassies, li kien javża lin-​nies dwar il-​ġrajjiet li kellhom x’jaqsmu mat-​twettiq taʼ l-​iskopijiet Tiegħu. (Danjel 12:4; 2 Timotju 3:1) Sal-​ġurnata tal-​lum, din il-​klassi taʼ l-​għassies—il-​Kristjani midlukin, l-​Iżrael t’Alla—kienet u għadha qed taġixxi fi qbil mad-​deskrizzjoni taʼ l-​għassies profetiku li jagħti Isaija: “‘Jgħarrex sewwa, b’reqqa l-​aktar kbira.’ U mbagħad l-​għassies jgħajjat [“bħal-​ljun,” KŻ]: ‘Fuq torri taʼ l-​għassa, Sidi, jien qiegħed binhar dejjem, u wieqaf dejjem f’posti l-​iljieli kollha.’” (Isaija 21:​7, 8) Dan hu għassies li jieħu xogħlu bis-​serjetà!

13. (a) L-​għassies taʼ Jehovah liema messaġġ ipproklama? (b) Kif nistgħu ngħidu li Babilonja l-​Kbira waqgħet?

13 Dan l-​għassies x’ra? Għal darb’oħra, l-​għassies taʼ Jehovah, il-​klassi tax-​xhud, ħabbar: “Waqgħet waqgħet Babilonja, u magħha xbihat allatha mfarrka fl-​art.” (Isaija 21:9) Din id-​darba, wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, imiss lil Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, li titneħħa mill-​pożizzjoni importanti t’awtorità li kellha. (Ġeremija 50:​1-3; Apokalissi 14:8) U mhux taʼ b’xejn! Il-​Gwerra Kbira, bħalma kienet magħrufa dak iż-​żmien, bdiet fil-​Kristjaneżmu, fejn il-​membri tal-​kleru fuq iż-​żewġ naħat kebbsu l-​ħuġġieġa billi bl-​ippridkar tagħhom ħeġġew lil dawk fil-​fjur taż-​żgħożija għal ġot-​trinċieri. X’diżunur dan! Fl-​1919, Babilonja l-​Kbira ma setgħetx iżomm lura lill-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien, milli joħorġu mill-​istat inattiv li kienu fih u jibdew kampanja taʼ xiehda madwar id-​dinja kollha li għadha sejra sal-​lum. (Mattew 24:14) Dan indika l-​waqgħa taʼ Babilonja l-​Kbira, sewwa sew bħalma l-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​jasar fis-​sitt seklu Q.E.K. indika l-​waqgħa taʼ Babilonja tal-​qedem.

14. Il-​klassi taʼ l-​għassies taʼ Jehovah liema rivista wżat b’mod li jispikka, u Jehovah kif bierek l-​użu tagħha?

14 Il-klassi taʼ l-​għassies dejjem wettqet xogħolha biż-​żelu u b’xewqa kbira li tagħmel dak li hu sewwa. F’Lulju taʼ l-​1879, l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew jippubblikaw din ir-​rivista, li dak iż-​żmien kienet magħrufa bħala Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence. Kull ħarġa mill-​1879 sal-​15 taʼ Diċembru, 1938, kellha dan il-​kliem miktub fuq il-​qoxra taʼ barra “‘Għassies, Fiex Inhu l-​Lejl?’—Isaija 21:11.”a Għal dawn l-​aħħar 120 sena, The Watchtower baqaʼ fedelment għassa għall-​ġrajjiet tad-​dinja u l-​importanza profetika tagħhom. (2 Timotju 3:​1-5, 13) Il-​klassi taʼ l-​għassies u sħabha li huma min-​“nagħaġ oħra” wżaw din ir-​rivista biex jipproklamaw b’mod vigoruż lill-​umanità li l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tas-​Saltna taʼ Kristu huwa qrib ferm. (Ġwann 10:16) Berikha Jehovah din ix-​xiehda? Sewwa, mill-​ewwel stampar taʼ 6,000 kopja fl-​1879, iċ-​ċirkulazzjoni mad-​dinja kollha taʼ The Watchtower żdiedet għal iktar minn 22,000,000 kopja f’132 lingwa, u l-​edizzjonijiet f’121 lingwa minn dawn huma pubblikati b’mod simultanju. Kemm hu xieraq li l-​iktar rivista li tiġi mqassma fid-​dinja tkun dik li tgħolli u tfaħħar l-​isem taʼ dak Alla veru, Jehovah!

