Ktieb li l-Biċċa l-Kbira miż-Żgħażagħ Ma Jagħtux Kasu
“KIF nistaʼ nkun ċerta li l-Bibbja hija tassew il-Kelma t’Alla? Bħala ktieb, ma jinteressanix,” qalet waħda żagħżugħa jisimha Beate.
Fil-Ġermanja, fejn tgħix Beate, il-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ jaħsbuha bħalha; għaldaqstant il-qari tal-Bibbja ma tantx jagħtuh importanza. Minn stħarriġ li sar hemmhekk dan l-aħħar ħareġ li, bejn wieħed u ieħor, 1 fil-mija taż-żgħażagħ jaqraw il-Bibbja regolarment, 2 fil-mija taʼ spiss, 19 fil-mija rari, u kważi 80 fil-mija qatt. X’aktarx li hemm statistiċi simili f’pajjiżi oħrajn, forsi anki fejn tgħix int. B’mod ċar, il-Bibbja hija ktieb li l-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ ma jagħtux kasu.
Mela, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li b’mod ġenerali l-ġenerazzjoni żagħżugħa ftit li xejn taf dwar il-Bibbja! Kmieni fis-sena 2000, il-gazzetta Lausitzer Rundschau irrapportat dwar stħarriġ li wera kemm hemm nies familjari maʼ l-Għaxar Kmandamenti u jużawhom bħala gwida f’ħajjithom. Mill-ġenerazzjoni taʼ fuq is-60 sena kien hemm 67 fil-mija li kienu jafu l-kmandamenti u jimxu fuqhom. Għall-ġenerazzjoni taʼ taħt it-30 sena, il-figura kienet biss 28 fil-mija. Tabilħaqq, ħafna żgħażagħ m’humiex familjari mal-Kelma t’Alla.
Xi Wħud Għandhom Ħarsa Differenti
Mill-banda l-oħra, mad-dinja kollha hemm miljuni taʼ żgħażagħ li l-Kelma t’Alla sabuha taʼ valur kbir. Per eżempju, Alexander għandu 19-il sena u jaqra l-Bibbja kull fil-għodu qabel ma joħroġ għax-xogħol. “Ma nistax nimmaġina mod aħjar kif nibda l-ġurnata,” jinnota hu. Sandra għandha d-drawwa li taqra porzjon mill-Bibbja kull fil-għaxija. “Din saret parti mir-rutina tiegħi taʼ kuljum,” tispjega hi. U Julia, li għandha 13-il sena, diġà għamlet skeda biex taqra għallinqas kapitlu wieħed mill-Bibbja fil-għaxija qabel ma torqod. “Vera nieħu pjaċir, u nixtieq inkompli nagħmel dan fil-futur.”
Liema ħarsa hija tajba u għaqlija? Hija l-Bibbja tassew ktieb taʼ min jaqrah? Hija siewja u importanti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa? X’taħseb int?