LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 7/1 pp. 22-27
  • Wieħed li Ġarr id-Dawl lil Ħafna Ġnus

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Wieħed li Ġarr id-Dawl lil Ħafna Ġnus
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Snin tal-​Bidu
  • Mibgħut f’Territorju Barrani
  • Inkarigu Ieħor—l-​Ewropa
  • Jippriedka fl-​Unjoni Sovjetika
  • Żwieġ, Imbagħad Vjaġġ Ieħor
  • Ħajja tal-​Familja Qasira
  • Tqisu Bħala Missierek lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ġeħova, Missierna, Iħobbna Ħafna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Esperjenzajna l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’ħafna modi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • 1923​—Mitt Sena Ilu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 7/1 pp. 22-27

Bijografija

Wieħed li Ġarr id-​Dawl lil Ħafna Ġnus

L-​ISTORJA TAʼ GEORGE YOUNG KIF RAKKONTATA MINN RUTH YOUNG NICHOLSON

“Għala, mela, ħadd ma jsemmi xejn minn fuq il-​pulpti tagħna? . . . Aħna x’irġiel aħna jekk nibqgħu siekta wara li rajna bil-​provi kemm dawn l-​affarijiet li jien qed nikteb dwarhom huma minnhom? Ħa ma nżommux lin-​nies fl-​injoranza, imma ejja nħabbru l-​verità bla m’għandna xejn minn xiex nistħu jew x’naħbu.”

DAN il-​kliem kien parti mill-​ittra taʼ 33 paġna li missieri kien bagħat biex jitlob li jitneħħa ismu mir-​reġistru tal-​knisja. Kienet is-​sena 1913. Minn dakinhar ’il quddiem, hu beda ħajja mimlija ġrajjiet eċċitanti li wasslitu biex jaqdi bħala wieħed li jġorr id-​dawl lil ħafna ġnus. (Filippin 2:15) Mindu kont għadni daqsxejn taʼ tifla, kont niġbor informazzjoni dwar l-​esperjenzi taʼ missieri billi nismaʼ l-​istejjer li kienu jirrakkontaw il-​qraba u naqra kitbiet dwar il-​passat, u mbagħad bl-​għajnuna taʼ xi ħbieb stajt ngħaqqad flimkien l-​istorja taʼ ħajtu. F’ħafna aspetti, il-​ħajja taʼ missieri kienet tfakkarni f’dik taʼ l-​appostlu Pawlu. Bħal dak l-​“appostlu tal-​pagani,” missieri kien dejjem lest li jivvjaġġa biex iwassal il-​messaġġ taʼ Jehovah lil nies f’kull art u gżira. (Rumani 11:13; Salm 107:1-3) Ħa ngħidilkom dwar missieri, George Young.

Is-​Snin tal-​Bidu

Missieri kien l-​iżgħar tifel taʼ John u Margaret Young, li kienu Presbiterjani Skoċċiżi. Hu twieled fit-​8 taʼ Settembru, 1886, ftit wara li l-​familja tiegħu telqet minn Edinburgh, fl-​Iskozja biex tmur tgħix fil-​provinċja taʼ British Columbia, fil-​punent tal-​Kanada. It-​tliet ħutu akbar minnu—Alexander, John, u Malcolm—kienu twieldu l-​Iskozja ftit snin qabel. Oħthom iż-​żgħira, Marion, li ħutha kienu jieħdu gost isejħulha Nellie, kienet sentejn iżgħar minn missieri.

It-​tfal trabbew f’razzett f’Saanich, belt li ma kinitx bogħod wisq minn Victoria, fil-​provinċja taʼ British Columbia, u tgħidx kemm kienu għal qalbhom hemmhekk. Fl-​istess ħin, huma tgħallmu jerfgħu r-​responsabbiltajiet tagħhom. Kulmeta l-​ġenituri tagħhom kienu jerġgħu lura minn xi vjaġġ sa Victoria, kienu jsibuhom lestew kulma jkunu qabbduhom jagħmlu kemm barra d-​dar u kemm ġewwa.

Hekk kif għadda ż-​żmien, missieri u ħutu bdew jinteressaw ruħhom fix-​xogħol tal-​minjieri kif ukoll fil-​kummerċ taʼ l-​injam. L-​aħwa Young għamlu isem tajjeb bħala timber cruisers (nies li jispezzjonaw l-​art biex jaraw jekk hijiex tajba għall-​produzzjoni taʼ l-​injam), kif ukoll bħala bejjiegħa u xerrejja taʼ l-​injam. Missieri kien jieħu ħsieb in-​negozjar mil-​lat finanzjarju.

Għadda ż-​żmien, u missieri, li minn dejjem kien interessat f’affarijiet spiritwali, iddeċieda li jsir saċerdot Presbiterjan. Madankollu, dik il-​ħabta, fuq il-​gazzetti kien ikun hemm il-​priedki taʼ Charles Taze Russell, l-​ewwel president taʼ Zion’s Watch Tower Tract Society, u dawn effettwawlu ħajtu profondament. Dak li tgħallem qanqlu biex jikteb u jibgħat l-​ittra taʼ riżenja li ssemmiet fil-​bidu.

Missieri, b’qalb tajba iżda fl-​istess ħin b’mod ċar, uża versi mill-​Bibbja biex juri kemm kien falz it-​tagħlim tal-​knisja dwar li r-​ruħ tal-​bniedem ma tmutx, u li Alla se jitturmenta l-​erwieħ għal dejjem fl-​infern. Hu wera wkoll kemm hi falza d-​duttrina tat-​Trinità, billi wera bil-​provi kif din ma kellhiex oriġini Kristjana u bl-​ebda mod ma kienet appoġġata mill-​Iskrittura. Minn dakinhar ’il quddiem, hu baqaʼ jwettaq il-​ministeru Kristjan bl-​istess attitudni li kellu Ġesù Kristu, billi bl-​umiltà kollha uża l-​abbiltajiet u s-​saħħa li kellu għall-​glorja taʼ Jehovah.

Fl-1917, taħt id-​direzzjoni tal-​Watch Tower Society, missieri beda jaqdi bħala pellegrin, kif kienu jissejħu dak iż-​żmien ir-​rappreżentanti li jivvjaġġaw tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu kien idur il-​bliet kbar u żgħar jagħti t-​taħditiet u jippreżenta produzzjoni taʼ filmati u slides imsejħa l-​“Photo-Drama of Creation.” It-​teatri kienu jkunu mballati bin-​nies waqt iż-​żjajjar taʼ missieri. L-​iskeda għaż-​żjajjar tiegħu bħala pellegrin baqgħet tidher f’It-Torri taʼ l-​Għassa sa l-​1921.

Gazzetta f’Winnipeg irrapportat li l-​Evanġelista Young kellem lil udjenza taʼ 2,500 ruħ u li kien hemm ħafna nies li ma setgħux jidħlu għaliex is-​sala kienet ippakkjata. F’Ottawa, hu tkellem dwar is-​suġġett “To Hell and Back” (Lejn l-​Infern u Lura). Hemmhekk, raġel imdaħħal fiż-​żmien qal: “Meta spiċċat it-​taħdita, George Young stieden ringiela sħiħa taʼ qassisin biex jitilgħu fuq il-​platform ħalli jiddiskutu s-​suġġett miegħu, imma lanqas wieħed minnhom ma ċċaqlaq. Dak il-​ħin indunajt li kont sibt il-​verità.”

Missieri kien jipprova jlaħħaq kemm attivitajiet spiritwali setaʼ fiż-​żjajjar tiegħu bħala pellegrin. Wara, hu b’ġirja waħda kien imur jilħaq il-​ferrovija għal xi post ieħor li jkollu fuq l-​iskeda tiegħu. Meta kien jivvjaġġa bil-​karozza, taʼ spiss kien jitlaq lejn l-​inkarigu li kien ikun imissu ħafna qabel il-​kolazzjon taʼ fil-​għodu. Minbarra li kien żeluż, missieri kien magħruf għall-​mogħdrija li kien juri u għall-​għemejjel Kristjani u l-​ġenerożità tiegħu.

Fost il-​konvenzjonijiet tal-​bidu li attenda, waħda li baqaʼ jiftakar b’mod speċjali kienet dik li saret f’Edmonton, ġewwa Alberta, fl-​1918. Il-​familja tiegħu kollha kienet hemm għall-​magħmudija taʼ Nellie. Din kienet ukoll l-​aħħar darba li l-​aħwa subien iltaqgħu flimkien. Sentejn wara, Malcolm miet bil-​pulmunite. Malcolm, bħat-​tliet ħutu subien u missieru, kellu t-​tama taʼ ħajja fis-​sema, u lkoll kemm huma baqgħu leali lejn Alla sal-​mewt.​—Filippin 3:​14.

Mibgħut f’Territorju Barrani

Wara li missieri kien spiċċa l-​vjaġġ tiegħu taʼ ppridkar madwar il-​Kanada f’Settembru taʼ l-​1921, Joseph F. Rutherford, il-​president tal-​Watch Tower Society f’dak iż-​żmien, talbu biex imur fil-​gżejjer tal-​Karibew. Kulfejn missieri kien jippreżenta l-​“Photo-Drama of Creation,” din kienet tintlaqaʼ tajjeb ħafna. Minn Trinidad, hu kiteb: “Il-​post kien ippakkjat, u numru kbir taʼ nies kellhom jintbagħtu lura. It-​tieni darba, il-​post kien imballat bin-​nies.”

Imbagħad, fl-​1923, missieri ngħata l-​inkarigu biex imur il-​Brażil. Hemmhekk hu kellem lil udjenzi kbar, u xi kultant kellu jqabbad xi interpreti. It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Diċembru, 1923, irrapporta: “Mill-​1 taʼ Ġunju sat-​30 taʼ Settembru Ħuna Young organizza 21 laqgħa pubblika, b’attendenza totali taʼ 3,600 ruħ; 48 laqgħa tal-​kongregazzjoni, b’attendenza taʼ 1,100 ruħ; u qassam madwar 5,000 kopja taʼ letteratura mingħajr ħlas bil-​Portugiż.” Meta missieri ta t-​taħdita “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt) kien hemm ħafna li wrew interess.

Meta fit-​8 taʼ Marzu, 1997, ġew dedikati l-​faċilitajiet ġodda fil-​Brażil, il-​browxer li nħareġ għall-​okkażjoni tad-​dedikazzjoni rrapporta: “1923: George Young jasal il-​Brażil. Hu jorganizza uffiċċju tal-​fergħa fiċ-​ċentru taʼ Rio de Janeiro.” Għalkemm kien hemm letteratura Biblika bl-​Ispanjol, inħass ukoll il-​bżonn taʼ letteratura bil-​Portugiż, il-​lingwa mitkellma l-​iktar fil-​Brażil. B’hekk, fl-​1 t’Ottubru, 1923, It-​Torri taʼ l-​Għassa beda jiġi stampat bil-​Portugiż.

Fil-Brażil, missieri għamel ħafna kuntatti maʼ nies li baqaʼ jiftakarhom għomru kollu. Wieħed minnhom kien raġel Portugiż tat-​tajjeb jismu Jacintho Pimentel Cabral, li offra biex id-​dar tiegħu tintuża għal-​laqgħat. Jacintho ma damx m’aċċetta l-​verità tal-​Bibbja u iktar tard sar membru tal-​familja Betel. Raġel ieħor kien Manuel da Silva Jordão, ġardinar żagħżugħ Portugiż. Dan samaʼ lil missieri jagħti taħdita pubblika u din qanqlitu biex imur lura lejn il-​Portugall biex jaqdi bħala colporteur, bħalma kienu magħrufin dak iż-​żmien il-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Missieri vvjaġġa ħafna bil-​ferrovija mal-​Brażil kollu, u rnexxielu jsib ħafna wħud li kienu interessati. Darba waħda, f’wieħed mill-​vjaġġi tiegħu, iltaqaʼ maʼ Bony u Catarina Green, u baqaʼ għandhom madwar ġimagħtejn, jispjegalhom l-​Iskrittura. Kien hemm mill-​inqas sebaʼ membri tal-​familja li maż-​żmien issimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah permezz tal-​magħmudija taʼ l-​ilma.

Persuna oħra li kkuntattja kienet Sarah Bellona Ferguson fl-​1923. Fl-​1867, meta kienet għadha tifla, hi flimkien maʼ ħuha Erasmus Fulton Smith u l-​bqija tal-​familja telqu mill-​Istati Uniti u marru joqogħdu l-​Brażil. Kienet ilha mill-​1899 tirċievi r-​rivista It-​Torri taʼ l-​Għassa regolarment bil-​posta. Iż-​żjara taʼ missieri kienet l-​opportunità li tant kienu ilhom jistennew Sarah, l-​erbat itfal tagħha, u xi ħadd li missieri kien isejħilha z-​zija Sallie, biex huma jkunu jistgħu jitgħammdu. Dan seħħ fil-​11 taʼ Marzu, 1924.

F’qasir żmien, missieri kien qed jippriedka f’pajjiżi oħra taʼ l-​Amerika t’Isfel. Fit-​8 taʼ Novembru, 1924, hu kiteb mill-​Perù: “Għadni kif spiċċajt inqassam 17,000 fuljett f’Lima u f’Callao.” Imbagħad irħielha lejn il-​Bolivja biex iqassam il-​fuljetti hemmhekk. Dwar dik iż-​żjara kiteb: “Missierna qed ibierek l-​isforz tiegħi. Iltqajt maʼ wieħed Indjan li tgħidx kemm għenni. Joqgħod qrib l-​għejun taʼ l-​Amazon. Se jieħu 1,000 fuljett u xi kotba lura miegħu.”

Permezz taʼ l-​isforzi li għamel missieri, iż-​żerriegħa tal-​verità tal-​Bibbja xterdet f’ħafna pajjiżi taʼ l-​Amerika Ċentrali u l-​Amerika t’Isfel. It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1924, irrapporta: “George Young issa ilu l-​Amerika t’Isfel iktar minn sentejn. . . . Dan il-​ħu għażiż kellu l-​privileġġ li jwassal il-​messaġġ tal-​verità f’Punta Arenas, fl-​Istrett taʼ Magellan.” Missieri ta spinta kbira lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’pajjiżi oħrajn ukoll, bħall-​Kosta Rika, il-​Panama, u l-​Venezwela. Hu kompla bix-​xogħol avolja kien marad bil-​malarja u saħħtu ma baqgħetx l-​istess.

Inkarigu Ieħor—l-​Ewropa

F’Marzu taʼ l-​1925, missieri salpa lejn l-​Ewropa, bit-​tama li jqassam 300,000 fuljett dwar il-​Bibbja fi Spanja u l-​Portugall u li jagħmel l-​arranġamenti meħtieġa biex Ħuna Rutherford jagħti xi taħditiet pubbliċi. Madankollu, meta missieri wasal Spanja u ra l-​atmosfera taʼ intolleranza reliġjuża li kienet teżisti hemmhekk, hu esprima t-​tħassib tiegħu dwar jekk kienx għaqli li Ħuna Rutherford jagħti dawn it-​taħditiet.

Bi tweġiba, Ħuna Rutherford kitiblu u kkwota Isaija 51:16: “Jien qegħedt kliemi fuq fommok, u b’dell idi għattejtek, biex frixt is-​smewwiet, u sejjist l-​art, u għedt lil Sijon: ‘Inti l-​poplu tiegħi.’” Meta qara dan, missieri kkonkluda: “Żgur li hija r-​rieda tal-​Mulej li jien inkompli sejjer u nħalli kollox f’idejh.”

Fl-10 taʼ Mejju, 1925, Ħuna Rutherford ta t-​taħdita tiegħu bl-​għajnuna taʼ interpretu fin-​Novedades Theater ġewwa Barċellona. Attendew iktar minn 2,000 ruħ, inkluż uffiċjal tal-​gvern u gwardja speċjali fuq il-​palk. Wara, f’Madrid intużat l-​istess proċedura, u din id-​darba attendew 1,200 ruħ. L-​interess li tqanqal permezz taʼ dawn it-​taħditiet irriżulta f’li ġie stabbilit uffiċċju tal-​fergħa fi Spanja li, bħalma jgħid in-​1978 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, tpoġġa “taħt il-​ħarsien taʼ George Young.”

Fit-13 taʼ Mejju, 1925, Ħuna Rutherford tkellem f’Lisbona, ġewwa l-​Portugall. Iż-​żjara tiegħu hemmhekk ukoll kienet taʼ suċċess kbir, minkejja l-​attentati mill-​membri tal-​kleru biex jisfrattaw il-​laqgħa bl-​għajat u t-​tkissir tas-​siġġijiet. Wara t-​taħditiet taʼ Ħuna Rutherford fi Spanja u fil-​Portugall, missieri kompla juri l-​“Photo Drama,” u għamel ukoll l-​arranġamenti meħtieġa biex f’dawk il-​postijiet tiġi stampata u mqassma l-​letteratura Biblika. Fl-​1927 irrapporta li l-​aħbar tajba “ġiet imxandra fil-​bliet kollha taʼ Spanja, kemm żgħar u kemm kbar.”

Jippriedka fl-​Unjoni Sovjetika

Wara dan, missieri ngħata l-​inkarigu biex jaqdi bħala missjunarju fl-​Unjoni Sovjetika. Hu wasal hemm fit-​28 t’Awissu, 1928, u parti mill-​ittra li ġġib l-​istess data tgħid:

“Mindu ġejt ir-​Russja, verament nistaʼ nitlob: ‘Tiġi saltnatek’ b’qalbi kollha. Qed nitgħallem il-​lingwa, imma mhux faċli. L-​interpretu li qed jgħinni hu raġel eċċezzjonali. Huwa Lhudi, però jemmen bi Kristu u jħobb ħafna l-​Bibbja. Kelli diversi esperjenzi interessanti imma ma nafx għal kemm żmien se nkun nistaʼ nibqaʼ hawnhekk. Il-​ġimgħa l-​oħra rċivejt ittra fejn qaluli biex inħalli l-​pajjiż fi żmien 24 siegħa, imma rnexxieli nirranġa biex nibqaʼ ftit ieħor.”

Hu kkuntattja lil xi Studenti tal-​Bibbja ġewwa Kharkov, li llum hija waħda mill-​bliet prinċipali fl-​Ukraina, u l-​laqgħa inkuraġġanti magħhom tant ġabitilhom ferħ li qabżilhom id-​dmugħ minn għajnejhom. Kull fil-​għaxija kienet issir konvenzjoni żgħira li kienet iddum sa nofsillejl. Dan hu dak li kiteb iktar tard dwar din il-​laqgħa li kellu maʼ dawn l-​aħwa: “Povri aħwa, għalkemm ħadulhom il-​ftit kotba li kellhom u l-​awtoritajiet huma kontrihom, xorta huma henjin.”

Ix-xogħol li għamel missieri fil-​ministeru fl-​Unjoni Sovjetika ssemma fil-​browxer speċjali provdut għal dawk li attendew għad-​dedikazzjoni tal-​faċilitajiet ġodda tal-​fergħa taʼ St. Petersburg, ir-​Russja, fil-​21 taʼ Ġunju, 1997. Il-​browxer jgħid li missieri ntbagħat Moska, u jkompli jsemmi kif hu kiseb il-​permess biex “jipproduċi 15,000 kopja tal-​ktejjeb Freedom for the Peoples u l-​ktejjeb Where Are the Dead? sabiex jitqassmu fir-​Russja.”

Meta reġaʼ lura mir-​Russja, missieri ngħata l-​inkarigu biex jaqdi fix-​xogħol taʼ pellegrin fl-​Istati Uniti. Meta kien f’South Dakota hu żar id-​dar taʼ Nellena u Verda Pool, żewġt aħwa mid-​demm li snin wara qdew bħala missjunarji fil-​Perù. Dawn esprimew l-​apprezzament profond tagħhom għall-​mod kif missieri qeda fil-​ministeru bla waqfien u qalu: “Żgur li l-​aħwa taʼ dak iż-​żmien kellhom l-​ispirtu taʼ pijunier hekk kif marru jaqdu f’dawn il-​pajjiżi barranin bi ftit affarijiet materjali imma b’qalb mimlija mħabba għal Jehovah. Kienet din l-​imħabba li qanqlithom biex iwettqu dan kollu.”

Żwieġ, Imbagħad Vjaġġ Ieħor

Missieri kien ilu għal xi żmien jikteb lil Clara Hubbert, li kienet tgħix fuq il-​Gżira taʼ Manitoulin, f’Ontario. It-​tnejn li huma kienu preżenti għall-​konvenzjoni li saret f’Colomubus, Ohio, fis-​26 taʼ Lulju, 1931, meta l-​Istudenti tal-​Bibbja adottaw l-​isem Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10-12) Huma żżewġu ġimgħa wara. Ma tantx laħaq għadda żmien qabel ma missieri kellu jerġaʼ jagħmel vjaġġ missjunarju ieħor biex jippriedka fil-​gżejjer tal-​Karibew. Hemmhekk, hu għen biex jiġu organizzati l-​laqgħat u biex l-​aħwa jitħarrġu fil-​ministeru minn dar għal dar.

Ommi rċiviet ritratti, kartolini, u ittri minn Surinam, St. Kitts, u ħafna postijiet oħra. Fl-​ittri hu kien jirrakkontalha dwar il-​progress fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u xi drabi kien jinkludi informazzjoni dwar l-​għasafar, l-​annimali, u l-​pjanti tal-​pajjiż li kien ikun fih. F’Ġunju taʼ l-​1932, missieri lesta l-​inkarigu li kellu fil-​Karibew, qataʼ biljett tat-​tielet klassi bħalma kien jagħmel is-​soltu, u reġaʼ vvjaġġa lura lejn il-​Kanada. Minn dakinhar ’l hemm, hu u ommi ħadu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time flimkien, u qattgħu x-​xitwa taʼ l-​1932/33 fl-​inħawi taʼ Ottawa maʼ grupp kbir taʼ ministri full-time oħrajn.

Ħajja tal-​Familja Qasira

Fl-​1934 twieled ħija David. Meta kien għadu ċkejken, hu kien jitlaʼ fuq il-​kaxxa li fiha ommi kienet iżżomm il-​kappell, u kien joqgħod jipprattika kif jagħti t-​“taħditiet.” Tul ħajtu kollha, hu wera żelu kbir għal Jehovah bħal missieru. It-​tlieta li huma kienu jivvjaġġaw bil-​karozza, b’sistema taʼ mikrofoni marbuta fuq is-​saqaf, waqt li kienu jżuru l-​kongregazzjonijiet mil-​lvant sal-​punent tal-​Kanada. Jien twelidt fl-​1938 waqt li missieri kien qed jaqdi fil-​provinċja taʼ British Columbia. David jiftakar lil missieri jpoġġini fuq is-​sodda, waqt li hu, ommi, u David qagħdu għarkobbtejhom madwar is-​sodda u bdew jirringrazzjaw ’l Alla għalija.

Fix-xitwa taʼ l-​1939, konna ngħixu f’Vancouver waqt li missieri kien iżur il-​kongregazzjonijiet f’dawk l-​inħawi. Fost il-​ħafna ittri li ġbarna matul is-​snin kien hemm waħda bid-​data taʼ l-​14 taʼ Jannar, 1939, li missieri kiteb minn Vernon, fil-​provinċja taʼ British Columbia. Hu indirizzaha lil Clara, David, u Ruth, u qal: “Sempliċement biex nagħtikom bewsa żgħira u tgħanniqa.” Fiha kien hemm messaġġ għal kull wieħed u waħda minna. Hu qalilna li l-​ħsad kien kbir fl-​inħawi fejn kien imma l-​ħaddiema kienu ftit.​—Mattew 9:​37, 38.

Wara li kien ilu ġimgħa li ġie lura Vancouver mill-​inkarigu tiegħu, missieri ħassu ħażin waqt il-​laqgħa. Meta għamel xi testijiet indunaw li kellu kanċer f’rasu. Fl-​1 taʼ Mejju, 1939, temm il-​ħajja tiegħu fuq din l-​art. Jien kelli disaʼ xhur, u David kellu kważi ħames snin. L-​għażiża ommi, li wkoll kellha t-​tama tas-​sema, baqgħet leali lejn Alla sakemm mietet fid-​19 taʼ Ġunju, 1963.

F’ittra li missieri kien bagħat lil ommi, hu ddeskriva b’mod verament sabiħ kif kien iħossu dwar il-​privileġġ li jwassal l-​aħbar tajba lejn ħafna pajjiżi. Parti minnha kienet tgħid: “Fil-​ħniena tiegħu, Jehovah ppermettieli mmur f’dawn il-​pajjiżi bħala dawl biex inwassal il-​messaġġ tas-​Saltna. Ħa jiġi mfaħħar l-​isem imqaddes tiegħu. Permezz tad-​debbolezza, l-​imperfezzjoni, u d-​dgħjufija, il-​glorja tiegħu tidher dejjem iktar.”

Issa l-​ulied, in-​neputijiet, u n-​neputijiet tan-​neputijiet taʼ George u Clara Young, ukoll qegħdin jaqdu lil Alla tagħna kollu mħabba, Jehovah. Xi ħadd qalli li missieri kien iħobb jikkwota Lhud 6:10, li tgħid: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” Aħna wkoll qatt ma nsejna x-​xogħol li għamel missieri.

[Stampa f’paġna 23]

Missieri, fuq il-​lemin, mat-​tliet ħutu

[Stampi f’paġna 25]

Missieri (bil-wieqfa) maʼ Ħutna Woodworth, Rutherford, u Macmillan

Taħt: Missieri (fuq ix-​xellug fit-​tarf) fil-​grupp maʼ Ħuna Russell

[Stampi f’paġna 26]

Missieri u ommi

Taħt: Jum it-​tieġ tagħhom

[Stampa f’paġna 27]

Maʼ David u ommi xi snin wara li miet missieri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja