Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Is-serp fil-ġnien taʼ Għeden kif tahielha l-idea lil Eva biex tikser il-liġi t’Alla dwar is-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin?
Ġenesi 3:1 jistqarr: “U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: ‘Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?”’” Saru diversi suġġerimenti dwar kif is-serp setaʼ kkomunika m’Eva. Suġġeriment wieħed hu li dan għamlu permezz taʼ sinjali jew ġesti. Per eżempju, membru Ingliż tal-kleru, Joseph Benson qal dwar dan: “Jidher li wisq probabbli dan sar permezz taʼ xi tip taʼ sinjali. Fil-fatt, xi wħud ħasbu li r-raġuni u d-diskors kienu karatteristiċi normali għas-sriep f’dak iż-żmien, . . . iżda taʼ dan m’hemm l-ebda prova.”
Madankollu, permezz tas-sinjali biss, kif setaʼ s-serp jikkomunika m’Eva l-ħsieb li jekk tieħu mill-frotta projbita kienet se ssir bħal Alla, kapaċi tiddeċiedi x’kien tajjeb u x’kien ħażin? Barra minn hekk, Eva ħadet sehem fil-konversazzjoni, meta wieġbet il-mistoqsija li qajjem is-serp. (Ġenesi 3:2-5) L-opinjoni li s-serp ikkomunika biss bis-sinjali jew bil-mossi, kieku ġġagħalna naslu għall-konklużjoni li Eva wieġbet billi użat il-ġesti, iżda l-Bibbja tgħidilna li hi tkellmet.
Waqt li rrefera għal din il-ġrajja, l-appostlu Pawlu wissa lil sħabu l-Kristjani: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru.” Il-periklu li tkellem dwaru Pawlu kien minħabba “appostli foloz, ħaddiema qarrieqa.” It-theddida li “appostli [“fini żżejjed,” NW]” bħal dawn ippreżentaw ma kinitx limitata għal sinjali jew ġesti. Kienet tinkludi d-diskors tagħhom—kliem makakk, li kienu jgħidu biex iqarrqu bl-oħrajn.—2 Korintin 11:3-5, 13.
Għalkemm fil-ġnien taʼ Għeden id-diskors intuża biex jiżvija ’l Eva, m’hemm xejn x’jissuġġerixxi li s-serp letterali kellu l-kordi vokali. Propjament lanqas biss kellu bżonnhom. Meta l-anġlu t’Alla tkellem maʼ Balgħam permezz taʼ ħmara, l-annimal ma kellux bżonn dik il-parti komplessa tal-gerżuma li minnha toħroġ il-vuċi bħal dik li għandu l-bniedem. (Numri 22:26-31) Ovvjament, meta dan il-“ħmar tat-tagħbija bla kliem tkellem bħal bniedem,” il-qawwa wara l-azzjoni kienet ġejja mill-qasam taʼ l-ispirti.—2 Pietru 2:16.
Il-ħliqa spirtu wara s-serp li kellem ’l Eva huwa identifikat fil-Bibbja bħala “s-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan.” (Apokalissi 12:9) Il-kliem li nstemaʼ minn Eva u li wieġbet għalih kien ġej minn Satana, li jkompli “jitbiddel f’anġlu tad-dawl.”—2 Korintin 11:14.
[Stampa f’paġna 27]
“Issiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin”