LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 10/1 pp. 24-29
  • Ħajja Mimlija Sorpriżi fis-Servizz taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħajja Mimlija Sorpriżi fis-Servizz taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inkarigu li Kien Jinkludi “Dar Ċkejkna”
  • Min Isib Mara Tajba . . .
  • Sorpriża li Biddlitilna Ħajjitna
  • Ix-​Xogħol tas-​Circuit fl-​Ingilterra —Qatt Ma Kien taʼ Dwejjaq
  • Sorpriża Oħra li Biddlitilna Ħajjitna
  • L-​Ewwel Inkarigu Barrani Tagħna
  • Naddattaw Ruħna għal Kultura Oħra
  • Sfida Mhux Mistennija
  • Fl-​Aħħar Ġiet il-​Libertà
  • L-​Iktar Sorpriża Reċenti li Kellna
  • Sorpriża Rigward is-​Saħħa
  • Esperjenzajna l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’ħafna modi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Minn Faqar Estrem għall-Akbar Rikkezzi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Bidla fl-Inkarigu fl-Età taʼ 80 Sena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Premjata Għax Aċċettajt Kull Stedina taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 10/1 pp. 24-29

Bijografija

Ħajja Mimlija Sorpriżi fis-​Servizz taʼ Jehovah

KIF RAKKONTATA MINN ERIC U HAZEL BEVERIDGE

“Jien nissentenzjak għal sitt xhur ħabs.” B’dan il-​kliem jidwi f’widnejja, itteħidt il-​Ħabs taʼ Strangeways f’Manchester, l-​Ingilterra. Kien Diċembru taʼ l-​1950, u jien kelli 19-il sena. Kont għadni kemm iffaċċjajt waħda mill-​iktar provi diffiċli taʼ żgħożiti—irrifjutajt li mmur għas-​servizz militari.—2 Korintin 10:​3-5.

KONT ministru full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u suppost dan kien ifisser li kont meħlus mis-​servizz militari, imma l-​liġi Ingliża ma kinitx taċċettana bħala ministri tar-​reliġjon. Għalhekk, spiċċajt waħdi f’ċella tal-​ħabs. U ftakart f’missieri. B’mod indirett, kont il-​ħabs minħabba fih.

Mela ħa ngħidilkom, missieri, uffiċjal tal-​ħabs, kien raġel minn Yorkshire b’konvinzjonijiet u prinċipji sodi. Minħabba l-​esperjenzi tiegħu fl-​armata u bħala uffiċjal tal-​ħabs, hu ma kienx favur il-​Kattoliċiżmu. Kellu l-​ewwel kuntatt max-​Xhieda fil-​bidu tas-​snin 30 meta mar jiftaħ il-​bieb biex jeħles minnhom—u ġie lura b’xi ftit mill-​kotba tagħhom f’idejh! Iktar tard, abbona għar-​rivista Consolation (issa Stenbaħ!). Ix-​Xhieda kienu jżuruna darba fis-​sena biex jinkuraġġuh iġedded l-​abbonament tiegħu. Meta kelli madwar 15-il sena, huma involvew lil missieri f’diskussjoni oħra, u jien dħalt fil-​konversazzjoni u bdejt naqbel max-​Xhieda. Kien minn dak in-​nhar li jien bdejt nistudja l-​Bibbja.

Taʼ 17-il sena, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah billi tgħammidt f’Marzu taʼ l-​1949. Iktar tard dik is-​sena ltqajt maʼ John u Michael Charuk, li kienu għadhom kemm iggradwaw mill-​iskola missjunarja taʼ Gilgħad u kienu fi triqithom lejn in-​Niġerja. Bqajt verament impressjonat bl-​ispirtu tagħhom bħala missjunarji. Forsi mingħajr ma rrealizzaw, huma nisslu dak l-​ispirtu f’qalbi.

Waqt li kont qed nistudja l-​Bibbja, tlift l-​interess li mmur l-​università. Sa sena minn mindu tlaqt mid-​dar biex naħdem fl-​uffiċċju tad-​Dwana u t-​Taxxi f’Londra, ħassejtni li ma stajtx inwettaq id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla jekk jien nibqaʼ fis-​servizz ċivili. Meta tlaqt mix-​xogħol tiegħi taʼ l-​uffiċċju, wieħed minn sħabi li kien ilu ħafna snin jaħdem hemmhekk feraħli għax kont ħallejt xogħol li jirrovina l-​ispirtu taʼ dak li jkun.

Qabel dan kollu ffaċċjajt prova oħra—kif se ngħid lil missieri li ridt nitlaq mix-​xogħol stabbli tiegħi biex insir ministru full-time. Lejla waħda waqt li kont id-​dar minħabba l-​vaganzi, għedtlu bid-​deċiżjoni tiegħi. Stennejt li missieri se jinfaqaʼ u jgħidli kulma jiġi għal ilsienu. Bi stagħġib għalija hu sempliċement qalli li jien irrid inbati l-​konsegwenzi tad-​deċiżjoni li nieħu. Qalli wkoll li jekk ma jirnexxilix, ma mmurx nibki għandu. Fid-​djarju tiegħi, taħt id-​data taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1950, ktibt: “Għedt lil missieri dwar ix-​xogħol taʼ pijunier. Bqajt mistagħġeb bl-​attitudni raġunevoli tiegħu li kienet t’għajnuna għalija. Ma stajtx ma nitqanqalx għat-​tjieba tiegħu.” Tlaqt mis-​servizz ċivili u aċċettajt l-​inkarigu bħala pijunier full-time.

Inkarigu li Kien Jinkludi “Dar Ċkejkna”

Imbagħad ġiet prova oħra tad-​devozzjoni tiegħi lejn Alla. Ġejt offrut inkarigu bħala pijunier f’Lancashire, fejn kont se noqgħod ġo “dar ċkejkna” maʼ Lloyd Griffiths, wieħed mill-​Kristjani sħabna f’Wales. Mimli entużjażmu dwar din id-​dar ċkejkna, wasalt fil-​belt taʼ Bacup li kienet mgħarrqa bix-​xita u mudlama. Malajr iffaċċjajt ir-​realtà meta rajt dik id-​dar ċkejkna li ma kinitx għajr kantina! Kien hemm il-​ġrieden u l-​kokroċ jagħmlulna kumpanija matul il-​lejl. Għal naqra ma biddiltx ħsiebi u mort lura d-​dar. Minflok, tlabt f’qalbi biex Jehovah isaħħaħni ħalli niffaċċja din il-​prova. F’daqqa waħda, ħassejt ċertu paċi ġo fija, u bdejt nara s-​sitwazzjoni f’dawl ieħor. Dan kien l-​inkarigu tiegħi mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Ridt nafda f’Jehovah għall-​għajnuna. Kemm jien grat li ma qtajtx qalbi, għax li kieku tlaqt, ħajti kienet tinbidel għal dejjem!—Isaija 26:​3, 4.

Ippridkajt għal madwar disaʼ xhur f’Rossendale Valley, fejn dak iż-​żmien kien hemm kriżi ekonomika, qabel ma tefgħuni l-​ħabs talli rrifjutajt is-​servizz militari. Wara ġimagħtejn fil-​Ħabs taʼ Strangeways, ittrasferewni għall-​Ħabs taʼ Lewes fil-​kosta tan-​nofsinhar taʼ l-​Ingilterra. Maż-​żmien konna ħames Xhieda b’kollox hemmhekk, u stajna nikkommemoraw il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu f’ċella tal-​ħabs.

Darba missieri ġie jarani. Żgur li kienet prova iebsa għalih li jegħleb il-​kburija tiegħu—uffiċjal tal-​ħabs magħruf sew imur iżur lil ibnu li kien ħabsi! Jien dejjem nibqaʼ grat għal dik iż-​żjara. Fl-​aħħar ġejt meħlus f’April taʼ l-​1951.

Wara li ġejt meħlus minn Lewes, qbadt ferrovija għal Cardiff, f’Wales, fejn dak iż-​żmien missieri kien qed jaqdi bħala uffiċjal prinċipali tal-​ħabs. Jien kont l-​akbar wieħed fost erbat itfal—tliet subien u tifla. Kelli nsib xogħol part-time sabiex inkun nistaʼ mmantni lili nnifsi u nkompli bħala pijunier. Mort naħdem f’ħanut tal-​ħwejjeġ, imma l-​iskop prinċipali f’ħajti kien il-​ministeru Kristjan. Kien għal din il-​ħabta li ommi telqitna. Din kienet daqqa taʼ ħarta kbira għal missieri u għalina t-​tfal, li konna taʼ l-​etajiet minn 8 sa 19-il sena. B’sogħba, il-​ġenituri tagħna ddivorzjaw.

Min Isib Mara Tajba . . .

Kien hemm diversi pijunieri fil-​kongregazzjoni. Fosthom kien hemm oħt li kienet tinżel kuljum minn Rhondda Valley, fejn hemm il-​minjieri tal-​faħam, biex tiġi għax-​xogħol sekulari u għall-​attività taʼ l-​ippridkar. Kien jisimha Hazel Green—pijuniera eċċellenti. Hazel kienet ilha taf bil-​verità ħafna snin iktar minni—il-​ġenituri tagħha kienu ilhom jattendu għal-​laqgħat taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja (issa magħrufin bħala Xhieda taʼ Jehovah) mis-​snin 20. Imma ħa tirrakkonta l-​istorja tagħha hi stess.

“Qatt ma ħadt il-​Bibbja bis-​serjetà sakemm fl-​1944 qrajt il-​ktejjeb Religion Reaps the Whirlwind (Ir-Reliġjon Taħsad it-​Tempesti). Ommi ġagħlitni mmur għal assemblea tas-​circuit f’Cardiff. Bil-​ftit li xejn tagħrif li kelli dwar il-​Bibbja, sibt ruħi f’ċentru taʼ ħwienet prinċipali, b’kartellun imdendel miegħi li kien qed iħabbar taħdita pubblika. Irnexxieli ngħaddi minn din l-​esperjenza minkejja li membri tal-​kleru u oħrajn bdew jhedduni. Tgħammidt fl-​1946 u bdejt ix-​xogħol taʼ pijuniera f’Diċembru taʼ dik is-​sena. Imbagħad, fl-​1951 ġie pijunier żagħżugħ f’Cardiff, li kien għadu kemm ħareġ mill-​ħabs. Dan kien Eric.

“Konna mmorru nippridkaw flimkien. Konna vera naqblu. Kellna l-​istess miri f’ħajjitna—li navanzaw l-​interessi tas-​Saltna t’Alla. Għalhekk, f’Diċembru taʼ l-​1952 iżżewwiġna. Għalkemm it-​tnejn li aħna konna fis-​servizz taʼ pijunier full-time u kellna dħul limitat, qatt ma konna neqsin mill-​affarijiet bażiċi. Kien hemm drabi li rċivejna xi rigal mingħand xi Xhud li b’kumbinazzjoni tkun ordnat iżżejjed ġamm jew sapun fix-​xirjiet tagħha—u eżatt meta konna nkunu fil-​bżonn! Konna tassew grati għal rigali prattiċi bħal dawn. Imma kienu għadhom ġejjin sorpriżi akbar għalina.”

Sorpriża li Biddlitilna Ħajjitna

F’Novembru taʼ l-​1954, jien u Hazel ħadna sorpriża mhux mistennija—applikazzjoni mill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Londra biex jien nibda naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, u nżur kongregazzjoni differenti kull ġimgħa. Konna konvinti li kien xi żball, u għalhekk ma għedna lil ħadd fil-​kongregazzjoni. Madankollu, imlejt il-​formola u bgħattha, u stennejna b’ansjetà kbira. Ftit jiem wara, irċivejt ir-​risposta: “Ejja Londra għat-​taħriġ!”

Fl-uffiċċju taʼ Londra, ma stajtx nemmen li jien, fl-​età taʼ 23 sena, kont hemmhekk m’aħwa meraviljużi li għalija kienu jidhru li għandhom qawwa spiritwali straordinarja—Pryce Hughes, Emlyn Wynes, Ernie Beavor, Ernie Guiver, Bob Gough, Glynn Parr, Stan u Martin Woodburn, u ħafna oħrajn, li l-​biċċa l-​kbira minnhom mietu. Huma ħejjew pedament sod taʼ żelu u integrità fil-​Britannja lura fis-​snin 40 u 50.

Ix-​Xogħol tas-​Circuit fl-​Ingilterra —Qatt Ma Kien taʼ Dwejjaq

Il-​bidu tagħna fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar beda fix-​xitwa b’ħafna borra taʼ l-​1954/55. Ġejna inkarigati biex immorru f’East Anglia, art ċatta fl-​Ingilterra li qiegħda mikxufa għall-​irjiħat kesħin tan-​North Sea. Kien hemm 31,000 Xhud biss fil-​Britannja dak iż-​żmien. Dan l-​ewwel xogħol tas-​circuit kien esperjenza diffiċli li minnha tgħallimna ħafna; u lanqas ma kien dejjem faċli għall-​aħwa li konna nżuru. Bin-​nuqqas taʼ esperjenza tiegħi u l-​fatt li kont raġel minn Yorkshire bla ħajta fi lsienu, xi drabi offendejt lil xi aħwa. Maż-​żmien, kelli nitgħallem li l-​ħlewwa hija iktar importanti mill-​effiċjenza u li n-​nies huma iktar importanti mill-​proċeduri. Għadni qed nipprova, imma mhux dejjem jirnexxili nsegwi l-​eżempju taʼ Ġesù li nkun taʼ serħan għal oħrajn.—Mattew 11:​28-30.

Wara 18-il xahar f’East Anglia, ġejna mibgħutin biex naqdu f’circuit fin-​naħa tal-​grigal taʼ l-​Ingilterra, Newcastle upon Tyne u Northumberland. Kont inħobbhom lin-​nies dħulin taʼ dak ir-​reġjun mimli veduti sbieħ. T’għajnuna kbira għalija kienet iż-​żjara taʼ l-​indokratur tad-​distrett, Don Ward, minn Seattle, Washington, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Hu kien iggradwa mill-​20 klassi taʼ Gilgħad. Bħala kelliemi kont naħtaf il-​kliem u ngħaġġel meta nagħti xi taħdita. Hu għallimni biex nitkellem bil-​mod, nieħu l-​pawsi, u ngħallem.

Sorpriża Oħra li Biddlitilna Ħajjitna

Fl-​1958 irċivejna ittra li biddlitilna ħajjitna. Ġejna mistidnin nattendu l-​Iskola taʼ Gilgħad f’South Lansing, New York, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Begħna l-​karozza żgħira li kellna, Austin Seven taʼ l-​1935, u xtrajna l-​biljetti biex immorru bil-​vapur lejn New York. L-​ewwel attendejna l-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Belt taʼ New York. Minn hemmhekk morna Peterborough, ġewwa Ontario, biex għal sitt xhur nagħmlu xogħol taʼ pijunieri qabel ma mmorru għall-​Iskola taʼ Gilgħad.

L-għalliema taʼ l-​iskola kienu Albert Schroeder, li issa hu membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, kif ukoll Maxwell Friend u Jack Redford, li llum m’għadhomx ħajjin. Is-​sħubija mat-​82 student minn 14-il pajjiż kienet tassew li tibnik. Bdejna nifhmu xi daqsxejn dwar il-​kulturi taʼ xulxin. Billi tħallatna maʼ studenti barranin li kienu qed jistinkaw biex jitgħallmu bl-​Ingliż kellna idea minn qabel tal-​problemi li konna se niffaċċjaw meta niġu biex nitgħallmu lingwa oħra. Lestejna t-​taħriġ tagħna f’ħames xhur u ġejna mibgħutin f’27 pajjiż differenti. Imbagħad waslet il-​gradwazzjoni, u wara ftit ġranet konna fil-​Belt taʼ New York nistennew il-​vapur Queen Elizabeth, biex jiħodna lura fl-​Ewropa.

L-​Ewwel Inkarigu Barrani Tagħna

Liema inkarigu ngħatajna? Il-​Portugall! Wasalna f’Lisbona f’Novembru taʼ l-​1959. Issa kien wasal iż-​żmien tal-​prova li naddattaw ruħna għal lingwa u kultura ġdida. Fl-​1959, kien hemm 643 Xhud attiv fil-​Portugall, f’popolazzjoni taʼ kważi 9 miljun ruħ. Imma x-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar ma kienx rikonoxxut legalment. Għalkemm kellna s-​Swali tas-​Saltna, ma kienx hemm tabelli fuq barra.

Wara li ġejna mgħallmin il-​lingwa Portugiża mill-​missjunarja Elsa Piccone, jien u Hazel morna nżuru l-​kongregazzjonijiet u l-​gruppi madwar Lisbona, Faro, Evora, u Beja. Imbagħad, fl-​1961 l-​affarijiet bdew jinbidlu. Kont qed nistudja l-​Bibbja maʼ żagħżugħ jismu João Gonçalves Mateus. Hu ddeċieda li jieħu l-​waqfa tiegħu bħala Kristjan newtrali fuq il-​kwistjoni tas-​servizz militari. Ftit wara dan, ġejt mistieden biex immur fil-​kwartieri ġenerali tal-​pulizija ħalli jinterrogawni. Sorpriża oħra! Ftit jiem wara, qalulna li ridna nħallu l-​pajjiż fi żmien 30 jum! L-​istess ġralhom sħabna l-​missjunarji Eric u Christina Britten u Domenick u Elsa Piccone.

Tlabthom jagħtuna opportunità biex inkellmuhom, u ħallewna naraw lill-​kap tal-​pulizija sigrieta. Hu qalilna ċar u tond għala ntqalilna biex nitilqu u semma isem—João Gonçalves Mateus—l-​istudent tiegħi tal-​Bibbja! Qal li l-​Portugall mhux bħall-​Britannja—ma jistax jippermetti l-​opportunità lil xi reliġjon li toġġezzjona fuq il-​bażi tal-​kuxjenza. Għalhekk kellna nitilqu mill-​Portugall, u tlift il-​kuntatt maʼ João. Imbagħad, 26 sena wara, kemm fraħt meta rajtu maʼ martu u tliet uliedu bniet fid-​dedikazzjoni tal-​Betel il-​ġdida fil-​Portugall! Il-​ministeru tagħna fil-​Portugall ma kienx għalxejn!—1 Korintin 3:​6-9.

Liema inkarigu kien imissna? Sorpriża! Spanja, il-​ġâra tal-​Portugall. Bid-​dmugħ f’għajnejna, fi Frar taʼ l-​1962 qbadna l-​ferrovija minn Lisbona u morna lejn Madrid.

Naddattaw Ruħna għal Kultura Oħra

Fi Spanja kellna nidraw nippridkaw u nattendu għal-​laqgħat tagħna bil-​moħbi. Meta konna nippridkaw, normalment qatt ma konna mmorru nħabbtu f’żewġt idjar ħdejn xulxin. Wara li nagħtu xiehda f’bieb, konna mmorru fi triq oħra, f’bini ieħor. Dan kien jagħmilha diffiċli biex jaqbduna l-​pulizija jew il-​qassisin. Ma tridx tinsa li konna qed ngħixu taħt dittatorjat Faxxist Kattoliku, u x-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar kien projbit. Bħala barranin, bdejna nużaw ismijiet Spanjoli bħala protezzjoni biex ma niġux identifikati. Jien sirt Pablo, u Hazel saret Juana.

Wara ftit xhur f’Madrid, ġejna mibgħutin fuq xogħol tas-​circuit f’Barċellona. Żorna diversi kongregazzjonijiet fil-​belt, u taʼ spiss konna nqattgħu ġimagħtejn jew tlieta f’kull waħda minnhom. Iż-​żjajjar kienu jdumu daqshekk fit-​tul minħabba li kellna nżuru kull grupp taʼ studju tal-​ktieb bħallikieku kien kongregazzjoni, u normalment dan kien ifisser żewġ gruppi fil-​ġimgħa.

Sfida Mhux Mistennija

Fl-​1963 ġejna mistidnin nibdew ix-​xogħol tad-​distrett fi Spanja. Biex naqdu lil kważi 3,000 Xhud attiv, kellna nkopru l-​pajjiż kollu, billi nżuru d-​disaʼ circuits li kienu jeżistu dak iż-​żmien. Ftit mill-​iktar assembleat tas-​circuit memorabbli li kellna nżammu bil-​moħbi f’boskijiet ħdejn Seville, f’razzett ħdejn Gijon, u max-​xmajjar ħdejn Madrid, Barċellona, u Logroño.

Bħala prekawzjoni, meta konna nippridkaw minn dar għal dar, kont niċċekkja kif inhuma mqassmin it-​toroq fil-​viċin biex inkunu nafu minfejn għandna naħarbu f’każ li jinqalaʼ xi inkwiet. Darba waħda meta konna qed nippridkaw f’Madrid, jien u Xhud ieħor konna f’sular taʼ fuq meta f’daqqa waħda smajna għajat u twerżiq ġej minn isfel. Meta nżilna, sibna grupp taʼ tfajliet adolexxenti, membri taʼ grupp Kattoliku msejjaħ Hijas de María (Ulied Marija). Kienu qed javżaw lill-​ġirien dwarna. Ma stajniex nirraġunaw magħhom, u kont naf li jekk ma nitilqux malajr kienu jaqbduna l-​pulizija. Għalhekk ħrabna—u bl-​għaġla!

Dawk is-​snin li qattajna fi Spanja kienu eċċitanti. Konna qed nipprovaw ninkuraġġixxu lill-​aħwa mill-​aħjar t’hemmhekk, inkluż il-​ministri li kienu pijunieri speċjali. Huma ssograw il-​ħabs u taʼ spiss issaportew tbatijiet kbar sabiex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u jistabbilixxu u jibnu l-​kongregazzjonijiet.

Matul dan il-​perijodu rċivejna wkoll aħbar ħażina. Hazel tispjega: “Fl-​1964 mietet ommi li kienet Xhud leali. Kienet daqqa taʼ ħarta kbira li tliftha mingħajr lanqas biss kelli ċ-​ċans naraha taʼ l-​aħħar. Dan huwa parti mill-​prezz tax-​xogħol missjunarju li ħafna oħrajn ħallsu bħali.”

Fl-​Aħħar Ġiet il-​Libertà

Wara snin taʼ persekuzzjoni, f’Lulju taʼ l-​1970, fl-​aħħar ix-​xogħol tagħna ġie rikonoxxut legalment mill-​gvern taʼ Franco. Jien u Hazel ridna ntiru bil-​ferħ meta nfetħu s-​Swali tas-​Saltna, l-​ewwel waħda f’Madrid u t-​tieni f’Lesseps, Barċellona. Dejjem kien ikollhom tabelli kbar bl-​isem u taʼ spiss ikunu mixgħulin. Ridna li n-​nies ikunu jafu li issa konna aċċettati legalment u hawn konna se nibqgħu! Sa dan iż-​żmien, fl-​1972, kien hemm kważi 17,000 Xhud fi Spanja.

Għall-ħabta taʼ dan iż-​żmien, ħadt aħbar verament inkuraġġanti mill-​Ingilterra. Missieri kien ġie jżurna fi Spanja fl-​1969. Tant baqaʼ impressjonat bil-​mod kif ittrattaw miegħu x-​Xhieda Spanjoli li meta mar lura l-​Ingilterra beda jistudja l-​Bibbja. Imbagħad, fl-​1971 qaluli li missieri kien tgħammed! Kien mument kommoventi meta morna nżuruh, u hu bħala ħija Kristjan, qal it-​talba qabel ma kilna flimkien. Kont ilni nistenna dan il-​jum iktar minn 20 sena. Ħija Bob u martu, Iris, saru Xhieda fl-​1958. Binhom, Phillip, issa qed jaqdi bħala indokratur tas-​circuit fi Spanja maʼ martu, Jean. Nieħdu ferm pjaċir narawhom jaqdu f’dak il-​pajjiż meraviljuż.

L-​Iktar Sorpriża Reċenti li Kellna

Fi Frar taʼ l-​1980, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna ġie jżur Spanja bħala indokratur taż-​żona. B’sorpriża għalija, hu ried jaħdem miegħi fil-​ministeru. Ma kontx naf li kien qed jistudjani! Imbagħad f’Settembru, ġejna mistidnin biex immorru noqogħdu fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York! Bqajna mistagħġbin. Aċċettajna l-​istedina, avolja kien taʼ qsim il-​qalb li nħallu lil ħutna Spanjoli. Sa dan iż-​żmien, kien hemm 48,000 Xhud!

Meta konna sejrin, kien hemm ħu li tani arloġġ tal-​but bħala rigal. Fuqu kien hemm imnaqqxin żewġ skritturi—“Lucas 16:10; Lucas 17:10.” Hu qalli li dawn kienu l-​iskritturi assoċjati miegħi. Luqa 16:10 jenfasizza li għandna nkunu leali f’affarijiet żgħar, u Luqa 17:10 jgħid li aħna “qaddejja li ma niswew għal xejn” u għalhekk m’għandniex għalfejn niftaħru. Dejjem irrealizzajt li kulma nagħmlu fis-​servizz taʼ Jehovah huwa sempliċement id-​dmir tagħna bħala Kristjani dedikati.

Sorpriża Rigward is-​Saħħa

Fl-​1990, qalbi bdiet tagħtini l-​problemi. Maż-​żmien, kelli bżonn nagħmel operazzjoni sabiex jiftħuli arterja miżduda. Matul dan il-​perijodu diffiċli taʼ nuqqas taʼ saħħa, Hazel appoġġatni f’ħafna modi, taʼ spiss kienet iġġorrli basktijiet u bagalji li ma kontx niflaħhom. Imbagħad, f’Mejju 2000, għamluli pacemaker. X’bidla għamlet fija!

Matul dawn l-​aħħar 50 sena, jien u Hazel rajna li id Jehovah m’hijiex qasira u li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu fiż-​żmien stabbilit minnu, u mhux meta naħsbu aħna. (Isaija 59:1; Ħabakkuk 2:3) Kellna ħafna sorpriżi taʼ ferħ f’ħajjitna u ftit taʼ dwejjaq ukoll, imma Jehovah dejjem appoġġana. Hawnhekk fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah, aħna mberkin li kuljum inkunu f’kuntatt mal-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Xi kultant nistaqsi lili nnifsi, ‘Tassew qegħdin hawn?’ Hija qalb tajba mhix mistħoqqa. (2 Korintin 12:9) Aħna fiduċjużi li Jehovah se jkompli jipproteġina kontra t-​tnassis taʼ Satana u jibqaʼ magħna sabiex inkunu nistgħu ngawdu l-​jum tal-​ħakma tiegħu taʼ tjieba fuq l-​art kollha.—Efesin 6:​11-18; Apokalissi 21:​1-4.

[Stampa f’paġna 26]

Il-​Ħabs taʼ Strangeways, f’Manchester, fejn bdejt niskonta s-​sentenza tiegħi

[Stampa f’paġna 27]

Bil-​karozza Austin Seven fix-​xogħol tas-​circuit fl-​Ingilterra

[Stampa f’paġna 28]

Assemblea li nżammet bil-​moħbi f’Cercedilla, Madrid, fi Spanja, fl-​1962

[Stampa f’paġna 29]

Ħdejn il-​mejda tal-​letteratura Biblika fi Brooklyn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja