Jinbidlu l-Livelli u l-Fiduċja Tiġi Traduta
Fi żmien ir-Re Enriku I taʼ l-Ingilterra (1100-1135), jarda kienet meqjusa bħala “d-distanza mill-ponta taʼ mnieħer ir-Re sa tarf sebgħu l-kbir b’idu miġbuda ’l barra.” Kemm setgħet tkun preċiża r-riga tal-jarda għas-sudditi tar-Re Enriku? Mid-dehra, biex ikunu żguri kien ikollhom jitolbu udjenza mas-sultan.
IL-KEJL taʼ l-affarijiet illum huwa definit b’mod ferm iktar eżatt f’termini taʼ livelli. B’hekk, metru huwa definit bħala d-distanza li d-dawl jivvjaġġa f’sekonda waħda minn spazju vojt u din tiddividiha b’299,792,458. Biex inkunu preċiżi, dan id-dawl għandu wavelength fissa u joħroġ minn tip speċjali taʼ laser. Jekk ikun hemm l-apparat li jirriproduċi dan il-livell, in-nies fi kwalunkwe post ikunu jistgħu jiċċekkjaw li l-kejl li jkollhom ikun l-istess bħal taʼ kulħadd.
Bidliet fil-livelli tal-kejl, żgħar kemm ikunu żgħar, jistgħu joħolqu inċertezza. Għaldaqstant isiru sforzi kbar biex il-livelli jiġu mħarsa. Per eżempju, fil-Britannja l-livell biex jitkejjel il-piż huwa blokka li tiżen kilogramma magħmula mill-platinum imħallat maʼ l-iridju. Din il-blokka tinżamm fil-Laboratorju Fiżiku Nazzjonali. It-tniġġis taʼ l-arja mit-traffiku u mill-ajruplani li jkunu qed jittajru jġagħlu l-livell tal-kilogramma jiżdied fil-piż kuljum. Madankollu, din il-blokka, jew ċilindru, tal-metall hija kopja tal-livell dinji li jinżamm taħt tliet ġarar forma taʼ qniepen imdaħħlin f’xulxin rashom ’l isfel li jinsab f’kamra taħt l-art fl-Uffiċċju Internazzjonali tal-Piżijiet u l-Kejl f’Sèvres, ġewwa Franza. Imma anki l-piż taʼ dan l-oġġett ivarja b’riżultat taʼ kontaminazzjoni mikroskopika. S’issa, il-metroloġisti tad-dinja għadhom ma ħarġu b’ebda livell li hu iktar stabbli minn hekk.
Għalkemm bidliet ċkejknin immens jistgħu ma jfissru xejn għall-bniedem komuni, bidla sħiħa taʼ livell tistaʼ tiskurmentak. Fil-Britannja, il-bidla fil-kejl imperjali tal-piż (bil-libbra u l-uqija) għas-sistema metrika (bil-kilogramma u l-gramma) ħolqot nuqqas taʼ fiduċja mhux ħażin. U mhux taʼ b’xejn! Xi bejjiegħa tal-ħwienet bla skruplu pprofittaw ruħhom mill-fatt li ħafna kienu għadhom m’humiex familjari mas-sistema l-ġdida u serqu lil ħafna mill-klijenti tagħhom.
Il-Livelli tal-Familja u l-Livelli Morali
Xi ngħidu għall-bidliet fil-livelli tal-familja u fil-livelli morali? L-effett taʼ bidliet bħal dawn jistaʼ jkun taʼ ħsara ferm akbar. Ir-rapporti li nisimgħu dwar familji li qed jitfarrku, taħlit sesswali, u abbuż fuq it-tfal li qed ikompli jinfirex jixxokkjaw lil ħafna nies u jikkonfermaw li qegħdin ngħixu fi żmien meta l-livelli qegħdin jitbaxxew. Familji b’ġenitur wieħed, tfal imrobbijin minn “ġenituri” taʼ l-istess sess, u l-abbuż sesswali orribbli fuq it-tfal mill-awtoritajiet lokali li suppost ikunu qed jieħdu ħsiebhom huma kollha riżultat tal-fatt li n-nies qed jagħtu daharhom lil livelli aċċettati. Iktar u iktar nies qed “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom,” u qed isiru “bla qalb, . . . bla mħabba għat-tajjeb; . . . iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla,” bħalma bassret il-Bibbja xi elfejn sena ilu.—2 Timotju 3:1-4.
Il-waqgħa fil-livelli morali timxi id f’id mat-tradiment kiefer tal-fiduċja. Dan l-aħħar inkixfu nuqqasijiet serji fil-livelli għoljin tal-professjoni medika fil-belt taʼ Hyde, fit-tramuntana taʼ l-Ingilterra, fejn ir-residenti kienu jiftħu qalbhom mat-tabib tal-familja tagħhom li tant kien “rispettat u fdat.” Imma l-fiduċja tagħhom ġiet traduta bl-ikrah. Kif? Rapporti tal-ġuri kixfu li kien it-tabib stess li kkaġuna l-mewt taʼ xejn inqas minn 15 mill-pazjenti nisa tiegħu. Tabilħaqq, il-pulizija kellha teżamina mill-ġdid iktar minn 130 każ taʼ mwiet oħra li kienu jinvolvu lil dan it-tabib. Il-fatt li t-tabib instab ħati u ntbagħat il-ħabs enfasizza kemm kienet ġiet traduta l-fiduċja. Żewġ gwardjani tal-ħabs li ommhom setgħet kienet waħda minn dawk li nqatlu minn dan it-tabib ngħataw xogħol ieħor x’jagħmlu biex ma jkollhomx għalfejn jieħdu ħsieb dan il-priġunier infami. Mhux taʼ b’xejn li rapport dwar il-każ f’The Daily Telegraph iddeskriva lill-ħati bħala t-“tabib ‘Xitan.’”
Meta tqis kif il-livelli qed jinbidlu u jiddeterjoraw f’tant oqsma tal-ħajja, f’min tistaʼ b’moħħok mistrieħ tqiegħed il-fiduċja tiegħek? Fejn tistaʼ ssib livelli li ma jinbidlux, u awtorità li għandha s-saħħa u lesta u li tinforzahom? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet.