Ieqfu Sħaħ u B’Konvinzjoni Soda
‘Ara! Il-Kotra Kbira!’
KIENET mistoqsija li kienet ilha f’moħħ il-qaddejja taʼ Jehovah għal għaxriet taʼ snin. Kienu ilhom jipprovaw isibu t-tweġiba għaliha mill-Iskrittura. Barra minn hekk, is-suġġett qajjem ħafna diskussjonijiet. Imma fl-aħħar mill-aħħar instabet it-tweġiba Biblika, u din qanqlet l-eċċitament taʼ l-udjenza miġbura għall-konvenzjoni li saret fl-1935 f’Washington, D.C.
Il-bażi għad-diskussjoni kienet waħda komuni: Min kienu dawk tal-“kotra kbira” msemmija f’Apokalissi 7:9? Kien dan il-grupp taʼ kredenti sejjer fis-sema?
Mistoqsija Antika
Minn żmien l-appostlu Ġwanni sa llum, il-Kristjani kienu mħawdin dwar min kienu dawk tal-“kotra kbira.” L-Istudenti tal-Bibbja kienu jqisu l-kotra kbira bħala klassi sekondarja għas-sema, grupp li kellu l-għarfien dwar il-verità tal-Bibbja imma ftit li xejn kien ixandarha.
Madankollu, il-Kristjani midlukin kellhom ċerti wħud imseħbin magħhom li saru żelużi ferm fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Huma ma kellhom l-ebda xewqa li jmorru fis-sema. Tabilħaqq, it-tama tagħhom kienet fi qbil maʼ dak li ntqal fit-taħdita pubblika “Millions Now Living Will Never Die” (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt), li ngħatat mill-poplu taʼ Jehovah bejn l-1918 u l-1922. Dawn l-individwi kienu se jitbierku b’ħajja taʼ dejjem fuq l-art.
The Watch Tower tal-15 t’Ottubru, 1923, iddiskuta l-parabbola taʼ Ġesù dwar in-nagħaġ u l-mogħoż u qal: “In-nagħaġ jirrappreżentaw lin-nies kollha tal-ġnus, mhux imnisslin mill-ispirtu imma inklinati lejn it-tjieba, li mentalment jagħrfu lil Ġesù Kristu bħala l-Mulej u li qed jistennew billi jittamaw għal żmien aħjar taħt ir-renju tiegħu.”—Mattew 25:31-46.
Id-Dawl Ikompli Jiżdied
Fis-sena 1931, l-ewwel ktieb mis-serje Vindication iddiskuta kapitlu 9 taʼ Eżekjel. Dan il-ktieb identifika lil dawk li ġew immarkati fuq ġbinhom għas-salvazzjoni fl-aħħar tad-dinja bħala n-nagħaġ tal-parabbola taʼ Ġesù. It-tielet ktieb mis-serje Vindication (pubblikat fl-1932), iddeskriva l-qalb retta li wera Ġeħonadab, ir-raġel mhux Iżraeli li telaʼ fuq il-karru taʼ Ġeħu, is-sultan midluk taʼ Iżrael, u mar miegħu biex jara b’liema ħeġġa Ġeħu qered lill-adoraturi foloz. (2 Slaten 10:15-28) Il-ktieb qal: “Ġeħonadab irrappreżenta jew iffigura bil-quddiem lil dik il-klassi taʼ nies fid-dinja li issa m’għadhomx fi qbil maʼ l-organizzazzjoni taʼ Satana, li jieħdu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tat-tjieba, u huma l-uħud li l-Mulej se jsalva f’Armageddon, iwiżinhom fl-inkwiet, u jagħtihom ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Dawn jifformaw il-klassi tan-‘nagħaġ.’”
Fl-1934, The Watchtower għamilha ċara li l-Kristjani b’tama għall-art għandhom jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah u jitgħammdu. Tabilħaqq, id-dawl dwar din il-klassi għall-art kien qed jiddi dejjem iktar u iktar!—Proverbji 4:18.
Leħħa Qawwija tal-Fehma
Il-fehma t’Apokalissi 7:9-17 kienet waslet biex tibda tiddi bħal qatt qabel. (Salm 97:11) The Watchtower kien esprima t-tama li l-konvenzjoni ppjanata li ssir mit-30 taʼ Mejju sat-3 taʼ Ġunju, 1935, f’Washington, D.C., fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika, kienet se tagħti “faraġ u benefiċċji veri” lil dawk iffigurati bil-quddiem minn Ġeħonadab. U hekk ġara!
F’taħdita li tqanqal dwar “Il-Kotra Kbira,” mogħtija lil madwar 20,000 ruħ li attendew għall-konvenzjoni, J. F. Rutherford ta provi Skritturali li “n-nagħaġ oħra” taʼ llum u l-“kotra kbira” t’Apokalissi 7:9 huma l-istess ħaġa. (Ġwann 10:16) Il-quċċata taʼ din it-taħdita kienet meta l-kelliemi staqsa: “Jistgħu dawk kollha li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art iqumu bil-wieqfa jekk jogħġobhom?” Hekk kif parti kbira mill-udjenza qamet bil-wieqfa, Rutherford iddikjara: “Ara! Il-kotra kbira!” Għall-ewwel waqaʼ s-skiet, imma mbagħad kulħadd infexx f’ċapċip kbir. L-għada, tgħammdu 840 Xhud taʼ Jehovah ġodda, li l-biċċa l-kbira minnhom qalu li kienu mill-kotra kbira.
Preżenza Straordinarja
Qabel l-1935, numru li dejjem jiżdied mill-uħud li wieġbu għall-messaġġ tal-Bibbja u ħadu sehem b’ħeġġa kbira fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba wrew interess f’li jgħixu għal dejjem fuq Ġenna taʼ l-art. Huma ma kellhom l-ebda xewqa li jmorru fis-sema, għax Alla ma kienx tahom it-tama taʼ ħajja fis-sema. Il-fatt li huma identifikaw ruħhom mal-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra wera li sa l-1935 il-ġbir tal-144,000 Kristjani midlukin kien kważi lest.—Apokalissi 7:4.
Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Satana x-Xitan ħadem kemm felaħ biex iwaqqaf il-ġbir taʼ dawk li kellhom jifformaw il-kotra kbira. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna ġie projbit f’ħafna pajjiżi. Matul dawk iż-żminijiet koroh, u ftit qabel ma miet f’Jannar taʼ l-1942, J. F. Rutherford qal: “Milli jidher il-‘kotra kbira’ mhux se tkun daqshekk kbira wara kollox.”
Imma bil-barka divina, ġara mod ieħor. Filwaqt li ‘waqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda,’ il-midlukin u sħabhom, in-nagħaġ oħra, wettqu l-inkarigu tagħhom taʼ li jagħmlu dixxipli. (Kolossin 4:12; Mattew 24:14; 28:19, 20) Sas-sena 1946, in-numru taʼ Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw madwar id-dinja kollha kien 176,456. Il-biċċa l-kbira minn dawn kienu tal-kotra kbira. Fis-sena 2000, kien hemm iktar minn 6,000,000 Xhud jaqdu lealment lil Jehovah f’235 pajjiż. Kotra kbira tabilħaqq! U n-numru jkompli jiżdied.