Min Kien Tassew Ġesù
WARA li sar jaf mill-appostli tiegħu x’kienu qed jaħsbu fuqu n-nies, Ġesù staqsiehom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Skond l-Evanġelju taʼ Mattew, l-appostlu Pietru wieġeb: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” (Mattew 16:15, 16) Kien hemm oħrajn li kienu taʼ l-istess ħsieb. Natanjel, li wara sar wieħed mill-appostli, qal lil Ġesù: “Rabbi, . . . int l-Iben taʼ Alla, inti s-sultan taʼ Iżrael!” (Ġwann 1:49) Ġesù nnifsu tkellem dwar l-importanza taʼ l-irwol tiegħu: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġwann 14:6) F’diversi okkażjonijiet, irrefera għalih innifsu bħala “l-Iben taʼ Alla.” (Ġwann 5:24, 25; 11:4) U hu wera li din l-istqarrija kienet minnha billi wettaq xogħlijiet mirakolużi, saħansitra qajjem lill-mejtin.
Dubji Bbażati fis-Sod?
Imma nistgħu aħna nafdaw tassew il-verżjoni li jagħtuna l-Evanġelji dwar Ġesù? Jagħtu deskrizzjoni vera taʼ Ġesù? Frederick F. Bruce, li qabel ma miet kien professur tal-kritika u taʼ l-analisi Biblika fl-Università taʼ Manchester, l-Ingilterra, qal: “Ġeneralment m’huwiex possibbli li turi permezz t’argumenti storiċi jekk kull dettall f’kitba antika huwiex minnu jew le, sew jekk dan ikun fil-Bibbja u sew jekk le. Huwa biżżejjed li jkollok fiduċja raġunevoli fl-[onestà] ġenerali taʼ kittieb; u jekk din tiġi stabbilita, hemm probabbiltà [bbażata fuq fatti magħrufin] li d-dettalji li jipprovdi huma minnhom. . . . Il-fatt li l-Kristjani jaċċettaw it-Testment il-Ġdid bħala letteratura ‘sagra’ ma jurix li hemm inqas ċans li hu taʼ min joqgħod fuqu storikament.”
Wara li eżamina d-dubji dwar Ġesù skond kif inhu deskritt fl-Evanġelji, James R. Edwards, professur tar-reliġjon fil-Kulleġġ taʼ Jamestown, North Dakota, fl-Istati Uniti, kiteb: “Nistgħu ngħidu b’fiduċja li l-Evanġelji fihom ġabra taʼ evidenzi mżewqa u sinifikanti tal-verità attwali dwar Ġesù. . . . L-iktar tweġiba loġika għall-mistoqsija għala l-Evanġelji jippreżentaw lil Ġesù bil-mod li jippreżentawh hija li bażikament hekk kien Ġesù. L-Evanġelji jippreservaw lealment l-impressjoni li hu ħalla fuq is-segwaċi tiegħu, li hu kien tassew mibgħut minn Alla u mogħti s-setgħa biex ikun l-Iben u l-Qaddej t’Alla.”a
It-Tfittxija għal Ġesù
Xi ngħidu għal dawk ir-referenzi dwar Ġesù Kristu li m’humiex fil-Bibbja? Kif inhuma meqjusin? Ix-xogħlijiet taʼ Taċitu, Swetonju, Ġużeppi Flavju, Plinju ż-Żgħir, u xi kittieba klassiċi oħrajn jinkludu numru taʼ referenzi għal Ġesù. Dwarhom, The New Encyclopædia Britannica (1995) tgħid: “Dawn ir-rakkonti indipendenti juru li fl-antik anki dawk li kienu kontra l-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-awtentiċità storika taʼ Ġesù. Dan l-argument inqalaʼ għall-ewwel darba u fuq bażi xejn soda fl-aħħar tas-seklu 18, matul is-seklu 19, u fil-bidu tas-seklu 20.”
B’sogħba, l-istudjużi moderni, fit-tfittxija tagħhom għal Ġesù “veru” jew “storiku,” jidhru li ħbew l-identità vera tiegħu taħt ħafna spekulazzjonijiet bla bażi, inċertezzi bla raġuni, u teoriji mhux ibbażati fis-sod. F’ċertu sens, huma ħatja taʼ l-istess ħaġa li b’mod falz qed jakkużaw lill-kittieba taʼ l-Evanġelji biha, jiġifieri li jivvintaw il-ħrejjef. Xi wħud tant iridu jżidu l-popolarità tagħhom u huma ħerqana biex ikollhom isimhom marbut maʼ xi teorija ġdida taʼ l-għaġeb li ma jeżaminawx onestament l-evidenza dwar Ġesù. Ir-riżultat taʼ dan il-proċess huwa li jinħoloq “Ġesù” li huwa biss frott l-immaġinazzjoni taʼ l-istudjużi.
Għal dawk li jridu jsibu lil Ġesù, l-identità vera tiegħu tistaʼ tinstab fil-Bibbja. Luke Johnson, professur tat-Testment il-Ġdid u l-oriġini tal-Kristjanità fl-Iskola tat-Teoloġija taʼ Candler fl-Università taʼ Emory, isostni li l-biċċa l-kbira mir-riċerka dwar Ġesù skond l-istorja m’hijiex fi qbil mal-objettiv tal-Bibbja. Hu jgħid li jistaʼ jkun interessanti li teżamina l-kuntest soċjali, politiku, antropoloġiku, u kulturali tal-ħajja taʼ Ġesù u żmienu. Madankollu, hu jżid jgħid illi l-fatt li nsibu dak li l-istudjużi jsejħulu Ġesù storiku “ftit li xejn huwa l-objettiv taʼ l-Iskrittura.” Din hi “iktar interessata fid-deskrizzjoni tal-karattru taʼ Ġesù,” il-messaġġ tiegħu, u l-irwol tiegħu bħala l-Feddej. Mela, kif kien tassew il-karattru taʼ Ġesù u x’kien il-messaġġ tiegħu?
Min Kien Tassew Ġesù
L-Evanġelji—l-erbaʼ rakkonti Bibliċi dwar il-ħajja taʼ Ġesù—jagħtu stampa taʼ raġel li kien juri empatija kbira. Il-ħniena u lmogħdrija qanqlu lil Ġesù biex jgħin lin-nies li kienu morda, għomja, jew qegħdin isofru minħabba affarijiet oħrajn. (Mattew 9:36; 14:14; 20:34) Ġesù ‘ħass ruħu mqanqal u beda jibki’ meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru u ra lil ħutu mnikktin. (Ġwann 11:32-36) Fil-fatt, l-Evanġelji juru l-varjetà tas-sentimenti taʼ Ġesù—simpatija għal wieħed imġiddem, ferħ kbir minħabba s-suċċess tad-dixxipli tiegħu, rabja għall-indifferenza li kienu juru l-legalisti, u dwejjaq minħabba li Ġerusalemm ċaħdet lill-Messija.
Meta Ġesù kien iwettaq xi miraklu, hu taʼ spiss iffoka fuq il-parti li kellha fil-proċess il-persuna li saritilha l-miraklu: “Il-fidi tiegħek fejjqitek.” (Mattew 9:22) Hu faħħar lil Natanjel bħala wieħed li huwa ‘tassew minn Iżrael,’ billi qal: “Ma hemm ebda qerq fih.” (Ġwann 1:47) Meta xi wħud ħasbu li r-rigal li tat waħda mara biex turi l-apprezzament tagħha kien għoli wisq, Ġesù qabeż għaliha u qal li r-rakkont tal-ġenerożità tagħha kien se jibqaʼ jissemma. (Mattew 26:6-13) Hu wera lis-segwaċi tiegħu li hu kien ħabib veru u sieħeb mimli affezzjoni, u “baqaʼ jħobbhom sa l-aħħar.”—Ġwann 13:1, Saydon; 15:11-15.
L-Evanġelji juru wkoll li Ġesù malajr kien jagħraf x’kienu l-bżonnijiet tal-biċċa l-kbira tan-nies li kien jiltaqaʼ magħhom. Sew jekk kien ikun qed jitkellem maʼ mara fejn il-bir, m’għalliem reliġjuż fi ġnien, jew sajjied ħdejn il-baħar, hu mill-ewwel kien imissilhom qalbhom. Wara li kien jgħidilhom l-ewwel ftit kelmiet, ħafna minn dawn in-nies kienu jgħidulu dwar l-iktar ħsibijiet moħbija tagħhom. Hu kien iqanqalhom biex jaġixxu. Għalkemm in-nies taʼ żmienu setgħu jevitaw li jassoċjaw maʼ nies li kellhom pożizzjoni t’awtorità, fil-każ taʼ Ġesù, in-nies kienu jiffollaw madwaru. Huma kienu jieħdu gost ikunu maʼ Ġesù. Huma kienu jħossuhom komdi fil-kumpanija tiegħu. Anki t-tfal kienu jħossuhom komdi miegħu. Meta darba Ġesù ħa tifel biex jużah bħala eżempju, hu ma ħalliehx biss bil-wieqfa quddiem id-dixxipli tiegħu imma “ħaddnu bejn dirgħajh.” (Mark 9:36; 10:13-16) Tabilħaqq, l-Evanġelji jiddeskrivu lil Ġesù bħala raġel li tant kellu kariżma li n-nies qagħdu tlett ijiem sħaħ jisimgħuh sempliċement għax kliemu kien jaffaxxinahom.—Mattew 15:32.
Il-perfezzjoni taʼ Ġesù m’għamlitux jikkritika żżejjed jew arroganti u dominanti man-nies imperfetti u midinba li kien jgħix u jippriedka fosthom. (Mattew 9:10-13; 21:31, 32; Luqa 7:36-48; 15:1-32; 18:9-14) Ġesù qatt ma kien jitlob iżżejjed minn ħaddieħor. Hu ma kompliex iżid mat-tagħbijiet tan-nies. Minflok, hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin . . . u jiena nserraħkom.” Id-dixxipli tiegħu esperjenzawh personalment il-fatt li hu kellu “qalb ħelwa u umli.” Il-madmad tiegħu kien ħelu, u t-toqol tiegħu ħafif.—Mattew 11:28-30.
Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju joħorġu l-karattru taʼ Ġesù b’mod ċar u sinċier. M’hijiex xi ħaġa faċli li erbaʼ individwi differenti jivvintaw persuna straordinarja u jagħtu l-istess stampa tiegħu matul l-erbaʼ rakkonti differenti. Huwa kważi impossibbli li erbaʼ kittieba differenti jiddeskrivu l-istess persuna u jagħtu l-istess deskrizzjoni tiegħu l-ħin kollu li kieku dan il-karattru m’eżistiex tassew.
Il-kittieb taʼ l-istorja Michael Grant jistaqsi mistoqsija li ġġagħlek taħseb: “Kif jistaʼ jkun li matul it-tradizzjonijiet kollha taʼ l-Evanġelju, mingħajr ebda eċċezzjoni, toħroġ stampa straordinarja u distinta taʼ żagħżugħ attraenti li kien jassoċja maʼ kull xorta taʼ nisa, inkluż dawk taʼ fama ħażina, mingħajr traċċa taʼ sentimentalità, superfiċjalità, jew skrupli żejda, u madankollu, f’kull ċirkustanza, iżomm b’mod sempliċi l-integrità tal-karattru tiegħu?” It-tweġiba raġunevoli hija li veru eżista raġel bħal dan u li aġixxa bil-mod kif tgħid il-Bibbja.
L-Identità Vera taʼ Ġesù u l-Futur Tiegħek
Minbarra li tagħti deskrizzjoni vera taʼ Ġesù waqt li kien fuq l-art, il-Bibbja turina wkoll li hu qabel ma sar bniedem kien jeżisti bħala l-Iben uniġenitu t’Alla, “l-ewwel fost il-ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15, Saydon) Elfejn sena ilu, Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija biex ikun jistaʼ jitwieled bħala bniedem. (Mattew 1:18) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù xandar is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità mnikkta, u ħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar.—Mattew 4:17; 10:5-7; 28:19, 20.
Fl-14 taʼ Nisan (madwar l-1 t’April), tas-sena 33 E.K., Ġesù ġie arrestat, mgħoddi ġuri, kundannat, u maqtul fuq l-akkuża falza taʼ tixwix. (Mattew 26:18-20,Mt. 26: 48–27:50) Il-mewt taʼ Ġesù sservi bħala fidwa biex teħles lill-bnedmin li jemmnu mill-istat midneb tagħhom, u b’hekk tiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem lil dawk li juru fidi fih b’mod attiv. (Rumani 3:23, 24; 1 Ġwann 2:2) Fis-16 taʼ Nisan, Ġesù ġie mqajjem mill-mewt, u ftit wara telaʼ lura fis-sema. (Mark 16:1-8; Luqa 24:50-53; Atti 1:6-9) Bħala s-sultan maħtur taʼ Jehovah, Ġesù rxoxtat għandu awtorità sħiħa biex iwettaq l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin. (Isaija 9:6, 7; Luqa 1:32, 33) Iva, il-Bibbja tippreżenta lil Ġesù bħal l-figura ewlenija fit-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla.
Fl-ewwel seklu, kotriet kbar aċċettaw lil Ġesù għal dak li kien—il-Messija mwiegħed, jew Kristu, mibgħut fuq l-art biex jivvindika s-sovranità taʼ Jehovah u jmut bħala prezz tal-fidwa għall-bnedmin. (Mattew 20:28; Luqa 2:25-32; Ġwann 17:25, 26; 18:37) Li kieku n-nies ma kinux ċerti mill-identità taʼ Ġesù, żgur li ma kinux se jitqanqlu jsiru dixxipli tiegħu u jiffaċċjaw il-persekuzzjoni ħarxa li qamet kontrihom. B’kuraġġ u b’żelu, huma daħlu għall-inkarigu li tahom, li ‘jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’—Mattew 28:19.
Illum, miljuni taʼ Kristjani sinċieri u informati tajjeb jafu li Ġesù m’huwiex xi persuna leġġendarja. Huma jaċċettawh bħala s-Sultan fuq it-tron tas-Saltna t’Alla stabbilita fis-sema, li dalwaqt se tieħu l-kontroll sħiħ taʼ l-art u l-kwistjonijiet kollha tagħha. Dan il-gvern divin huwa t’aħbar sabiħa għaliex iwiegħed serħan mill-problemi dinjin. Il-veri Kristjani juru li huma jappoġġaw lealment is-Sultan magħżul taʼ Jehovah billi jxandru “dan l-Evanġelju tas-Saltna” lil oħrajn.—Mattew 24:14.
Dawk li jappoġġaw l-arranġament tas-Saltna permezz taʼ Kristu, l-Iben taʼ dak Alla ħaj, se jgħixu u jgawdu barkiet eterni. Dawn il-barkiet jistgħu jkunu tiegħek ukoll! Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista huma ferħanin li jgħinuk issir taf verament lil Ġesù.
[Nota taʼ taħt]
a Biex teżamina r-rakkonti taʼ l-Evanġelju fid-dettall, ara kapitli 5 sa 7 tal-pubblikazzjoni Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem?, pubblikata mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]
X’Qalu Oħrajn
“Jien dejjem qist lil Ġesù taʼ Nazaret bħala wieħed mill-aqwa għalliema li qatt kellha d-dinja. . . . Lill-Ħindu ngħidilhom li ħajjitkom ma tistax tkun kompleta jekk ma tkunux studjajtu b’rispett it-tagħlim taʼ Ġesù.” Mohandas K. Gandhi, The Message of Jesus Christ.
“Karattru tant oriġinali, tant komplet, tant konsistenti, tant perfett, tant uman iżda fl-istess ħin tant ogħla minn kull kobor uman ieħor, li la jistaʼ jkun qarrieq u lanqas fittizju. . . . Teħtieġ lil xi ħadd aqwa minn Ġesù biex tivvinta l-karattru taʼ Ġesù.” Philip Schaff, History of the Christian Church.
“Li ftit irġiel komuni f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità tant qawwija u li tappella, etika tant għolja u stampa taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kwalunkwe wieħed li hemm miktub fl-Evanġelji.” Will Durant, Caesar and Christ.
“Li jkollok moviment reliġjuż mal-globu kollu mwaqqaf minn bniedem li qatt m’eżista, imma li ġie vvintat bħallikieku xi strateġija promozzjonali antika, jistaʼ jidher li ma tantx jagħmel sens meta tqis il-fatt li kien hawn ħafna wħud li għexu tassew illi pprovaw iwaqqfu reliġjonijiet u ma rnexxilhomx.” Gregg Easterbrook, Beside Still Waters.
‘Bħala studjuż taʼ l-istorja letterarja jien konvint mija fil-mija li l-Evanġelji jistgħu jkunu kollox minbarra leġġendi. Ma fihomx biżżejjed immaġinazzjoni biex ikunu leġġendi. Il-parti l-kbira mill-ħajja taʼ Ġesù ma nafuhiex, u l-ebda individwu li jivvinta leġġenda m’huwa se jħalli daqshekk dettalji barra.’ C. S. Lewis, God in the Dock.
[Stampi f’paġni 7]
L-Evanġelju juru i-varjeta tas-sentimenti taʼĠesù