Bijografija
“Intom Ma Tafux X’Għad Isir Għada”
KIF RAKKONTATA MINN HERBERT JENNINGS
“Mill-belt fejn hemm il-port taʼ Tema kont sejjer lura lejn l-uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society fil-Gana meta waqaft biex irrikkeb lil wieħed żagħżugħ li xtaq li xi ħadd iwasslu sal-belt. Ħtaft l-opportunità biex nagħtih xiehda. Ħsibt li kont sejjer tajjeb ħafna! Madankollu, malli wasalna fejn iż-żagħżugħ xtaq imur, dan ħareġ mit-trakk bil-ħeffa u telaq jiġri.”
DAN l-inċident tani ħjiel dwar xi ħaġa mhux tas-soltu li kienet bdiet isseħħ f’ħajti. Qabel ma nirrakkonta x’ġara, ħallini ngħidlek l-ewwel kif jien, raġel Kanadiż, sibt ruħi ngħix fil-Gana.
Immorru lura għal nofs ix-xahar taʼ Diċembru taʼ l-1949 f’belt lejn it-tramuntana taʼ Toronto, il-Kanada. Konna għadna kif spiċċajna nħaffru trinka twila fl-art kollha silġ biex inwasslu s-servizz taʼ l-ilma ġo dar ġdida. Inġazzati bil-bard u għajjenin, aħna l-ħaddiema tgezzizna madwar ħuġġieġa tal-ħatab, nistennew it-trakk jiġi jiġborna. F’daqqa waħda, Arnold Lorton, wieħed mill-ħaddiema, beda jgħid xi ħaġa dwar “gwerer u xnigħat taʼ gwerer,” “tmiem id-dinja,” u beda juża frażijiet oħrajn li jien qatt ma kont smajthom qabel. Mill-ewwel kulħadd għalaq ħalqu u beda jħossu skomdu. Kien hemm min anki ħadha bil-herra kontrih. Niftakarni naħseb: ‘Dal-baħbuħ veru kuraġġuż! Hawnhekk ħadd ma jrid jisimgħu, u xorta jibqaʼ sejjer.’ Imma dak li kien qed jgħid laqatni. It-Tieni Gwerra Dinjija ma kinitx ilha li ntemmet, u jien qatt ma kont smajt ħwejjeġ bħal dawn fir-reliġjon tal-Kristadelfjani li l-familja tiegħi kienet tagħmel parti minnha għal bosta ġenerazzjonijiet. Ftaħt widnejja beraħ għax l-ispjegazzjonijiet li ta laqtuni.
Ma domtx m’avviċinajt lil Arnold biex nieħu iktar tagħrif. Meta noqgħod niftakar, nirrealizza kemm kienu paċenzjużi u qalbhom tajba miegħi hu u martu Jean dak iż-żmien, meta jien kelli biss 19-il sena u kont mingħajr esperjenza. Spiss kont immur għandhom bla mistenni, mingħajr ma nkun mistieden, biex nitkellem magħhom. Qabbduni t-triq id-dritta u għenuni negħleb it-taqlib li kien għaddej mill-moħħ żagħżugħ tiegħi f’dak li għandu x’jaqsam maʼ livelli u morali. Għaxar xhur wara dik l-esperjenza inizjali ħdejn il-ħuġġieġa fil-ġenb tat-triq, tgħammidt nhar it-22 t’Ottubru, 1950, bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u sseħibt mal-Kongregazzjoni taʼ Willowdale f’North York, li llum hija parti minn Toronto.
Nimxi ’l Quddiem maʼ Sħabi fil-Qima
Il-ħajja fid-dar bdiet issir dejjem iktar iebsa meta missieri rrealizza li jien kont determinat li ngħix ħajti fi qbil mar-reliġjon il-ġdida tiegħi. Ftit qabel, missieri kien weġġaʼ sew f’ħabta kerha kaġunata minn sewwieq fis-sakra, u b’hekk rari kien ikun burdata tajba. Il-ħajja kienet diffiċli għal ommi u għaż-żewġ ħuti subien u ż-żewġ ħuti bniet. It-tensjoni dwar il-verità tal-Bibbja kompliet tiżdied. Allura deherli li jkun aħjar jekk nitlaq mid-dar biex inżomm il-paċi mal-ġenituri tiegħi u nistabbilixxi ruħi fit-“triq tal-verità.”—2 Pietru 2:2.
Lejn tmiem is-sajf taʼ l-1951, bdejt nagħmel parti minn kongregazzjoni żgħira f’Coleman, Alberta. Hemm kien hemm żewġ żgħażagħ, Ross Hunt u Keith Robbins, li kienu ħabrieka fl-ippridkar pubbliku l-ħin kollu, magħruf bħala xogħol taʼ pijunier regulari. Għenuni biex nintefaʼ nagħmel dan l-istess ministeru volontarju. Nhar l-1 taʼ Marzu, 1952, sirt wieħed mill-pijunieri regulari.
Għandi memorji sbieħ ħafna taʼ l-inkuraġġiment li rċivejt. Kelli ħafna x’nitgħallem, u din kienet il-prova tiegħi. Iktar tard, wara li qattajt madwar sena naqdi bħala pijunier mal-Kongregazzjoni taʼ Lethbridge, Alberta, irċivejt stedina bla mistennija biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Ridt naqdi lill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah mxerrdin mal-kosta tal-lvant tal-Kanada, minn Moncton fi New Brunswick sa Gaspé fi Quebec.
Kelli 24 sena u billi ma tantx kont ili fil-verità, ħassejtni skomdu mhux ħażin, speċjalment ipparagunat max-Xhieda maturi li lilhom ridt naqdi. Għamilt sforz sinċier matul il-bosta xhur li ġew wara. Imbagħad ġiet sorpriża oħra.
L-Iskola taʼ Gilgħad u Nerħilha Lejn il-Gold Coast
F’Settembru taʼ l-1955, ġejt mistieden ningħaqad maʼ xi mitt student ieħor għas-26 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) f’South Lansing, New York. Dawk il-ħames xhur taʼ taħriġ intensiv u taʼ studju kienu sewwa sew dak li kelli bżonn. L-entużjażmu tiegħi ssaħħaħ bis-sħubija tiegħi maʼ dak il-grupp hekk imqanqal għax-xogħol. Matul dan iż-żmien, kien hemm żvilupp ieħor li mlieli ħajti bir-riżq sal-lum.
Fost dawk l-istudenti li kienu qed iħejju għal attività missjunarja kien hemm waħda oħt żagħżugħa, Aileen Stubbs. F’Aileen rajt ċerta stabbilità. Kienet bniedma prattika u serja, b’attitudni modesta u ferriħija. Naħseb li ħsadtha meta għedtilha bla tlaqliq li xtaqtha tkun marti. Madankollu, ma qaltlix le! Qbilna t-tnejn li Aileen tmur twettaq l-inkarigu missjunarju tagħha fil-Kosta Rika u jien immur inwettaq tiegħi fil-Gold Coast (illum il-Gana), fl-Afrika tal-Punent.
Għodwa waħda f’Mejju taʼ l-1956, sibt ruħi fl-uffiċċju taʼ Ħuna Nathan Knorr, fl-għaxar sular, fi Brooklyn, New York. Dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society. Kont qed ningħata l-inkarigu taʼ qaddej tal-fergħa biex nieħu ħsieb ix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-Gold Coast, f’Togoland (illum Togo), fil-Kosta taʼ l-Avorju (illum Côte d’Ivoire), fl-Upper Volta (illum Burkina Faso) u fil-Gambja.
Kliem Ħuna Knorr niftakru qisu qaluli l-bieraħ. “M’għandekx għalfejn tieħu kollox f’idejk mill-ewwel,” qalli. “Ħudha bil-mod; tgħallem mill-aħwa taʼ esperjenza t’hemmhekk. Imbagħad meta tħossok li int lest, ibda aqdi bħala l-qaddej tal-fergħa. . . . Hawn hi l-ittra tal-ħatra tiegħek. Wara sebat ijiem li tkun ilek hemm, għandek tieħu kollox f’idejk.”
‘Sebat ijiem biss?’ għedt bejni u bejn ruħi. ‘Imbasta qalli “ħudha bil-mod”!’ Ħriġt minn ħdejh mibluh.
Il-ftit jiem taʼ wara għaddew bħal żiffa riħ. Ma domtx ma kont fuq il-gverta taʼ vapur tal-merkanzija, inbaħħar fuq l-East River minn quddiem l-uffiċċji tas-Soċjetà fi Brooklyn, fil-bidu taʼ vjaġġ taʼ 21 jum sal-Gold Coast.
Jien u Aileen tajniehom x’jagħmlu mhux ħażin is-servizzi postali minn pajjiż għall-ieħor. Erġajna ltqajna fl-1958 u żżewwiġna fit-23 t’Awissu taʼ dik is-sena. Ma nieqaf qatt nirringrazzja lil Jehovah talli tani sieħba mill-aqwa.
Għal 19-il sena apprezzajt il-privileġġ li naqdi flimkien maʼ sħabi l-missjunarji u ħuti Afrikani rġiel u nisa fl-uffiċċju tal-fergħa tas-Soċjetà. Il-familja Betel kibret minn grupp żgħir ħafna għal madwar 25 f’dak il-perijodu. Dawk kienu jiem produttivi, mimlijin attività, u taʼ sfida għalina. Però, irrid inkun onest. Personalment inħoss li l-klima sħuna u umda kienet taʼ sfida partikulari għalija. Donni kont dejjem għarqan, dejjem imdellek u xi kultant nervuż. Xorta waħda, iżda, kien taʼ ferħ kbir għalija li naqdi, hekk kif l-għadd tagħna fil-Gana żdied minn ftit iktar minn 6,000 pubblikatur tas-Saltna fl-1956 għal 21,000 fl-1975. U huwa taʼ sodisfazzjon doppju li issa nara iktar minn 60,000 Xhieda ħabrieka hemmhekk.
Jum l-“Għada” Mhux Mistenni
Madwar l-1970, bdejt għaddej minn problema taʼ saħħa li kienet diffiċli biex tagħraf x’inhi. It-tobba eżaminawni minn fuq s’isfel kemm-il darba, u kull darba kienu jgħiduli li m’għandi xejn. Allura għala kont dejjem inħossni tant mhux floki, tant għajjien, tant bla sabar? Ġraw żewġ affarijiet li tawni t-tweġiba, u ħasduni ferm. Tabilħaqq, bħalma kiteb Ġakbu: “Intom ma tafux x’għad isir għada.”—Ġakbu 4:14.
L-ewwel ħjiel kienet l-esperjenza li kelli maʼ dak iż-żagħżugħ li tajtu xiehda waqt li kont qed inwasslu sal-belt. Lanqas biss irrealizzajt li kont qed inlablab bla ma naqtaʼ xejn u iktar ma jmur iktar nitkellem ngħaġġel u ngħajjat. Meta liż-żagħżugħ wassaltu fejn ried imur, inħsadt meta qabeż ’il barra mit-trakk u telaq jiġri kemm jiflaħ. Il-biċċa l-kbira tan-nies fil-Gana huma min-natura tagħhom kalmi u friski bħal ħassa, u donnu xejn ma jdejjaqhom. Il-mod kif irreaġixxa kien mhux tas-soltu għall-aħħar. Bqajt bil-qegħda hemm naħseb. Irrealizzajt li kelli problema. Sewwa sew x’kienet, ma kontx naf. Imma żgur li kelli problema.
It-tieni, wara diskussjoni li fiha dħalna partikolarment fil-fond, Aileen issuġġeriet: “Mela, jekk din il-problema mhix waħda fiżika, allura trid bilfors tkun waħda mentali.” Għalhekk bir-reqqa niżżilt bil-miktub is-sintomi kollha li kelli u mort għand psikjatra. Meta qrajtlu l-lista, it-tweġiba tiegħu kienet: “Dan każ klassiku. Qed issofri minn diżordni mentali magħrufa bħala manic-depressive psychosis.”
Bqajt iċċassat! Bdejt sejjer dejjem għall-agħar hekk kif ipprovajt niġġildilha fis-sentejn taʼ wara. Bqajt infittex soluzzjoni. Imma ħadd ma kien jaf x’jistaʼ jsir. Kienet verament ġlieda li taqtagħlek nifsek.
Minn dejjem kellna f’moħħna li nibqgħu nżommu l-privileġġ tas-servizz full-time bħala l-vokazzjoni tagħna fil-ħajja, u kien hemm tant u tant x’isir. Tlabt ħafna bil-ħrara u mill-qalb: “Jehovah, jekk trid int, jien inkun nistaʼ ‘ngħix u nagħmel dan jew dak.’” (Ġakbu 4:15) Imma ma kellux ikun. Allura ffaċċjajna r-realtà u rranġajna biex nitilqu mill-Gana u nħallu lill-ħafna ħbieb tal-qalb. F’Ġunju taʼ l-1975 morna lura l-Kanada.
Jehovah Jipprovdi Għajnuna Permezz tal-Poplu Tiegħu
Ma domtx ma tgħallimt li ma kontx xi wieħed li ma jgħaddux mingħajri, u lanqas ma kienet il-problema tiegħi xi waħda unika. Ġie f’moħħi l-kliem li nsibu fl-1 Pietru 5:9: “Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom.” Ladarba fhimt sewwa dan, bdejt nagħraf kif Jehovah kien, tabilħaqq, qed iwiżinna t-tnejn minkejja din il-bidla mhix mixtieqa. ‘Ħutna mxerrdin fid-dinja’ verament għenuna ferm b’ħafna modi.
Għalkemm ma tantx kellna ġid materjali, Jehovah m’abbandunaniex. Huwa qanqal lil ħbiebna fil-Gana biex jgħinuna b’mod materjali u b’modi oħra. L-emozzjonijiet tagħna kienu mħawdin profondament meta kellna nsellmu għall-aħħar darba lil dawk li konna sirna nħobbuhom tant u nitilqu biex niffaċċjaw dan il-jum taʼ l-“għada” mhux mistenni.
Oħt Aileen, Lenora, u żewġha Alvin Friesen laqgħuna f’darhom b’qalb tajba kbira u ħadu ħsieb il-bżonnijiet tagħna b’mod ġeneruż għal bosta xhur. Wieħed psikjatra prominenti deher kunfidenti meta bassar: “Terġaʼ tqum fuq saqajk fi żmien sitt xhur.” Forsi qal hekk biex iqawwili qalbi, imma t-tbassir tiegħu ma seħħx, lanqas wara sitt snin. Sal-ġurnata tal-lum għadni nħabbat wiċċi maʼ dak li bil-pulit isejħulha bipolar mood disorder (diżordni b’żewġ estremi fil-burdata). Veru li l-isem mhux daqstant aħrax, imma dawk li jbatu minn din il-ħaġa jafu tajjeb li, ħelu kemm hu ħelu l-isem, dan b’ebda mod ma jtaffi s-sintomi koroh ferm tal-marda.
Sa dak iż-żmien, Ħuna Knorr kien diġà qed isofri minn marda li maż-żmien wasslitu għall-mewt f’Ġunju taʼ l-1977. Xorta waħda, sab il-ħin u l-enerġija biex jiktibli ittri twal u inkuraġġanti bi kliem taʼ faraġ u pariri sbieħ. Għadni ngħożżhom dawk l-ittri. Kliemu għeni ferm biex itaffili s-sentimenti taʼ falliment li spiss kont inħoss bla ebda raġuni.
Fi tmiem l-1975, kellna nċedu l-privileġġi prezzjużi li kellna fis-servizz full-time biex inkun nistaʼ nieħu ħsieb saħħti. Id-dawl normali taʼ barra kien iweġġagħli għajnejja. Kull ħoss qawwi mhux mistenni kien jidwi qisu xi sparatura minn xkubetta. Fejn ikun hemm il-folol kont inħossni se niġġennen. Kienet verament taqtigħa kbira biex sempliċi nattendi l-laqgħat Kristjani. Madankollu, kont assolutament konvint mill-valur taʼ sħubija spiritwali. Biex ma nbatix iżżejjed, kont nidħol fis-Sala tas-Saltna wara li kulħadd ikun daħal u qagħad bil-qegħda, u kont nitlaq preċiż qabel jibda jqum kulħadd fi tmiem il-programm.
Ħaġa oħra taʼ sfida kbira għalija kienet li nieħu sehem fil-ministeru pubbliku. Xi drabi, anki wara li nkun wasalt quddiem xi dar, ma kontx inkun nistaʼ nasal sal-punt li nċempel il-qanpiena. Imma ma kontx nitlaq għax kont nirrealizza li l-ministeru tagħna jfisser salvazzjoni għalina u għal kulmin iwieġeb b’mod favorevoli. (1 Timotju 4:16) Wara xi ftit, kien jirnexxili nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi, navviċina l-bieb li jkun imiss u nerġaʼ nipprova. Billi bqajt nieħu sehem fil-ministeru, żammejt ruħi f’saħħti spiritwalment, u b’hekk kont iktar kapaċi nkampa.
Minħabba n-natura kronika tal-bipolar mood disorder, bdejt nirrealizza li din il-marda kienet wisq probabbli se tibqaʼ parti minn ħajti f’din is-sistema preżenti. Fl-1981 dehru serje taʼ artikli eċċellenti fl-Awake!a Permezz tagħhom bdejt nifhem aħjar in-natura taʼ din il-marda u tgħallimt xi metodi iktar effettivi taʼ kif inkampa magħha.
Nitgħallem Inkampa
Dan kollu kien jitlob sagrifiċċju u bidla min-naħa taʼ marti. Jekk int wieħed li qed tieħu ħsieb xi ħadd f’ċirkustanzi simili, x’aktarx li tapprezzah dak li għandha xi tgħid:
“Diżordni fil-burdata tidher li ġġib bidla ħesrem fil-personalità. F’temp taʼ ftit sigħat, dak li jkun qed isofri minn din il-ħaġa jaf ikun għal xi ħin fuq ruħu u inkuraġġanti bi pjanijiet u ideat ġodda u ftit wara jsir għajjien, negattiv u anki rrabjat. Jekk ma tkunx taf li din hija marda, dan jistaʼ jġagħlek tħossok qalbek maqtugħa u mwerwer. M’għandniex xi ngħidu, il-pjanijiet li tkun għamilt tkun trid tibdilhom malajr, u hemm tibda l-ġlieda persunali kontra sentimenti taʼ diżappunt jew taʼ ċaħda.”
Ngħid għalija, meta nkun qed inħossni tajjeb iktar mis-soltu, nibda nibżaʼ. Ġo fija naf li meta nkun “burdata tajba ħafna” se nispiċċa li wara ftit naqaʼ f’“burdata ħażina ħafna.” Fil-każ tiegħi, il-“ħażina” nippreferiha mit-“tajba” għaliex il-ħażina ġeneralment ma tħallini nagħmel xejn għal ġranet sħaħ, u b’hekk ma ninvolvix ruħi f’xi ħaġa li mhix bilanċjata. Aileen tgħinni ferm billi twissini meta tarani li nkun fuq tiegħi żżejjed u tfarraġni u tappoġġani meta naqaʼ f’burdata kerha.
Hemm periklu kbir li nidħol wisq f’qoxorti u nwarrab kollox meta l-marda tkun qed taħkimni l-iktar. Wieħed jistaʼ jiġi jaqaʼ u jqum minn kulħadd meta jkun dipress jew mill-banda l-oħra ma jindunax dwar kif ikun qed iħossu u qed jirreaġixxi ħaddieħor waqt perijodu taʼ burdata tajba. Fil-passat, kien diffiċli għalija li naċċetta l-evidenza tal-problema mentali u emozzjonali tiegħi. Kelli nikkumbatti l-ħsieb li l-problema kienet ġejja minn xi ħaġa minn barra, bħal forsi xi proġett li ma rnexxiex jew minħabba xi persuna oħra. Darba wara l-oħra, kelli nfakkar lili nnifsi li ‘xejn ma kien inbidel madwari. Il-problema hi waħda minn ġewwa, mhux minn barra.’ Bil-mod il-mod, il-ħsieb tiegħi beda jiġi f’postu.
Matul is-snin, it-tnejn li aħna tgħallimna ma naħbu xejn minn xulxin u nkunu onesti magħna nfusna u m’oħrajn rigward il-qagħda tiegħi. Nipprovaw inżommu attitudni ottimista u ma nħallux il-marda tiddominalna ħajjitna.
“Għada” Aħjar mil-Lum
Permezz taʼ talb bil-ħrara u ħafna sforzi, ibbenefikajna mill-barka u mill-appoġġ taʼ Jehovah. It-tnejn li aħna issa mdaħħlin fiż-żmien. Jien għadni taħt kura medika regulari b’xi mediċini li rrid neħodhom regolarment, u għadni ninsab f’saħħti mhux ħażin. Napprezzaw ħafna kull privileġġ taʼ servizz li jistaʼ jkollna. Għadni naqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni u dejjem nipprovaw nagħtu appoġġ lil sħabna fil-fidi.
Veru li, bħalma jgħid Ġakbu 4:14: “Intom ma tafux x’għad isir għada.” Dan se jibqaʼ jkun il-każ sakemm tibqaʼ teżisti din is-sistema dinjija. Madankollu, il-kliem li nsibu f’Ġakbu 1:12 ukoll huwa minnu: “Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqlaʼ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.” Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu sodi llum u niksbu l-barkiet li Jehovah għandu lesti għalina għada.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artikli “You Can Cope With Life” (Int Tistaʼ Tkampa mal-Ħajja), fl-Awake! tat-8 t’Awissu, 1981; “How You Can Fight Depression” (Kif Tistaʼ Tiġġieled id-Dipressjoni), fil-ħarġa tat-8 taʼ Settembru, 1981; u “Attacking Major Depression” (Nattakkaw id-Dipressjoni Qawwija), fil-ħarġa tat-22 t’Ottubru, 1981.
[Stampa f’paġna 26]
Infittex li nkun waħdi fil-kamra fejn inpitter
[Stampa f’paġna 26]
Maʼ marti Aileen
[Stampa f’paġna 28]
Fl-Assemblea “Aħbar Tajba taʼ Dejjem” li saret f’Tema, il-Gana, fl-1963