LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 3/15 pp. 20-24
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Se Jgħinek Alla Tieħu d-​Deċiżjoni Tiegħek?
  • Ħajja Premjanti
  • Il-​Ħajja f’Betel
  • X’Tistaʼ Tagħmel biex Tikkwalifika?
  • Ilkoll Għandna Sehem
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Għemejjel tajbin li ma jintesewx
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
  • X’Inhi Betel?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 3/15 pp. 20-24

Tistaʼ Din Tkun l-​Aħjar Karriera Għalik?

BLA dubju, jekk int Kristjan mgħammed, l-​imħabba għal Alla tqanqlek biex tagħmel ir-​rieda tiegħu. Iktar minn hekk, żgur li int devot b’mod speċjali lejn il-​ministeru. Wara kollox, Ġesù Kristu inkariga lis-​segwaċi kollha tiegħu biex jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:​19, 20) Iva, forsi bħalissa għandek xogħol sekulari biex tmantni lilek innifsek. Imma qabel xejn, bħala wieħed mis-​segwaċi taʼ Ġesù u wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, int ministru Kristjan li tpoġġi x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna fl-​ewwel post f’ħajtek.—Mattew 24:14.

Forsi għandek ftit inqas jew ftit iżjed minn għoxrin sena. Wisq probabbli ilek taħseb ħafna dwar liema karriera se tagħżel fil-​ħajja. X’aktarx meta tikkunsidra l-​għażliet li għandek quddiemek, fattur importanti huwa s-​sodisfazzjon persunali.

Mela kkunsidra dak li jgħid Jørgen, żagħżugħ mid-​Danimarka, dwar l-​għażla tiegħu. Jørgen jiddeskriviha bħala “mod taʼ ħajja ideali li jgħinek tikkonċentra fuq l-​iktar xogħol importanti li jeżisti.” Eva, mara taʼ 31 sena mill-​Greċja, tgħid: “Kulmeta nqabbel ħajti maʼ dik t’oħrajn taʼ l-​età tiegħi ninduna kemm ħajti għandha iktar sinifikat, hija iktar sodisfaċenti u iżjed eċċitanti.” Liema karriera tagħti dan it-​tip taʼ sodisfazzjon? Kif jistaʼ jkollok mod taʼ ħajja bħal dan?

Se Jgħinek Alla Tieħu d-​Deċiżjoni Tiegħek?

M’hijiex xi ħaġa faċli meta tiġi biex tagħżel karriera. Fil-​fatt, jistaʼ jkun hemm xi wħud li jkunu jixtiequ li Alla jurihom eżatt x’iridhom jagħmlu.

Meta Mosè kien Midjan, Jehovah qallu biex jerġaʼ jmur lura l-​Eġittu u joħroġ lill-​Iżraelin mill-​jasar. (Eżodu 3:​1-10) L-​anġlu t’Alla deher lil Gidgħon, li nħatar biex jeħles lil Iżrael mill-​oppressjoni. (Mħallfin 6:​11-14) David kien qed jirgħa n-​nagħaġ meta Alla qal lil Samwel biex jidilku bħala s-​sultan li jmiss taʼ Iżrael. (1 Samwel 16:​1-​13) Illum, m’għandniex l-​istess gwida. Minflok, irridu neżaminaw il-​kwistjoni u niddeċiedu kif nużaw l-​abbiltajiet li tana Alla.

Għaż-żgħażagħ Kristjani taʼ żmienna, Jehovah fetaħ ‘bieb kbir fejn jistgħu jaħdmu.’ (1 Korintin 16:9) Kif għamlu dan? F’dawn l-​aħħar għaxar snin, in-​numru taʼ proklamaturi tas-​Saltna żdied b’iktar minn 2,125,000 ruħ biex issa qegħdin iktar minn 6,000,000 mad-​dinja kollha. Min jgħin biex jinħarġu l-​miljuni taʼ Bibbji, kotba, browxers, rivisti, u fuljetti li tant huma meħtiġin għall-​ikel spiritwali u għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha? Il-​membri tal-​familja taʼ Betel mad-​dinja kollha jgawdu dan il-​privileġġ mimli barkiet.

Ħajja Premjanti

Betel tfisser “dar Alla,” u d-​djar taʼ Betel huma l-​post fejn jgħixu l-​volontieri Kristjani li jaqdu fil-​kwartieri ġenerali u fl-​uffiċċji tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society. (Ġenesi 28:19) Il-​familji taʼ Betel fi żmienna jistgħu jiġu mxebbhin maʼ ‘djar mibnijin bl-​għerf,’ organizzati sew u msejsin fuq l-​imħabba lejn Jehovah.—Proverbji 24:3.

X’jistaʼ jingħad dwar l-​ambjent bħal dak taʼ familja f’Betel? Waħda mill-​membri tal-​familja taʼ Betel fl-​Estonja, li għandha 25 sena, tgħid: “Nieħu gost li nkun il-​ħin kollu fost il-​ħbieb taʼ Jehovah. Għalija, din għadha l-​iktar ħaġa prezzjuża f’Betel.”—Salm 15:​1, 2.

Mad-dinja kollha, issa hemm madwar 19,500 persuna li għandhom il-​privileġġ li jaqdu f’Betel. (Salm 110:​3, Saydon) Fl-​Istati Uniti, 46 fil-​mija minn dawk li qegħdin f’Betel għandhom bejn id-​19 u d-​29 sena. Bħal Isaija, huma qalu: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Isaija, li kien diġà dedikat lil Jehovah, kien qed joffri ruħu minn rajh biex jaqdi fi privileġġ ieħor taʼ servizz. Milli jidher dan kien ifisser li jiċċaħħad minn xi vantaġġi persunali. Dawk li jaqdu f’Betel iħallu djarhom u l-​ambjent familjari tagħhom, kif ukoll lil ommijiethom, lil missirijiethom, lil ħuthom, u lil ħbiebhom. Dawn is-​sagrifiċċji jsiru mill-​qalb “minħabba . . . l-​Evanġelju.”—Mark 10:​29, 30.

Min-naħa l-​oħra, x’barkiet spiritwali toffri Betel! Waħda mill-​membri żgħażagħ tal-​familja taʼ Betel fir-​Russja tispjega: “Billi nkunu lesti li nissagrifikaw lilna nfusna, nistgħu nitgħallmu ħafna affarijiet li se jgħinuna ngħixu fid-​dinja l-​ġdida. Fil-​każ tiegħi, nistaʼ ngħid li l-​barkiet taʼ Jehovah huma ferm akbar mis-​sagrifiċċji tiegħi.”—Malakija 3:10.

Il-​Ħajja f’Betel

Kif inhi l-​ħajja f’Betel? Il-​membri tal-​familja taʼ Betel jaqblu li hija bnina u sodisfaċenti, saħansitra eċċitanti. Jens, li għandu 43 sena, jieħu pjaċir jaqdi f’Betel. Għala? Hu jgħid: “Għax inħossu li aħna parti minn sforz kbir biex inwettqu xogħol importanti. Jien nistaʼ nifhem kemm hu kbir u importanti x-​xogħol taʼ Jehovah.”

Mit-Tnejn sas-​Sibt, il-​ġurnata f’Betel tibda bil-​qima taʼ fil-​għodu. Din hi diskussjoni fuq il-​Bibbja, u jieħu ħsiebha anzjan taʼ l-​esperjenza. It-​Tnejn fil-​għaxija jkun hemm siegħa dedikata għall-​istudju tal-​Bibbja bħala familja bl-​għajnuna taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa. Xi drabi, wara dan ikun hemm taħdita bbażata fuq tema Skritturali li tkun addattata b’mod speċjali għall-​familja taʼ Betel.

X’jiġri meta jidħol membru ġdid f’Betel? Biex jintroduċu lill-​membri l-​ġodda għall-​ħajja f’Betel, aħwa rġiel maturi mill-​familja jagħtu taħditiet dwar diversi aspetti tas-​servizz f’Betel. Darba fil-​ġimgħa, għal xi ġimgħat matul l-​ewwel sena tagħhom, il-​membri l-​ġodda tal-​familja taʼ Betel jattendu skola b’tagħlim mill-​aqwa bl-​għan li jkunu jistgħu jifhmu aħjar l-​Iskrittura. Il-​membri l-​ġodda jkollhom ukoll skeda speċjali għall-​qari tal-​Bibbja. Matul l-​ewwel sena tagħhom f’Betel, il-​membri l-​ġodda tal-​familja jaqraw il-​Bibbja kollha kemm hi.

X’effett għandu dan it-​taħriġ kollu? Joshua, membru taʼ 33 sena tal-​familja taʼ Betel f’Ħong Kong, iwieġeb: “Betel għenitni nkabbar l-​apprezzament tiegħi lejn Jehovah. Nistaʼ nassoċja maʼ ħafna aħwa taʼ l-​esperjenza li qattgħu l-​biċċa l-​kbira taʼ ħajjithom jaqdu lil Jehovah. B’mod speċjali, nieħu pjaċir bl-​attivitajiet spiritwali, bħal per eżempju, il-​qima taʼ fil-​għodu u l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa bħala familja. Iżjed minn hekk, il-​mod taʼ ħajja sempliċi u organizzata jogħġobni. Dan jeħlisni minn kull ansjetà żejda. Nitgħallem ukoll kif nittratta l-​affarijiet tal-​ħajja b’mod Kristjan, u dan dejjem wera li kien taʼ benefiċċju.”

Il-membri tal-​familja taʼ Betel iqattgħu l-​biċċa l-​kbira tal-​ħin u l-​enerġija tagħhom jagħmlu dak li offrew volontarjament li jagħmlu. Dan ifisser li jużaw ir-​riżorsi fiżiċi u mentali tagħhom biex fuq kollox iwettqu l-​inkarigu li jingħataw f’Betel. Hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru. Xi wħud iħaddmu l-​magni taʼ l-​istampar jew inkella jillegaw il-​kotba li mbagħad jintbagħtu f’diversi kongregazzjonijiet. Oħrajn jaqdu fil-​kċina, jew fil-​kamra taʼ l-​ikel. L-​inkarigi jistgħu jinkludu l-​ħasil tal-​ħwejjeġ, it-​tindif, il-​biedja, ix-​xogħol tal-​bini, u affarijiet simili. Xi wħud għandhom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-​apparat li jkun hemm f’dawn id-​dipartimenti. Oħrajn jagħtu servizzi marbutin mas-​saħħa jew inkella jagħmlu xogħol fl-​uffiċċju. Ix-​xogħol kollu li jsir f’Betel jippreżenta sfida u huwa mill-​iktar premjanti. Ix-​xogħol kollu li jsir f’Betel huwa sodisfaċenti b’mod speċjali minħabba li javanza l-​interessi tas-​Saltna u jsir b’imħabba lejn Alla.

Il-membri tal-​familja taʼ Betel jiġu assenjati maʼ kongregazzjoni. Hawnhekk, huma jistgħu jesperjenzaw personalment il-​benefiċċji tax-​xogħol tagħhom. Huma jieħdu pjaċir jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Dan għen lill-​membri tal-​familja taʼ Betel biex jiżviluppaw relazzjoni b’saħħitha maʼ ħuthom fil-​kongregazzjonijiet tagħhom.—Mark 10:​29, 30.

Rita, membru tal-​familja taʼ Betel fil-​Britannja, tgħid: “Jien tassew grata lejn il-​kongregazzjoni tiegħi! Meta nkun fil-​laqgħat jew fil-​ministeru, inħoss il-​fidi tiegħi tissaħħaħ meta nara l-​għeżież aħwa, irġiel, nisa, tfal, u oħrajn imdaħħlin fiż-​żmien! Jiġri x’jiġri, huma jkunu hemmhekk. Dan jgħinni nkun iktar żeluża fis-​servizz tiegħi f’Betel.”

Il-ħajja f’Betel m’hijiex biss xogħol, laqgħat, servizz taʼ l-​għalqa, u studju. Il-​familja tieħu pjaċir ukoll b’perijodi taʼ rikreazzjoni. Minn żmien għal żmien, ikun hemm programmi divertenti li jibnu spiritwalment imsejħin “Iljieli tal-​Familja.” Dawn mhux biss jagħtu opportunità lil dawk preżenti biex jieħdu gost bit-​talenti taʼ ħafna oħrajn li qegħdin magħhom f’Betel imma wkoll jitgħallmu affarijiet pożittivi dwarhom. Wieħed jistaʼ jieħu pjaċir ukoll bi żjajjar soċjali bnien m’oħrajn. F’Betel jistaʼ jkun hemm xi faċilitajiet għar-​rikreazzjoni, kif ukoll libreriji fejn dak li jkun jistaʼ jagħmel xi qari jew riċerka persunali. Ukoll, ma rridux ninsew il-​konversazzjoni pjaċevoli li jkun hemm madwar il-​mejda waqt l-​ikel.

Tom, membru tal-​familja taʼ Betel fl-​Estonja, jgħid: “Il-​baħar qiegħed blokk biss ’il bogħod minn Betel. Fil-​viċin hemm ukoll foresta sabiħa fejn jien u marti nħobbu mmorru għal xi passiġġata. Xi kultant nilgħab il-​golf, il-​hockey, u t-​tennis maʼ xi ħbieb mill-​kongregazzjoni u minn Betel. U meta t-​temp jippermetti, immorru wkoll xi dawra bir-​roti.”

X’Tistaʼ Tagħmel biex Tikkwalifika?

M’għandniex xi ngħidu, Betel primarjament hija post fejn Kristjani maturi jagħtu servizz sagru lil Jehovah u jaħdmu għal sħabhom fit-​twemmin madwar id-​dinja. Dawk li jsiru membri tal-​familja taʼ Betel iridu jilħqu ċerti kwalifiki. X’tistaʼ tagħmel biex tikkwalifika għas-​servizz f’Betel?

Bħal Timotju, li qeda maʼ l-​appostlu Pawlu, dawk li jiġu aċċettati biex jaqdu f’Betel irid ikollhom waqfa tajba fil-​kongregazzjoni. (1 Timotju 1:1) Timotju “kellu fama tajba maʼ l-​aħwa taʼ Listra u Ikonju.” (Atti 16:2) Għalkemm kien għadu żgħir, Timotju kien jafha sew l-​Iskrittura u kien sod fil-​verità. (2 Timotju 3:​14, 15) Bl-​istess mod, hu mistenni li dawk li jiġu aċċettati għas-​servizz f’Betel ikollhom għarfien tal-​Bibbja.

Il-membri tal-​familja taʼ Betel iridu jkunu lesti li jissagrifikaw lilhom infushom. Timotju tant wera biċ-​ċar kemm kien lest li jissagrifika lilu nnifsu u jpoġġi l-​interessi tas-​Saltna qabel tiegħu stess li Pawlu setaʼ jgħid hekk dwaru: “’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa. Kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu taʼ Ġesù Kristu. Intom tafu bit-​tiġrib tiegħu; kif bħal iben maʼ missieru ħadem miegħi għat-​tixrid taʼ l-​Evanġelju.”—Filippin 2:​20-22.

Għas-servizz f’Betel hemm bżonn taʼ rġiel u nisa spiritwali. L-​arranġamenti li saru għall-​membri tal-​familja taʼ Betel jagħmluha possibbli li dawn jistgħu jkomplu jikbru spiritwalment permezz taʼ studju tal-​Bibbja, attendenza regulari għal-​laqgħat Kristjani u fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, u sħubija maʼ Kristjani maturi. B’dan il-​mod, dawk f’Betel huma megħjunin jimxu mal-​parir taʼ Pawlu: “[“Ibqgħu,” NW] għixu mela magħqudin miegħu [maʼ Kristu Ġesù]; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-​ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-​fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-​gratitudni.”—Kolossin 2:​6, 7.

Minħabba t-​tip taʼ xogħol li jsir f’Betel, dawk li jiġu aċċettati għal dan il-​privileġġ taʼ servizz iridu jkunu f’saħħithom. Jekk għandek dawn il-​kwalifiki li semmejna, għandek 19-il sena jew iktar, u ilek mgħammed minn taʼ l-​inqas sena, inħeġġuk biex tikkunsidra s-​servizz f’Betel.

Ilkoll Għandna Sehem

Bħala Kristjani, żgur li lkoll kemm aħna nixtiequ li npoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna u li naqdu lil Jehovah b’ruħna kollha. (Mattew 6:​33; Kolossin 3:​23) Aħna nistgħu ninkuraġġixxu wkoll lil dawk li qed jaqdu f’Betel biex ikomplu jagħtu servizz sagru hemmhekk. U b’mod speċjali, għandna nħeġġu lill-​aħwa ġuvintur li jikkwalifikaw għas-​servizz f’Betel biex jirsistu għal dan il-​privileġġ mimli barkiet.

Is-servizz f’Betel huwa mod taʼ ħajja li jagħti sodisfazzjon spiritwali. Dan il-​mod taʼ ħajja jistaʼ jkun tabilħaqq l-​aħjar karriera għalik. Hekk hu għal Nick, li beda jaqdi f’Betel meta kellu 20 sena. Wara għaxar snin taʼ servizz f’Betel, hu jgħid: “Taʼ spiss nitlob lil Jehovah biex nirringrazzjah għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. X’għandi bżonn iktar? Hawnhekk, aħna mdawrin bi Kristjani leali li qed jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex jaqdu lil Jehovah.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]

X’JISTGĦU JAGĦMLU L-​ANZJANI U L-​ĠENITURI?

B’mod partikulari, l-​anzjani u l-​indokraturi li jivvjaġġaw għandhom iħeġġu liż-​żgħażagħ ġuvintur biex japplikaw għas-​servizz f’Betel. Dan l-​aħħar, sar stħarriġ informali fost il-​membri żgħażagħ tal-​familja Betel. Dan wera li 34 fil-​mija taʼ dawn iż-​żgħażagħ kienu ġew imħeġġin jagħmlu s-​servizz f’Betel bħala l-​mira tagħhom primarjament minn indokraturi Kristjani. Iva, il-​kongregazzjoni għandha mnejn tħoss in-​nuqqas tagħhom. Iżda tajjeb niftakru li għalkemm Timotju bla dubju kellu effett mill-​aħjar fuq żgħażagħ oħrajn f’Listra u f’Ikonju, l-​anzjani t’hemmhekk ma żammewhx lura milli jaqdi maʼ Pawlu. Ma qabdux u qatgħuha li jekk Timotju jissieħeb maʼ l-​appostlu, il-​kongregazzjoni tagħhom kienet se ssofri telfa kbira żżejjed.—1 Timotju 4:14.

Min-​naħa tagħhom, il-​ġenituri Kristjani għandhom b’mod speċjali jagħmlu l-​almu tagħhom biex iħallu influwenza pożittiva fuq uliedhom f’dan ir-​rigward. Fl-​istħarriġ li għadna kif semmejna, 40 fil-​mija taʼ dawk li ħadu sehem qalu li l-​ġenituri tagħhom kienu minn taʼ l-​ewwel li ħeġġewhom għas-​servizz f’Betel. Waħda oħt, li ilha daqsxejn taqdi f’Betel, qalet: “Il-​ħajja tal-​ġenituri tiegħi fis-​servizz taʼ Jehovah kienet motiv qawwi għalija biex naqdi f’Betel. Billi rajt l-​eżempju tagħhom fil-​ministeru full-time, stajt nara ċar li dan huwa l-​aqwa mod taʼ ħajja u l-​iktar sodisfaċenti li stajt nagħżel.”

[Kaxxa f’paġna 24]

HUMA JAPPREZZAW IS-​SERVIZZ F’BETEL

“Jien ngħożżu s-​servizz tiegħi f’Betel. Il-​fatt li naf li qdejt lil Jehovah l-​ġurnata kollha u li se nerġaʼ nagħmel l-​istess l-​għada, il-​pitgħada, u l-​ġranet taʼ wara, jagħtini sodisfazzjon kbir. Dan jagħtini kuxjenza tajba u jimlieli moħħi bi ħsibijiet pożittivi.”

“Betel hija post fejn tistaʼ tiddedika l-​ħin u l-​enerġija kollha tiegħek fis-​servizz taʼ Jehovah mingħajr tfixkil. Dan jagħmlek tħossok ferħan minn ġewwa. Imma għandek ukoll l-​opportunità li tħares lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah minn angolu differenti. Tħossok iktar qrib taċ-​ċentru taʼ din l-​organizzazzjoni, u dan huwa eċċitanti ħafna.”

“Is-​servizz f’Betel kien l-​isbaħ ħaġa li qatt esperjenzajt. Hawnhekk dejjem titgħallem xi ħaġa ġdida. U dan it-​tagħlim m’huwiex biss għal xi gwadann persunali, imma għal Jehovah. Hawnhekk xogħli qatt ma se jkun għalxejn.”

“Il-​fatt li nuża t-​talenti tiegħi f’Betel jagħmilni kuntenta u nħossni fil-​paċi għaliex qed nużahom għal Jehovah u għall-​aħwa.”

“Ma stajtx insib sodisfazzjon u ferħ veru fil-​karriera li kelli qabel. Kont ili snin sħaħ noħlom li naħdem mhux biss maʼ ħuti imma wkoll għalihom. Għalhekk ġejt Betel. Inħossni tassew sodisfatt għax naf li l-​isforzi kollha tiegħi huma taʼ benefiċċju spiritwali għal oħrajn u jġibu tifħir lil Jehovah.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja