Il-Barkiet tas-Saltna Jistgħu Jkunu Tiegħek
L-APPOSTLU Kristjan Pawlu kien jaf jitkellem tajjeb b’ċerti lingwi ewlenin taʼ żmienu. Kellu edukazzjoni li hija simili għall-edukazzjoni universitarja tal-lum. Kellu l-vantaġġi u d-drittijiet kollha taʼ ċittadin Ruman. (Atti 21:37-40; 22:3, 28) Dawn il-kwalifiki setgħu, kieku ried, għenuh isir sinjur u famuż. Madankollu, hu qal: “Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu . . . u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu.” (Filippin 3:7, 8) Pawlu għala għamel stqarrija bħal din?
Pawlu, li qabel kien magħruf bħala Sawl taʼ Tarsu u bħala persekutur taʼ dawk li kienu “miexja fit-Triq tal-Mulej,” beda jemmen wara li ngħata viżjoni taʼ Ġesù rxoxtat u glorifikat. (Atti 9:1-19) Din l-esperjenza li Pawlu kellu fi triqtu lejn Damasku ma ħallietlu l-ebda dubju li Ġesù kien il-Messija mwiegħed, jew il-Kristu, il-ħakkiem futur tas-Saltna mwegħda. Din ġabet ukoll bidla kbira f’ħajjet Pawlu, kif tindika l-istqarrija qawwija tiegħu li għadha kif issemmiet. Fi kliem ieħor, minħabba li kellu qalbu sinċiera u onesta, Pawlu nidem.—Galatin 1:13-16.
Fil-Bibbja, il-verb “nidem” taʼ spiss jiġi tradott mill-kelma Griega li tfisser letteralment “taf wara,” bħala l-oppost taʼ “taf minn qabel.” B’hekk, l-indiema tinvolvi bidla fil-ħsieb, fl-attitudni, jew fl-iskop, li tiċħad il-modi taʼ qabel bħala li m’humiex sodisfaċenti. (Atti 3:19, 20a [3:19, NW]; Apokalissi 2:5) Fil-każ tiegħu, Pawlu ma ħalliex din il-ġrajja tant sinifikanti fi triqtu lejn Damasku tkun sempliċement xi esperjenza emozzjonali jew saħansitra xi esperjenza spiritwali, kif isejħulha xi wħud. Għalih, din bħallikieku fetħitlu għajnejh għall-fatt li l-ħajja tiegħu taʼ qabel, meta ma kienx jaf lil Kristu, kienet bla siwi. Hu rrealizza wkoll li sabiex setaʼ jibbenefika mill-għarfien li kien għadu kif sab dwar il-Kristu, ried bilfors jagħmel xi ħaġa biex jirranġa ħajtu.—Rumani 2:4; Efesin 4:24.
Bidla li Ġabet Barkiet
Qabel, l-għarfien li Pawlu kellu dwar Alla kien fil-biċċa l-kbira kisbu mingħand is-setta tal-Fariżej, li hu kien membru tagħha. It-twemmin tagħhom kien jinkludi ħafna filosofiji u tradizzjonijiet tal-bnedmin. Minħabba l-preġudizzji reliġjużi, iż-żelu u l-isforzi taʼ Pawlu ma kinux qed jaqdu skop tajjeb. Għalkemm ħaseb li kien qed jaqdi lil Alla, fil-fatt kien qed jiġġieled kontrih.—Filippin 3:5, 6.
Wara li rċieva għarfien eżatt dwar il-Kristu u l-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla, Pawlu setaʼ jara li kellu jagħmel għażla: Kellu hu jibqaʼ Fariżew u jkompli jgawdi pożizzjoni u stima, jew kellu jbiddel ħajtu u jibda jagħmel dak kollu li kien hemm bżonn biex jikseb l-approvazzjoni t’Alla? B’ferħ, Pawlu għamel l-għażla t-tajba, għax hu qal: “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa taʼ Alla għas-salvazzjoni taʼ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi.” (Rumani 1:16) Pawlu sar predikatur żeluż taʼ l-aħbar tajba dwar il-Kristu u s-Saltna.
Bosta snin wara, Pawlu qal lil sħabu l-Kristjani: “Ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.” (Filippin 3:13, 14) Pawlu bbenefika mill-aħbar tajba għaliex minn jeddu abbanduna dak li kien qed ibegħdu minn Alla u b’qalbu kollha segwa miri li kienu fi qbil maʼ l-iskop t’Alla.
Int X’Se Tagħmel?
Forsi m’ilekx li smajt bl-aħbar tajba tas-Saltna. Togħġbok it-tama li tgħix għal dejjem f’ġenna taʼ l-art perfetta? Normalment lil kulħadd togħġob, għax aħna lkoll għandna x-xewqa ġewwa fina li rridu ngħixu u ngawdu ħajja fil-paċi u s-sigurtà. Il-Bibbja tgħid li Alla poġġa “l-eternità” fi qlubna. (Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit) Għalhekk, hija xi ħaġa naturali li nittamaw għal dak iż-żmien meta n-nies se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem fil-paċi u l-hena. U dan hu li toffri l-aħbar tajba tas-Saltna.
Madankollu, biex din it-tama ssir realtà jeħtieġ li tfittex u tiskopri x’inhi verament l-aħbar tajba. L-appostlu Pawlu wissa: ‘Irid iseħħlek tagħraf x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’ (Rumani 12:2) Għalhekk, wara li tikseb l-għarfien u l-fehma, int trid tagħmel għażla bħalma kellu jagħmel Pawlu.
Mill-banda l-oħra, int forsi diġà għandek it-twemmin tiegħek dwar x’se jiġri minnek fil-futur. Ftakar li Sawl kellu l-ideat tiegħu dwar x’kienet ir-rieda t’Alla qabel ma sar l-appostlu Pawlu. Imma minflok ma tistenna xi rivelazzjoni mirakoluża mingħand Alla, għala ma tħarisx lejn il-kwistjoni b’moħħ miftuħ? Staqsi lilek innifsek: ‘Naf jien x’inhi verament ir-rieda t’Alla għall-bnedmin u għall-art? Xi provi nistaʼ nġib biex insaħħaħ dak li nemmen? Se jibqgħu sodi dawn il-provi meta jiġu eżaminati fid-dawl taʼ dak li tgħid il-Kelma t’Alla, il-Bibbja?’ M’int se titlef xejn jekk teżamina t-twemmin reliġjuż tiegħek b’dan il-mod. Fil-fatt, suppost li hekk tagħmel għaliex il-Bibbja tħeġġiġna: “Kunu żguri mill-affarijiet kollha; żommu sodi maʼ dak li hu mill-aħjar.” (1 Tessalonikin 5:21, NW) Wara kollox, m’hijiex l-approvazzjoni t’Alla l-iktar ħaġa importanti?—Ġwann 17:3; 1 Timotju 2:3, 4.
Il-mexxejja reliġjużi jistgħu jwegħduna futur etern. Imma jekk din il-wegħda m’hijiex ibbażata fuq it-tagħlim tal-Bibbja, m’hijiex se tgħinna niksbu l-barkiet tas-Saltna t’Alla. Fil-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ma ħalla l-ebda dubju meta wissa: “Mhux kulmin jgħidli; ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet!”—Mattew 7:21.
Innota li Ġesù poġġa l-enfasi fuq li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru bħala l-bażi biex jiġi deċiż jekk wieħed jirċivix il-barkiet tas-Saltna t’Alla jew le. Fi kliem ieħor, dak li minbarra jidher tajjeb mhux bilfors li jkun jogħġob lil Alla. Fil-fatt, Ġesù kompla jgħid: “F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Mbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’” (Mattew 7:22, 23) Jidher ċar li l-iktar ħaġa importanti hi li nkunu żguri li nifhmu eżatt x’inhi verament l-aħbar tajba tas-Saltna u mbagħad naġixxu fi qbil magħha.—Mattew 7:24, 25.
L-Għajnuna Tistaʼ Tinkiseb
Ix-Xhieda taʼ Jehovah issa ilhom iktar minn 100 sena jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Permezz tal-letteratura u bil-fomm qegħdin jgħinu lin-nies madwar id-dinja jiksbu għarfien eżatt dwar dak li tfisser is-Saltna, liema barkiet se ġġib, u x’għandu jagħmel min irid jikseb dawn il-barkiet.
Ninkuraġġuk biex tagħti kas il-messaġġ li qed jixxandar mix-Xhieda taʼ Jehovah. Jekk taċċetta l-aħbar tajba u taġixxi fi qbil magħha, int tistaʼ tirċievi barkiet kbar ferm, mhux biss issa imma wkoll fil-futur meta s-Saltna t’Alla taħkem fuq l-art kollha.—1 Timotju 4:8.
Issa l-waqt li taġixxi, għax il-barkiet tas-Saltna t’Alla qegħdin fil-qrib!
[Stampi f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah qed ixandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kemm permezz tal-letteratura u kemm bil-fomm