Tindif Progressiv

15. Liema tindif progressiv beda saħansitra qabel l-​1914?

15 Matul l-​40 sena taʼ qabel ma bdiet il-​ħakma taʼ Kristu mis-​sema fl-​1914, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu ġew meħlusin minn ħafna mid-​duttrini mhux skritturali tal-​Kristjaneżmu, bħalma huma l-​magħmudija tat-​trabi, l-​immortalità tar-​ruħ umana, il-​purgatorju, it-​turment fin-​nar taʼ l-​infern, u t-​Trinità. Imma kien hemm bżonn taʼ iktar żmien biex jissaffew mill-​ideat żbaljati kollha. Per eżempju, fis-​snin 20 ħafna Studenti tal-​Bibbja kienu jilbsu labra bl-​emblema taʼ salib u kuruna, u kienu jiċċelebraw il-​Milied u festi pagani oħrajn. Madankollu, biex il-​qima tkun pura, trid titneħħa sa l-​inqas traċċa taʼ idolatrija. Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja Mqaddsa, trid tkun l-​unika bażi għall-​fidi u l-​mod taʼ ħajja tal-​Kristjani. (Isaija 8:​19, 20; Rumani 15:4) Huwa ħażin li wieħed iżid mal-​Kelma t’Alla jew inaqqas xi ħaġa minnha.​—Dewteronomju 4:2; Apokalissi 22:​18, 19.

16, 17. (a) L-​għassies liema idea falza kellu għal għaxriet taʼ snin? (b) X’inhi l-​ispjegazzjoni korretta taʼ l-​“artal” u l-​“plier” ġewwa l-​“Eġittu”?

16 L-eżempju li ġej jenfasizza kemm hu importanti dan il-​prinċipju. Fl-​1886 meta C. T. Russell ippubblika ktieb li ġie msejjaħ The Divine Plan of the Ages, dan il-​volum kien fih lista li kienet torbot iż-​żminijiet differenti li għadda minnhom il-​bniedem mal-​Piramida l-​Kbira taʼ l-​Eġittu. Ħafna kienu jaħsbu li dan il-​monument tal-​Fargħun Khufu kien il-​plier li hemm referenza għalih f’Isaija 19:​19, 20: “Dakinhar ikun hemm artal għall-​Mulej f’nofs l-​art taʼ l-​Eġittu u plier f’ġieħ il-​Mulej f’tarf l-​art. U jkun taʼ sinjal u xhieda għall-​Mulej taʼ l-​eżerċti fl-​art taʼ l-​Eġittu.” X’relazzjoni jistaʼ jkollha din il-​piramida mal-​Bibbja? Sewwa, biex inġibu eżempju, it-​tul taʼ ċerti passaġġi fil-​Piramida l-​Kbira ntqal li kien jagħti indikazzjoni dwar il-​bidu tat-​“tribulazzjoni kbira” msemmija f’Mattew 24:21 (NW), skond kif kienu jifhmuha dak iż-​żmien. Xi studenti tal-​Bibbja kienu saru moħħhom biss f’li jkejlu l-​karatteristiċi differenti tal-​piramida biex jiddeterminaw affarijiet bħal, ngħidu aħna, il-​jum li fih kienu se jmorru fis-​sema!

17 Din l-​hekk imsejħa Bibbja tal-​Ġebel ngħatat ċerta importanza għal għaxriet taʼ snin, sakemm il-​ħarġiet tal-​Watchtower tal-​15 taʼ Novembru u taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1928, għamluha ċara li Jehovah ma kellu bżonn taʼ ebda monument mibni mill-​fargħunijiet pagani u mimli sinjali demoniċi taʼ l-​astroloġija biex jikkonferma x-​xiehda mogħtija fil-​Bibbja. Pjuttost, sar mifhum li l-​profezija taʼ Isaija kellha applikazzjoni spiritwali. Bħal fil-​każ t’Apokalissi 11:​8, l-​“Eġittu” jissimbolizza d-​dinja taʼ Satana. L-​“artal għall-​Mulej” ifakkarna dwar is-​sagrifiċċji aċċettabbli li jagħmlu l-​Kristjani midlukin waqt li għadhom residenti temporanji f’din id-​dinja. (Rumani 12:1; Lhud 13:​15, 16) Il-​plier “f’tarf l-​art” taʼ l-​Eġittu jindika l-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, li hija “kolonna u pedament tal-​verità” u li sservi bħala xiehda fl-​“Eġittu,” id-​dinja li waslu biex iħallu.—1 Timotju 3:15.

18. (a) Jehovah kif kompla jiċċaralhom l-​affarijiet lill-​istudenti sinċieri tal-​Bibbja? (b) Jekk Kristjan isibha diffiċli biex jifhem xi tidwil dwar xi skrittura, liema attitudni għaqlija għandu jkollu?

18 Hekk kif igerbu s-​snin, Jehovah jkompli jagħtina iktar tidwil dwar il-​verità, inkluż fehma iktar ċara tal-​kelma profetika tiegħu. (Proverbji 4:18) F’dawn l-​aħħar snin, ġejna inkuraġġiti biex nagħtu ħarsa mill-​ġdid b’fehma iktar profonda lejn—fost affarijiet oħra—il-​ġenerazzjoni li m’hijiex se tgħaddi qabel ma jiġi t-​tmiem, il-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, il-​profanazzjoni u meta se toqgħod f’post imqaddes, il-​patt il-​ġdid, it-​trasfigurazzjoni, u l-​viżjoni tat-​tempju fil-​ktieb t’Eżekjel. Xi kultant jistaʼ jkun diffiċli li nifhmu dawn l-​ispjegazzjonijiet aġġornati, imma maż-​żmien nifhmu aħjar għala jkunu saru. Jekk Kristjan ma jkunx jistaʼ jifhem għalkollox xi spjegazzjoni ġdida taʼ xi skrittura, jagħmel tajjeb li bl-​umiltà kollha jlissen il-​kliem tal-​profeta Mikea: “Nistenna ’l Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”​—Mikea 7:7.

19. Il-​fdal midluk u sħabhom li huma min-​nagħaġ oħra kif urew kuraġġ taʼ ljun f’dawn l-​aħħar jiem?

19 Ftakar li l-​għassies jibda “jgħajjat [“bħal-​ljun,” KŻ]: ‘Fuq torri taʼ l-​għassa, Sidi, jien qiegħed binhar dejjem, u wieqaf dejjem f’posti l-​iljieli kollha.’” (Isaija 21:8) Il-​fdal midluk wera kuraġġ taʼ ljun meta kixef ir-​reliġjon falza u wera lin-​nies it-​triq tal-​libertà. (Apokalissi 18:​2-5) Bħala “l-​ilsir leali u diskret,” huma pprovdew Bibbji, rivisti, u pubblikazzjonijiet oħra b’ruxxmata taʼ lingwi—“l-​ikel . . . fiż-​żmien xieraq.” (Mattew 24:​45, NW) Kienu wkoll minn taʼ quddiem f’li jiġbru l-​“kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Dawn ukoll jiġu mnaddfin permezz tad-​demm taʼ Ġesù mħallas bħala prezz tal-​fidwa, u qed juru li għandhom qalb taʼ ljun billi ‘lejl u nhar jaqdu’ lil Alla. (Apokalissi 7:​9, 14, 15) X’kien il-​frott f’din l-​aħħar sena taʼ dan il-​grupp żgħir li għad fadal taʼ Xhieda midlukin taʼ Jehovah u sħabhom, il-​kotra l-​kbira? L-​artiklu li jmiss se jgħidilna.

[Nota taʼ taħt]

a Mill-1 taʼ Jannar, 1939, dan ġie mibdul għal “‘Imbagħad ikunu jafu li jien Jehovah.’​—Eżekjel 35:15.”

Tiftakar?

• Jehovah liema xhieda qajjem matul is-​snin?

• Babilonja l-​Kbira kif oriġinat?

• Jehovah għala ppermetta li tiġi meqruda Ġerusalemm, il-​kapitali tal-​ġens taʼ xhieda tiegħu, fis-​sena 607 Q.E.K? fis-​sena 70 E.K?

• Liema spirtu kienu u għadhom juru l-​klassi taʼ l-​għassies taʼ Jehovah u sħabhom?

[Stampa f’paġna 7]

“Fuq torri taʼ l-​għassa, Sidi, jien qiegħed . . . dejjem”

[Stampi f’paġna 10]

Il-​membri tal-​klassi taʼ l-​għassies taʼ Jehovah xogħolhom jiħduh bis-​serjetà

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja