LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 3/1 pp. 23-27
  • Imsaħħaħ Minn Jehovah l-Jiem Kollha taʼ Ħajti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imsaħħaħ Minn Jehovah l-Jiem Kollha taʼ Ħajti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xewqa li Nkabbru l-​Ministeru Tagħna
  • Naqdu fin-​Nikaragwa
  • Nerġgħu Mmorru Naqdu f’Pajjiż Ieħor
  • Inkampaw maʼ l-​Għawġ
  • Inżomm l-​Ispiritwalità
  • Kien taʼ Sfida u taʼ Ferħ li Rrabbi Tmint Itfal fil-Mogħdijiet taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Grat Minkejja t-Traġedji—Kif il-Bibbja Għenitni Nkampa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ma Kont Inbiddel Xejn!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 3/1 pp. 23-27

Bijografija

Imsaħħaħ Minn Jehovah l-​Jiem Kollha taʼ Ħajti

KIF RAKKONTATA MINN FORREST LEE

Il-​pulizija kienu għadhom kemm ikkonfiskawlna l-​fonografi u l-​letteratura Biblika li kellna. Dawk li kienu jopponu x-​xogħol tagħna użaw it-​Tieni Gwerra Dinjija bħala skuża biex iġagħlu lill-​gvernatur ġenerali l-​ġdid tal-​Kanada jiddikjara l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah bħala attività illegali. Dan ġara fl-​4 taʼ Lulju, 1940.

MINGĦAJR ma ħallejna dak li ġara jbeżżagħna, ħadna iktar letteratura minfejn kienet maħżuna u komplejna l-​ippridkar tagħna. Jien dejjem se nibqaʼ niftakar il-​kliem li qal missieri dak in-​nhar: “Aħna ma niqfux daqshekk malajr. Huwa Jehovah li kkmandana biex nippridkaw.” Dak iż-​żmien, kont tifel t’għaxar snin mimli enerġija. Imma anki llum, id-​determinazzjoni li kellu missieri u ż-​żelu tiegħu għall-​ministeru dejjem ifakkruni kif Alla tagħna, Jehovah, isaħħaħ lill-​uħud leali tiegħu.

Meta reġgħu waqqfuna l-​pulizija, mhux biss ħadulna l-​letteratura tagħna imma arrestaw lil missieri wkoll, u ommi spiċċat waħedha b’erbat itfal. Dan ġara f’Settembru taʼ l-​1940 f’Saskatchewan. Ftit wara dan, ġejt imkeċċi mill-​iskola talli aġixxejt skond il-​kuxjenza tiegħi li kienet imħarrġa fuq il-​Bibbja, u b’hekk ma sellimtx ’il-bandiera jew kantajt l-​innu nazzjonali. Billi komplejt l-​istudji tiegħi d-​dar, kelli skeda flessibbli, u b’hekk ħadt sehem iktar bis-​sħiħ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar.

Fl-1948 saret sejħa biex il-​pijunieri, kif jissejħu l-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, imorru jaqdu fl-​inħawi tal-​kosta fil-​lvant tal-​Kanada. Għalhekk, mort nagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier f’Halifax, Nova Scotia, u f’Cape Wolfe, Prince Edward Island. Is-​sena taʼ wara aċċettajt l-​istedina biex naħdem għal ħmistax fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Toronto. Dan il-​perijodu taʼ ħmistax twal għal iktar minn sitt snin premjanti taʼ servizz. Wara xi żmien iltqajt maʼ Myrna, li kienet tħobb lil Jehovah bħali, u żżewwiġna f’Diċembru taʼ l-​1955. Morna noqogħdu f’Milton, ġewwa Ontario, u malajr ġiet ifformata kongregazzjoni ġdida hemmhekk. Il-​kantina tad-​dar tagħna saret is-​Sala tas-​Saltna.

Ix-​Xewqa li Nkabbru l-​Ministeru Tagħna

Fis-​snin taʼ wara sirna ġenituri taʼ sitt itfal li ġew pjuttost f’xulxin. L-​ewwel waħda kienet tifla, Miriam. Imbagħad kellna lil Charmaine, lil Mark, lil Annette, lil Grant, u fl-​aħħar lil Glen. Spiss kont immur id-​dar wara x-​xogħol u nsib lit-​tfal bil-​qegħda maʼ l-​art madwar il-​fireplace, waqt li Myrna kienet toqgħod taqralhom mill-​Bibbja, tispjegalhom ir-​rakkonti Bibliċi u tnaqqxilhom f’qalbhom imħabba vera għal Jehovah. Grazzi għall-​appoġġ kollu mħabba min-​naħa tagħha, uliedna kollha kisbu għarfien dwar il-​Bibbja minn età żgħira.

Iż-żelu taʼ missieri għall-​ministeru ħallieli impressjoni li ma tmur qatt minn moħħi u minn qalbi. (Proverbji 22:6) B’hekk, fl-​1968, meta saret sejħa biex familji tax-​Xhieda taʼ Jehovah jmorru lejn l-​Amerika Ċentrali u l-​Amerika t’Isfel biex jgħinu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, il-​familja tagħna xtaqet tmur. Sadanittant, uliedna kellhom minn 5 sa 13-il sena, u ħadd minna ma kien jaf kelma bl-​Ispanjol. Jien segwejt id-​direzzjoni mogħtija, u vvjaġġajt lejn diversi pajjiżi sabiex nara ftit x’kienu l-​kundizzjonijiet tal-​ħajja hemmhekk. Wara li ġejt lura, ikkunsidrajna l-​għażliet tagħna bit-​talb bħala familja u ddeċidejna li mmorru noqogħdu fin-​Nikaragwa.

Naqdu fin-​Nikaragwa

Sa Ottubru taʼ l-​1970 konna morna noqogħdu fid-​dar il-​ġdida tagħna, u fi żmien tliet ġimgħat ġejt inkarigat b’parti żgħira mill-​programm f’laqgħa tal-​kongregazzjoni. Batejt ħafna biex tajt it-​taħdita bil-​ftit Spanjol li kont naf, u fl-​aħħar ikkonkludejt billi stidint lill-​kongregazzjoni kollha d-​dar tagħna għal cerveza s-​Sibt fid–9:30 taʼ fil-​għodu. Jien ridt ngħid servicio, il-​kelma għal servizz taʼ l-​għalqa, imma fil-​fatt kont stidint lil kulħadd għall-​birra. Li nitgħallem il-​lingwa kien tassew taʼ sfida!

Għall-ewwel kont nikteb preżentazzjoni fuq idi u noqgħod nirrepetiha kull darba qabel ma nasal fuq il-​bieb. Kont ngħid: “B’dan il-​ktieb jiġi studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas.” Wieħed raġel, wara li aċċetta l-​offerta u ġie għal-​laqgħat tagħna, qal li kien ġie biex jiskopri x’kont qed nipprova ngħidlu. Dan ir-​raġel sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Kemm hu veru li Alla hu dak li jkabbar iż-​żerriegħa tal-​verità fi qlub umlin, l-​istess bħalma rrikonoxxa l-​appostlu Pawlu!—1 Korintin 3:7.

Wara li konna ilna kważi sentejn f’Managua, il-​belt kapitali, intlabna mmorru naqdu fil-​parti tan-​nofsinhar tan-​Nikaragwa. Hemmhekk ħdimna mal-​kongregazzjoni f’Rivas u maʼ gruppi iżolati taʼ wħud interessati li kien hemm fil-​viċin. Pedro Peña, Xhud leali li kien iktar avanzat fl-​età, kien jiġi miegħi meta konna mmorru nżuru dawn il-​gruppi. Grupp wieħed kien jinsab fuq gżira vulkanika f’Lake Nicaragua, fejn kien hemm familja waħda biss li kienu Xhieda taʼ Jehovah.

Għalkemm din il-​familja kienet fqira, huma għamlu sforz kbir biex juru apprezzament għaż-​żjara tagħna. F’dik il-​lejla meta wasalna, ħejjewlna ikla. Domna ġimgħa hemmhekk, u ħafna minn dawn in-​nies għeżież li kienu jħobbu l-​Bibbja qasmu magħna l-​ikel tagħhom. Kemm konna eċċitati meta rajna 101 li attendew għat-​taħdita pubblika dwar il-​Bibbja li ngħatat il-​Ħadd!

Jien inħoss li l-​qawwa li ssaħħaħ taʼ Jehovah ntweriet meta, f’okkażjoni oħra, kellna mmorru nżuru grupp taʼ nies interessati fuq il-​muntanji ħdejn il-​fruntiera tal-​Kosta Rika. Dak in-​nhar li kellna nitilqu, Pedro ġie għalija, imma jien kont fis-​sodda bil-​malarja. “Ma nistax niġi, Pedro,” għedtlu jien. Hekk kif poġġa idu fuq moħħi, weġibni: “Għandek ħafna deni, imma jkollok tiġi! L-​aħwa qed jistennewna.” Imbagħad hu qal waħda mill-​iktar talbiet mill-​qalb li qatt smajt.

Wara dan, għedtlu: “Mur ħu fresco (xarba tal-​frott). Daqs għaxar minuti oħra nkun lest.” F’dawk l-​inħawi fejn morna, kienu joqogħdu żewġ familji taʼ Xhieda, u dawn ħadu ħsiebna ħafna. L-​għada morna nippridkaw magħhom, għalkemm jien kont għadni m’iniex f’sikkti minħabba d-​deni. Kemm issaħħaħt meta rajt ’il fuq minn mitt persuna preżenti għal-​laqgħa tagħna tal-​Ħadd!

Nerġgħu Mmorru Naqdu f’Pajjiż Ieħor

Fl-​1975 twieled is-​sebaʼ wieħed mit-​tfal tagħna, Vaughn. Is-​sena taʼ wara, kellna mmorru lura lejn il-​Kanada minħabba raġunijiet finanzjarji. Ma kienx faċli għalina li nitilqu min-​Nikaragwa għaliex fiż-​żmien li domna hemm konna tassew ħassejna l-​qawwa li ssaħħaħ taʼ Jehovah. Sakemm ġejna biex nitilqu, kien hemm ’il fuq minn 500 ruħ fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tagħna li kienu jattendu għal-​laqgħat.

Iktar qabel, meta jien u t-​tifla tagħna Miriam konna ġejna maħturin bħala pijunieri speċjali fin-​Nikaragwa, Miriam staqsietni: “Pa, li kieku jkollok terġaʼ titlaq lejn il-​Kanada, tħallini nibqaʼ hawnhekk?” Qatt ma kelli l-​ħsieb li nitlaq, u għalhekk kont għedtilha: “Ħeqq, dażgur!” Għalhekk, meta tlaqna, Miriam baqgħet hemmhekk biex tkompli l-​ministeru full-time tagħha. Iktar tard, hi żżewġet lil Andrew Reed. Fl-​1984 huma attendew is-​77 klassi taʼ Gilgħad, l-​iskola missjunarja tax-​Xhieda taʼ Jehovah, li dak iż-​żmien kienet fi Brooklyn, New York. Issa Miriam qed taqdi maʼ żewġha fir-​Repubblika Dominikana, u b’hekk qed taqtaʼ x-​xewqa li daħħlulha ġewwa fiha l-​missjunarji eċċellenti li kienu jaqdu fin-​Nikaragwa.

Sadanittant, il-​kliem taʼ missieri, “aħna ma niqfux daqshekk malajr,” kien għadu bħal nar jaqbad ġewwa fija. Għalhekk, sa l-​1981 konna faddalna biżżejjed flus biex nirritornaw lejn l-​Amerika Ċentrali, u b’hekk erġajna morna naqdu f’pajjiż ieħor, din id-​darba fil-​Kosta Rika. Meta konna qed naqdu hemmhekk ġejna mistidnin ngħinu fil-​bini tal-​faċilitajiet tal-​fergħa li kienu qed jinbnew. Madankollu, fl-​1985, it-​tifel tagħna Grant kien jeħtieġ kura medika, u għalhekk morna lura lejn il-​Kanada. Glen baqaʼ fil-​Kosta Rika biex jaħdem fuq il-​proġett tal-​bini tal-​fergħa, waqt li Annette u Charmaine qdew bħala pijunieri speċjali. Aħna li tlaqna mill-​Kosta Rika qatt ma ħlomna li ma konniex se nerġgħu mmorru lura.

Inkampaw maʼ l-​Għawġ

Nhar is-​17 taʼ Settembru, 1993, sebaħ jum b’xemx tiddi. Jien u t-​tifel il-​kbir tagħna, Mark, konna qed nagħmlu xi xogħol fuq is-​saqaf taʼ dar. Konna qed naħdmu ħdejn xulxin u nitkellmu dwar affarijiet spiritwali, bħalma dejjem nagħmlu. Bla ma naf kif tlift il-​bilanċ u waqajt għal isfel. Meta erġajt ġejt f’sensija, kulma bdejt nara kienu dwal qawwijin u nies libsin l-​abjad. Kienet il-​kamra taʼ l-​emerġenza taʼ l-​isptar.

Minħabba dak li tgħid il-​Bibbja, l-​ewwel ħaġa li għedt kienet: “Ma rridx demm, ma rridx demm!” (Atti 15:​28, 29) Kemm qawwejt qalbi meta smajt lil Charmaine tgħidli: “Tinkwetax, Pa. Aħna kollha qegħdin hawn.” Wara sirt naf li t-​tobba kienu raw id-​dokument mediku tiegħi, u ma nħolqitx kustjoni fuq l-​użu tad-​demm. Kont ksirt għonqi u bqajt paralizzat kompletament, tant li lanqas biss stajt nieħu n-​nifs waħdi.

Minħabba li ma stajtx nitħarrek, issa kelli iktar bżonn minn qatt qabel li niġi msaħħaħ minn Jehovah. Għamluli operazzjoni msejħa trakeotomija biex idaħħluli pajp ħalli nkun nistaʼ nieħu n-​nifs. Minħabba din l-​operazzjoni ma setgħetx tgħaddi l-​arja lejn il-​kordi vokali tiegħi, u b’hekk ma stajtx nitkellem. In-​nies kellhom joqogħdu jaqrawli xofftejja biex jifhmu dak li kont inkun qed nipprova ngħidilhom.

L-ispejjeż malajr telgħu. Billi marti u l-​biċċa l-​kbira taʼ wliedi kienu jaqdu fil-​ministeru full-time, bdejt ninkwieta li kien se jkollhom jieqfu minn dan is-​servizz sabiex jieħdu ħsieb dawn ir-​responsabbiltajiet finanzjarji. Madankollu, Mark irnexxielu jsib xogħol li fi tliet xhur biss għen biex ikopri l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​ispiża. B’dan il-​mod, kollha kemm huma setgħu jibqgħu fil-​ministeru full-time minbarra jien u marti.

Fuq il-​ħitan tal-​kamra tiegħi fl-​isptar kien hemm imwaħħlin mijiet taʼ kartolini u ittri minn sitt pajjiżi differenti. Jehovah tassew kien qed isaħħaħni. Il-​kongregazzjoni wkoll għenet lill-​familja tiegħi billi pprovditilhom l-​ikel matul parti mill-​ħames xhur u nofs li domt fit-​taqsima tal-​kura intensiva. Kuljum kien jiġi anzjan Kristjan iqattaʼ l-​wara nofsinhar miegħi, u kien joqgħod jaqrali mill-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Bibliċi, kif ukoll jirrakkontali xi esperjenzi inkuraġġanti. Żewġ membri tal-​familja tiegħi kienu jippreparaw għal kull laqgħa tal-​kongregazzjoni miegħi, u b’hekk qatt ma kont nieqes mill-​ikel spiritwali li hu tant vitali.

Waqt li kont għadni l-​isptar, sar arranġament sabiex inkun nistaʼ nattendi l-​programm tal-​jum t’assemblea speċjali. L-​istaff taʼ l-​isptar irranġa sabiex inkun akkumpanjat il-​ġurnata kollha minn infermiera u minn xi ħadd kwalifikat li setaʼ jgħinni jekk ikolli problemi tan-​nifs. Kemm ħadt gost li erġajt kont maʼ ħuti l-​Kristjani! Qatt ma se ninsa x-​xena taʼ dawk il-​mijiet li rajthom jifformaw kju waqt li jistennew meta jmisshom biex jiġu jifirħu bija.

Inżomm l-​Ispiritwalità

Madwar sena wara l-​inċident, stajt immur lura d-​dar mal-​familja tiegħi, għalkemm xorta għandi bżonn tal-​kura minn infermiera 24 siegħa kuljum. Għandna vann mgħammar b’mod speċjali sabiex inkun nistaʼ mmur għal-​laqgħat, li rari nitlifhom. Iżda, irrid nammetti li biex immur jeħtieġ li nkun tassew determinat. Minn mindu ġejt id-​dar, irnexxieli nattendi l-​konvenzjonijiet distrettwali kollha.

Maż-żmien, fi Frar taʼ l-​1997, erġajt ksibt il-​kapaċità li nitkellem xi ftit, għalkemm xorta għadni limitat. Xi wħud mill-​infermieri joqogħdu jisimgħuni b’apprezzament hekk kif naqsam magħhom it-​tama tiegħi li hi bbażata fuq il-​Bibbja. Waħda mill-​infermieri qratli l-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom kollu kif ukoll pubblikazzjonijiet oħra tal-​Watch Tower. Nikteb l-​ittri lin-​nies billi nuża stikka biex inħaddem kompjuter. Għalkemm li nikteb b’dan il-​mod hu xi ftit tedjanti, hija barka li nistaʼ nibqaʼ involut fil-​ministeru.

Jien inbati ħafna bl-​uġigħ fin-​nervituri. Imma donnu li meta nkun qed naqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja m’oħrajn jew meta xi ħadd jaqrahomli, xi ftit jew wisq dan l-​uġigħ itaffi. Kultant, immur nagħti xiehda fit-​toroq flimkien maʼ marti, li verament tappoġġani, u meta jkolli bżonn, tfiehem hi dak li nkun nixtieq ngħid. Stajt naqdi bħala pijunier awżiljarju diversi drabi. Li naqdi bħala anzjan Kristjan iġibli l-​ferħ, speċjalment meta l-​aħwa jiġu fuqi biex ikellmuni fil-​laqgħat jew jiġu jżuruni d-​dar tiegħi u nkun nistaʼ ngħinhom u ninkuraġġihom.

Nammetti li faċli biex inħossni dipress. Għalhekk, kulmeta nħossni mdejjaq, nitlob minnufih għall-​ferħ. Lil Jehovah nitolbu lejl u nhar biex jibqaʼ jsaħħaħni. Tgħidx kemm nifraħ kull darba li nirċievi xi ittra jew jiġi jżurni xi ħadd. Li naqra t-​Torri taʼ l-​Għassa jew Stenbaħ! ukoll jgħinni nimla moħħi bi ħsibijiet li jibnu. Xi kultant ikun hemm xi ħadd mill-​infermieri li joqgħod jaqrali dawn ir-​rivisti. Minn mindu kelli l-​inċident, il-​qari tal-​Bibbja sħiħa fuq il-​kasetts smajtu sebaʼ darbiet. Dawn huma xi modi differenti li bihom Jehovah kien u għadu jsaħħaħni.—Salm 41:4 [41:​3, NW].

Il-bidla fiċ-​ċirkustanzi tiegħi ħallietli ħafna ħin biex nimmedita fuq kif l-​Għalliem Grandjuż tagħna, Jehovah, jgħallimna kif għandna ngħixu. Hu jagħtina għarfien eżatt dwar ir-​rieda u l-​iskop tiegħu, ministeru li għandu valur kbir, pariri fuq is-​sigriet taʼ l-​hena fil-​familja, u dehen biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu meta jinqalaʼ l-​għawġ. Jehovah berikni b’mara leali u meraviljuża. Anki wliedi appoġġawni lealment, u jien ferħan li kollha kemm huma ħadu sehem fil-​ministeru full-time. Fil-​fatt, fil-​11 taʼ Marzu, 2000, it-​tifel tagħna Mark u martu, Allyson, iggradwaw mill-​108 klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad u ntbagħtu jaqdu fin-​Nikaragwa. Jien u marti rnexxielna nattendu għall-​gradwazzjoni tagħhom. Nistaʼ ngħid tassew li l-​għawġ biddilli ħajti imma mhux qalbi.—Salm 127:​3, 4.

Nirringrazzja lil Jehovah għall-​għerf li pprovdieli sabiex jgħinni ngħaddi l-​wirt spiritwali li rċivejt lill-​familja tiegħi. Inħossni msaħħaħ u inkuraġġit meta nara lil uliedi jaqdu lill-​Ħallieq tagħhom b’attitudni simili għal dik taʼ missieri, li qal, “Aħna ma niqfux daqshekk malajr. Huwa Jehovah li kkmandana biex nippridkaw.” Tabilħaqq, Jehovah saħħaħ kemm lili u kemm lill-​familja tiegħi fil-​jiem kollha taʼ ħajjitna.

[Stampa f’paġna 24]

Maʼ missieri u ħuti ħdejn il-​karavana tagħna, li konna nużawha meta konna pijunieri. Jien qiegħed fuq il-​lemin

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti, Myrna

[Stampa f’paġna 26]

Ritratt reċenti tal-​familja tagħna

[Stampa f’paġna 27]

Għadni nagħti xiehda bl-​ittri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja