Dawk li Jimxu fid-Dawl Se Jithennew
“Ejja . . . ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!”—ISAIJA 2:5.
1, 2. (a) Kemm hu importanti d-dawl? (b) It-twissija li d-dlamijiet se jiksu l-art għala hija daqshekk serja?
JEHOVAH hu s-Sors tad-dawl. Il-Bibbja tgħid li hu Dak li “għamel ix-xemx għad-dawl binhar, il-qamar u l-kwiekeb b’liġijiethom għad-dawl billejl.” (Ġeremija 31:35; Salm 8:4 [8:3, NW]) Hu Dak li ħalaq ix-xemx tagħna, li hi tistaʼ tgħid forn nukleari enormi li jipproduċi kwantità kbira taʼ enerġija. Ftit minn din l-enerġija toħroġ fl-ispazju bħala dawl u sħana, u l-ammont żgħir ħafna minn din l-enerġija li jilħaq id-dinja tagħna bħala dawl tax-xemx jagħmilha possibbli li jkun hawn il-ħajja. Mingħajr id-dawl tax-xemx ma konniex inkunu nistgħu neżistu. Id-dinja kienet tkun pjaneta bla ħajja.
2 B’dan f’moħħna, nistgħu nifhmu kemm kienet serja s-sitwazzjoni li ddeskriva l-profeta Isaija. Hu qal: “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli.” (Isaija 60:2) M’għandniex xi ngħidu, hawnhekk mhux qed jirreferi għad-dlam f’sens fiżiku. Isaija ma kienx qed ifisser li xi darba x-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb m’humiex se jibqgħu jiddu. (Salm 89:37, 38 [89:36, 37, NW]; 136:7-9) Minflok, kien qed jitkellem dwar id-dlam spiritwali. Imma d-dlam spiritwali huwa taʼ periklu għall-ħajja. Mingħajr id-dawl spiritwali ma nistgħux ngħixu wisq, daqskemm ma nistgħux ngħixu għal ħafna żmien mingħajr id-dawl fiżiku.—Luqa 1:79.
3. Meta wieħed iqis dak li qal Isaija, il-Kristjani x’għandhom jagħmlu?
3 Meta nqisu dan, hu importanti ħafna li nkunu nafu li, għalkemm il-kliem taʼ Isaija twettaq fuq Ġuda tal-qedem, dan qed ikollu twettiq akbar illum. Iva, fi żmienna d-dinja hija miksija bi dlam spiritwali. F’sitwazzjoni perikoluża bħal din, id-dawl spiritwali huwa vitali. Għal din ir-raġuni, il-Kristjani għandhom jagħmlu dak li jħeġġeġ Ġesù: “[“Ħallu,” NW] jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin.” (Mattew 5:16) Kristjani leali jistgħu jkunu dawwala f’nofs id-dlam għal uħud ġwejdin, u b’hekk jagħtuhom l-opportunità li jiksbu l-ħajja.—Ġwann 8:12.
Żminijiet taʼ Dlam f’Iżrael
4. Il-kliem profetiku taʼ Isaija meta seħħ għall-ewwel darba, imma liema sitwazzjoni diġà kienet teżisti fi żmienu stess?
4 Il-kliem taʼ Isaija dwar id-dlam li jiksi l-art twettaq l-ewwel meta s-saltna taʼ Ġuda kienet ħerba u l-poplu tagħha kien eżiljat f’Babilonja. Madankollu, saħansitra qabel seħħ dan kollu, fi żmien Isaija stess, ħafna mill-ġens kien diġà f’dalma spiritwali kbira. Dan qanqal lil Isaija biex iħeġġeġ lill-Iżraelin sħabu: “Ejja, dar Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!”—Isaija 2:5; 5:20.
5, 6. Liema fatturi wasslu biex żmien Isaija jkun żmien taʼ dlam?
5 Isaija pprofetizza f’Ġuda “fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija, slaten taʼ Ġuda.” (Isaija 1:1) Kien żmien taʼ taqlib li fih kien hemm ħafna inkwiet politiku, ipokresija reliġjuża, korruzzjoni fis-sistema ġudizzjarja, u moħqrija fuq il-fqir. Wieħed setaʼ jara artali taʼ l-allat foloz fuq il-qċaċet taʼ l-għoljiet saħansitra meta kienu jaħkmu slaten leali, bħas-Sultan Ġotam. Meta kienu jaħkmu slaten li ma kinux leali, is-sitwazzjoni kienet agħar. Per eżempju, is-Sultan mill-agħar Aħaż saħansitra wasal biex offra lil nislu f’sagrifiċċju ċerimonjali lill-alla Molek. Dan kien dlam tabilħaqq!—2 Slaten 15:32-34; 16:2-4.
6 Is-sitwazzjoni internazzjonali kienet imdallma wkoll. Mowab, Edom, u l-Filistja, li kienu ġirien tas-saltna taʼ Ġuda, kienu taʼ theddida kontinwa. Għalkemm kienu demm wieħed, is-saltna taʼ Iżrael, li kienet fit-tramuntana, iddikjarat lilha nfisha għadu taʼ Ġuda. Is-Sirja, li kienet tinsab iktar ’il fuq, ukoll kienet qed thedded il-paċi taʼ Ġuda. Saħansitra iktar perikoluża kienet l-Assirja tant kiefra, li dejjem kienet attenta għal kull opportunità biex iżżid il-poter tagħha. Matul il-perijodu li fih ipprofetizza Isaija, l-Assirja għelbet lil Iżrael u kważi qerdet lil Ġuda. Kien hemm żmien meta l-Assirja kienet għelbet lil kull belt fortifikata f’Ġuda minbarra ’l Ġerusalemm.—Isaija 1:7, 8; 36:1.
7. Liema triq għażlu Iżrael u Ġuda, u Jehovah kif aġixxa minħabba f’dan?
7 Il-poplu li kien f’patt m’Alla sofra dawn id-diżastri għaliex Iżrael u Ġuda ma baqgħux leali lejh. L-istess bħal dawk li huma msemmijin fil-ktieb tal-Proverbji, huma kienu qed ‘jitilqu t-toroq it-tajba, biex jimxu f’toroq mudlama.’ (Proverbji 2:13, KŻ) Madankollu, għalkemm Jehovah kien irrabjat għall-poplu tiegħu, hu m’abbandunahx għalkollox. Minflok, ħatar lil Isaija u lil profeti oħrajn biex jipprovdu d-dawl spiritwali għal dawk fost il-ġens li kienu għadhom qed jagħmlu ħilithom biex jaqdu lil Jehovah lealment. Id-dawl provdut permezz taʼ dawn il-profeti kien prezzjuż tabilħaqq. Kien jagħti l-ħajja.
Żminijiet taʼ Dlam Illum
8, 9. Liema fatturi jwasslu biex żmienna jkun żmien taʼ dlam?
8 Is-sitwazzjoni fi żmien Isaija kienet simili ferm għal dik li naraw illum. Fi żmienna, il-mexxejja umani taw daharhom lil Jehovah u lis-Sultan tiegħu, Ġesù Kristu, li jinsab fuq it-tron. (Salm 2:2, 3) Il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu qarrqu bil-merħliet tagħhom. Dawn il-mexxejja jgħidu li jaqdu lil Alla, imma fir-realtà l-biċċa l-kbira minnhom jinkuraġġixxu l-appoġġ lill-allat taʼ din id-dinja—in-nazzjonaliżmu, il-militariżmu, ir-rikkezzi, u n-nies prominenti—minbarra li jgħallmu duttrini pagani.
9 F’post wara l-ieħor, ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu ħadu sehem fi gwerer u konflitti ċivili karatterizzati minn tindif etniku u ħruxijiet oħrajn. Barra minn hekk, minflok ma jżommu sod mal-moralità tal-Bibbja, ħafna reliġjonijiet qegħdin jagħlqu għajnejhom jew jagħtu l-appoġġ bl-azzjonijiet tagħhom għal prattiċi immorali bħall-fornikazzjoni u l-omosesswalità. Minħabba li l-prinċipji tal-Bibbja ġew imwarrbin b’dan il-mod, il-merħliet tal-Kristjaneżmu huma bħal dawk in-nies li tkellem dwarhom is-salmista tal-qedem: “La jafu u lanqas jifhmu, fid-dlam qegħdin jimxu.” (Salm 82:5) Kemm hu veru li l-Kristjaneżmu, bħal Ġuda tal-qedem, qiegħed f’dalma ħoxna!—Apokalissi 8:12.
10. Id-dawl kif jiddi fid-dlam li hawn illum, u nies ġwejdin kif jibbenefikaw?
10 F’nofs dan id-dlam kollu, Jehovah qed iġiegħel id-dawl jiddi għall-benefiċċju taʼ wħud ġwejdin. Għal dan l-għan, hu qiegħed juża lill-qaddejja midlukin tiegħu fuq l-art, “l-ilsir leali u diskret,” u dawn qegħdin ‘jiddu fid-dinja bħal kwiekeb.’ (Mattew 24:45, NW; Filippin 2:15) Din il-klassi taʼ l-ilsir, li hi appoġġata minn miljuni taʼ “nagħaġ oħra” sħabhom, tirrifletti dawl spiritwali bbażat fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. (Ġwann 10:16) F’din id-dinja miksija bid-dlam, dan id-dawl jagħti t-tama lill-ġwejdin, ikun t’għajnuna biex ikollhom relazzjoni m’Alla, u jgħinhom jevitaw in-nases spiritwali. Huwa prezzjuż, u jagħti l-ħajja.
“Infaħħar Ismek”
11. Jehovah liema informazzjoni pprovda fi żmien Isaija?
11 Liema tip taʼ gwida pprovda Jehovah fiż-żmien taʼ dlam li kien jgħix fih Isaija u fiż-żmien saħansitra iktar mudlam li ġie wara, meta l-Babiloniżi ħadu lill-poplu taʼ Jehovah fil-jasar? Minbarra li pprovda gwida morali, hu wera biċ-ċar minn qabel kif kien se jwettaq l-iskopijiet li kienu jinvolvu lill-poplu tiegħu. Per eżempju, ikkunsidra l-profeziji sbieħ li hemm f’Isaija kapitli 25 sa 27. Il-kliem li hemm f’dawn il-kapitli jindika kif aġixxa Jehovah dak iż-żmien u kif jaġixxi llum.
12. Isaija kif jesprimi ruħu mill-qalb?
12 L-ewwel, Isaija jiddikjara: “O Mulej, int Alla tiegħi: jien neżaltak, u nfaħħar ismek.” X’espressjoni taʼ tifħir mill-qalb! Imma x’kien li qanqal lill-profeta biex ilissen talba bħal din? Fattur ewlieni nsiru nafuh mill-bqija tal-vers, fejn naqraw: “Għax int [Jehovah] għamilt ħwejjeġ tal-għaġeb; il-ħsibijiet tiegħek, taʼ żmien ilu, huma fidili u ma jonqsux.”—Isaija 25:1, KŻ.
13. (a) Liema għarfien ġiegħel lil Isaija japprezza iktar lil Jehovah? (b) Kif nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Isaija?
13 Sa żmien Isaija, Jehovah kien wettaq ħafna għemejjel taʼ l-għaġeb għal Iżrael, u dawn kienu tniżżlu bil-miktub. Mid-dehra Isaija kien familjari maʼ dawn il-kitbiet. Per eżempju, hu kien jaf li Jehovah kien ħareġ lill-poplu tiegħu mill-jasar fl-Eġittu u salvahom mill-korla taʼ l-armata tal-Fargħun ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Kien jaf li Jehovah mexxa ’l-poplu tiegħu minn ġod-deżert u daħħalhom fl-Art Imwegħda. (Salm 136:1, 10-26) Rakkonti storiċi bħal dawn urew li Alla Jehovah hu leali u taʼ min jafdah. Il-“ħsibijiet” tiegħu—l-affarijiet kollha li jidħlu fl-iskop tiegħu—iseħħu. Dan l-għarfien eżatt li Isaija rċieva mingħand Alla saħħu biex ikompli miexi fid-dawl. F’dan ir-rigward, hu kien taʼ eżempju mill-aqwa għalina. Jekk nistudjaw il-Kelma miktuba t’Alla bir-reqqa u napplikawha f’ħajjitna, aħna wkoll se nibqgħu fid-dawl.—Salm 119:105; 2 Korintin 4:6.
Belt Tiġi Meqruda
14. X’jiġi profetizzat dwar ċerta belt, u din liema belt x’aktarx li kienet?
14 Eżempju wieħed tal-ħsibijiet t’Alla nsibuh f’Isaija 25:2, fejn naqraw: “Għax il-belt għamiltha gozz ġebel, ħerba l-belt bis-swar imdawwra. Il-fortizza tal-kburin ma għadhiex belt iżjed, ma tinbena qatt aktar.” X’inhi din il-belt? X’aktarx li Isaija kien qed jitkellem profetikament dwar Babilonja. Tabilħaqq, iż-żmien meta Babilonja saret sempliċi gozz ġebel wasal tassew.
15. Liema ‘belt kbira’ teżisti llum, u x’se jiġrilha?
15 Il-belt imsemmija minn Isaija għandha pariġġ illum? Iva. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jitkellem dwar il-“Belt il-Kbira, li għandha s-saltna fuq is-slaten taʼ l-art.” (Apokalissi 17:18) Din il-belt il-kbira hija “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:5) Illum, il-parti prinċipali taʼ Babilonja l-Kbira hija l-Kristjaneżmu, li l-kleru tiegħu huwa minn taʼ quddiem f’li jopponi x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna li jwettaq il-poplu taʼ Jehovah. (Mattew 24:14) Madankollu, l-istess bħal Babilonja tal-qedem, Babilonja l-Kbira dalwaqt se tinqered, u qatt ma se terġaʼ tqum.
16, 17. L-għedewwa taʼ Jehovah kif igglorifikawh fl-imgħoddi u fi żmienna?
16 X’jipprofetizza iktar Isaija dwar il-‘belt imdawra bis-swar’? Waqt li jindirizza lil Jehovah, Isaija jgħid: “Għalhekk ifaħħrek poplu b’saħħtu, il-belt taʼ ġnus [“kiefra,” KŻ] tibżaʼ minnek.” (Isaija 25:3) Din il-belt taʼ l-għedewwa, “il-belt taʼ ġnus [“kiefra,” KŻ],” kif se tigglorifikah lil Jehovah? Sewwa, ftakar f’dak li ġara lil Nabukodonosor, l-iktar sultan setgħan taʼ Babilonja. Wara li għadda minn esperjenza li ġagħlitu jidħol f’qoxortu u wriet x’kienet id-dgħjufija tiegħu stess, hu ġie mġiegħel jammetti li Jehovah huwa tassew kbir u jistaʼ kollox. (Danjel 4:31, 32 [4:34, 35, NW]) Meta Jehovah juża l-qawwa tiegħu, saħansitra l-għedewwa tiegħu jkollhom jirrikonoxxu, għalkemm kontra qalbhom, ix-xogħlijiet setgħana taʼ Jehovah.
17 Babilonja l-Kbira qatt ġiet imġagħla tirrikonoxxi x-xogħlijiet setgħana taʼ Jehovah? Iva. Matul l-ewwel gwerra dinjija, il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah wettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar bi tbatija. Fl-1918, huma ttieħdu f’jasar spiritwali meta xi uffiċjali ewlenin tal-Watch Tower Society ġew mitfugħin il-ħabs. Ix-xogħol organizzat taʼ l-ippridkar tistaʼ tgħid waqaf. Imbagħad, fl-1919, Jehovah tahom il-ħajja mill-ġdid u saħħaħhom permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, sabiex b’hekk setgħu jibdew iwettqu l-inkarigu li jippridkaw l-aħbar tajba fl-art abitata kollha. (Mark 13:10) Dan kollu, kif ukoll l-effett li dan kellu fuq l-opponenti tagħhom, ġie profetizzat fil-ktieb taʼ l-Apokalissi. L-opponenti tagħhom “twerwru u taw glorja lil Alla tas-sema.” (Apokalissi 11:3, 7, 11-13) Dan ma jfissirx li dawn kollha kkonvertew, imma ġew imġagħlin jirrikonoxxu l-għemil setgħani li Jehovah kien wettaq f’din l-okkażjoni, bħalma kien bassar Isaija.
“Fortizza għall-Imsejken”
18, 19. (a) Dawk li jopponu għala ma rnexxilhomx ikissru l-integrità tal-poplu taʼ Jehovah? (b) “L-għanja tan-nies kefrin” kif se tiġi msikkta?
18 Isaija issa jitkellem dwar il-mod ħanin kif Jehovah jittratta maʼ dawk li jimxu fid-dawl. Hu jgħid lil Jehovah: “Għax int kont fortizza għall-imsejken, fortizza għall-fqir fid-dwejjaq tiegħu, kenn mit-tempesta, dell għas-sħana, għax in-nefħa tal-kefrin hi bħal tempesta tax-xita li taħbat mal-ħajt. Inti trażżan l-għagħa tal-barranin, bħas-sħana f’art niexfa; bħas-sħana bid-dell taʼ sħaba, titbaxxa [jew, tissikket] l-għanja tan-nies kefrin.”—Isaija 25:4, 5, KŻ.
19 Mill-1919 ’l hawn, uħud kefrin ipprovaw minn kollox biex ikissru l-integrità taʼ l-adoraturi veri, imma fallielhom. Għala? Għaliex Jehovah hu l-fortizza u l-kenn tan-nies tiegħu. Hu jipprovdi l-frisk fid-dell mis-sħana tikwi tal-persekuzzjoni u hu wieqaf bħal ħajt sod kontra x-xita qawwija taʼ l-oppożizzjoni. Aħna li nimxu fid-dawl t’Alla nħarsu ’l quddiem bil-fiduċja lejn iż-żmien meta “titbaxxa [jew, tissikket] l-għanja tan-nies kefrin.” Iva, aħna nistennew bil-ħerqa l-jum meta l-għedewwa taʼ Jehovah jkunu sparixxew.
20, 21. Liema pranzu kbir jipprovdi Jehovah, u x’se jinkludi dan il-pranzu fid-dinja l-ġdida?
20 Jehovah mhux biss jipproteġi lill-qaddejja tiegħu, iżda jipprovdilhom bħala Missier li jħobbhom. Wara li ħeles lin-nies tiegħu minn Babilonja l-Kbira fl-1919, hu poġġa quddiemhom pranzu kbir tar-rebħa, provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali. Dan tbassar f’Isaija 25:6, fejn naqraw: “Jagħmel il-Mulej taʼ l-eżerċti għall-popli kollha fuq din il-muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.” Kemm aħna mberkin li nistgħu ngawdu minn din il-festa! (Mattew 4:4) Tabilħaqq, hemm abbundanza taʼ ikel tajjeb fuq “il-Mejda tal-Mulej.” (1 Korintin 10:21) Permezz taʼ “l-ilsir leali u diskret,” aħna ningħataw dak kollu li qatt jistaʼ jkollna bżonn f’sens spiritwali.
21 Dan il-pranzu provdut minn Alla jinkludi iktar affarijiet. Il-festa spiritwali li qed ingawdu issa tfakkarna fl-abbundanza taʼ ikel materjali li se jkun hemm fid-dinja l-ġdida mwegħda minn Alla. F’dak iż-żmien, il-“mejda b’ikel fin” se tinkludi ikel materjali bix-xabaʼ. Ħadd ma se jkun bil-ġuħ, la f’sens fiżiku u lanqas f’sens spiritwali. X’serħan se jkun dan għall-għeżież ħutna leali li issa qed ibatu minħabba l-“ġuħ kbir” imbassar bħala parti mis-“sinjal” tal-preżenza taʼ Ġesù! (Mattew 24:3, 7) Għalihom, il-kliem tas-salmista huwa verament taʼ faraġ. Hu qal: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.”—Salm 72:16.
22, 23. (a) Liema “għata,” jew “velu,” se titneħħa, u kif? (b) ‘L-għajb tal-poplu taʼ Jehovah’ kif se jitneħħa?
22 Jehovah jwiegħed li se jwettaq affarijiet saħansitra iktar taʼ l-għaġeb. Isaija issa jqabbel id-dnub u l-mewt maʼ “għata,” jew “velu.” Hu jgħid: “[Jehovah] jċarrat minn fuq din il-muntanja l-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha, għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.” (Isaija 25:7) Aħseb ftit! Id-dnub u l-mewt, li taqqlu lill-umanità bħal kutra ħoxna li ma tgħaddix arja minnha, mhux se jibqgħu jeżistu. Kemm nixxennqu għal dak il-jum meta l-benefiċċji tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa jiġu applikati bis-sħiħ fuq l-umanità ubbidjenti u leali!—Apokalissi 21:3, 4.
23 Dwar dak iż-żmien sabiħ, il-profeta ispirat jassigurana: “[Alla] jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ, u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha: għax il-Mulej tkellem.” (Isaija 25:8) Ħadd ma se jmut b’kawżi naturali jew jibki għax ikun tilef lil xi ħadd maħbub. X’barka se tkun din il-bidla! Barra minn hekk, imkien fuq l-art ma se jinstemaʼ t-tmaqdir u t-tixrid taʼ gideb li tant ilhom jissaportu Alla u l-qaddejja tiegħu. Għala le? Għaliex Jehovah se jwarrab min-nofs lis-sors tagħhom—missier il-gidba, Satana x-Xitan, flimkien maż-żerriegħa kollha taʼ Satana.—Ġwann 8:44.
24. Dawk li jimxu fid-dawl kif jirreaġixxu meta joqogħdu jirriflettu dwar ix-xogħlijiet setgħana li Jehovah jagħmel għalihom?
24 Meta joqogħdu jirriflettu dwar dawn it-turijiet tal-qawwa taʼ Jehovah, dawk li jimxu fid-dawl jitqanqlu biex jgħidu bil-ferħ: “Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu lMulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.” (Isaija 25:9) Dalwaqt, il-bnedmin twajbin tabilħaqq li se jkollhom għalfejn jithennew. Id-dlam se jisparixxi għalkollox, u dawk li jibqgħu leali se jgawdu bis-sħiħ id-dawl taʼ Jehovah għall-eternità kollha. Jistaʼ jkollna tama isbaħ minn din? Le, tabilħaqq!
Tistaʼ Tispjega?
• Illum għala hu vitali li nimxu fid-dawl?
• Isaija għala faħħar isem Jehovah?
• L-għedewwa għala qatt m’huma se jkissru l-integrità tal-poplu t’Alla?
• Liema barkiet kbar hemm jistennew lil dawk li jimxu fid-dawl?
[Stampa f’paġna 13]
L-abitanti taʼ Ġuda ssagrifikaw it-tfal lil Molek
[Stampi f’paġna 15]
Għarfien dwar l-għemejjel setgħana taʼ Jehovah qanqal lil Isaija biex ifaħħar isem Jehovah
[Stampa f’paġna 16]
It-twajbin se jgawdu bis-sħiħ id-dawl taʼ Jehovah għal dejjem